02012R0648 — MT — 18.12.2019 — 014.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) Nru 648/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-4 ta’ Lulju 2012

dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 201 27.7.2012, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 575/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-26 ta’ Ġunju 2013

  L 176

1

27.6.2013

►M2

REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1002/2013 tat-12 ta' Lulju 2013

  L 279

2

19.10.2013

 M3

DIRETTIVA 2014/59/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’relevanza għaż-ŻEE tal-15 ta’ Mejju 2014

  L 173

190

12.6.2014

►M4

REGOLAMENT (UE) Nru 600/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta’ Mejju 2014

  L 173

84

12.6.2014

►M5

DIRETTIVA (UE) 2015/849 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b'rilevanza għaż-ŻEE tal-20 ta' Mejju 2015

  L 141

73

5.6.2015

 M6

REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1515 tal-5 ta' Ġunju 2015

  L 239

63

15.9.2015

►M7

REGOLAMENT (UE) 2015/2365 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-25 ta’ Novembru 2015

  L 337

1

23.12.2015

 M8

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/610 tal-20 ta' Diċembru 2016

  L 86

3

31.3.2017

►M9

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/979 tat-2 ta' Marzu 2017

  L 148

1

10.6.2017

►M10

REGOLAMENT (UE) 2017/2402 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-12 ta’ Diċembru 2017

  L 347

35

28.12.2017

►M11

REGOLAMENT (UE) 2019/834 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta' Mejju 2019

  L 141

42

28.5.2019


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 321, 30.11.2013, p.  6 (575/2013)

►C2

Rettifika, ĠU L 183, 9.7.2019, p.  14 (648/2012)




▼B

REGOLAMENT (UE) Nru 648/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-4 ta’ Lulju 2012

dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



TITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

▼C2

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tal-ikklerjar u tal-immaniġġjar bilaterali tar-riskju għall-kuntratti tad-derivati negozjati barra l-Borża (“OTC”), ir-rekwiżiti ta' rappurtar għall-kuntratti tad-derivati u rekwiżiti uniformi għat-twettiq ta' attivitajiet ta' kontropartijiet ċentrali (“CCPs”) u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet.

▼B

2.  Dan ir-Regolament għandu japplika għal kontropartijiet ċentrali u l-membri tal-ikklerjar tagħhom, il kontropartijiet finanzjarji u r-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet. Għandu japplika għal kontropartijiet mhux finanzjarji u postijiet ta’ negozju fejn ikun hekk previst.

3.  It-Titolu V ta’ dan ir-Regolament għandu japplika biss għal titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus, kif iddefinit fil-punt (18)(a) u (b) u l-punt (19) of tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE.

4.  Dan ir-Regolament ma għandux japplika:

(a) għall-membri tas-SEBĊ u l-korpi oħra tal-Istati Membri li jwettqu funzjonijiet simili u korpi publiċi oħra tal-Unjoni li huma impenjati fi jew jintervjenu fl-amministrazzjoni tad-dejn publiku;

(b) għall-Bank ta’ Saldi Internazzjonali;

▼M2

(c) il-banek ċentrali u l-korpi pubbliċi inkarigati bil-ġestjoni tad-dejn pubbliku, jew li jintervjenu fih, fil-pajjiżi li jmiss:

(i) il-Ġappun;

(ii) l-Istati Uniti tal-Amerika;

▼M9

(iii) l-Awstralja;

(iv) il-Kanada;

(v) Hong Kong;

(vi) il-Messiku;

(vii) Singapore;

(viii) l-Iżvizzera.

▼B

5.  Bl-eċċezzjoni tal-obbligu tar-rappurtar taħt l-Artikolu 9, dan ir-Regolament, m’għandux japplika għall-entitajiet li ġejjin:

(a) għall-banek ta’ żvilupp multilaterali, kif imniżżla taħt it-Taqsima 4.2 tal-Parti 1 tal-Anness VI għad-Direttiva 2006/48/KE;

(b) entitajiet tas-settur pubbliku skont it-tifsira tal-punt (18) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE meta jkunu proprjetà tal-gvern ċentrali u jkollhom arranġamenti espliċiti ta’ garanzija pprovduti mill-gvern ċentrali;

(c) il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà.

6.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 82 biex temenda l-lista stabbilita fil-paragrafu 4 ta’dan l-Artikolu.

Għal dak il-għan, sas-17 ta’ Novembru 2012 il-Kummissjoni għandha tħejji u tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport fejn tevalwa t-trattament internazzjonali tal-korpi pubbliċi inkarigati minn jew li jintervjenu fl-immaniġġjar tad-dejn pubbliku u l-banek ċentrali.

Ir-rapport għandu jinkludi analiżi komparattiva tat-trattament ta’ dawk il-korpi u banek ċentrali fil-qafas legali ta’ għadd sinifikanti ta’ pajjiżi terzi, inklużi mill-inqas [tlieta] mill-iktar qrati importanti fir-rigward ta’ volum ta’ kuntratti li jsiru ġo fihom, u tal-istandards ta’ immaniġġjar tar-riskju applikabbli għat-tranżazzjonijiet tad-derivati ippreżentati minn dawn il-korpi u minn banek ċentrali f’dawn il-qrati. Jekk ir-rapport juri, speċjalment fir-rigward tal-analiżi komparattiva, li eżenzjoni mir-responsabbiltà monetarja ta’ dawn il-banek ċentrali ta’ pajjiżi terzi mill-obbligu tal-ikklerjar u tar-rappurtar tkun neċessarja, il-Kummissjoni għandha żżidhom fil-lista stipulata fil-paragrafu 4.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

▼C2

(1) “kontroparti ċentrali” (“CCP”) tfisser persuna ġuridika li tqiegħed lilha nnifisha bejn il-kontropartijiet għall-kuntratti nnegozjati f'suq finanzjarju wieħed jew iktar, li ssir ix-xerrejja għal kull bejjiegħ u l-bejjiegħa għal kull xerrej;

▼B

(2) “repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet” tfisser persuna ġuridika li ċentralment tiġbor u żżomm ir-rekords tad-derivati;

(3) “ikklerjar” tfisser il-proċess biex jiġu stabbiliti pożizzjonijiet, inkluż il-kalkolu ta’ obbligi netti, u biex jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji, flus jew it-tnejn li huma, jkunu disponibbli biex jiżguraw l-espożizzjonijiet li jirriżultaw minn dawn il-pożizzjonijiet;

(4) “post ta’ negozju” tfisser sistema operata minn ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq skont it-tifsira tal-Artikoli 4(1)(1) u 4(1)(13) tad-Direttiva 2004/39/KE minbarra internalizzatur sistematiku skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(7), li jġib flimkien interessi ta’ xiri jew ta’ bejgħ fl-istrumenti finanzjarji fis-sistema, b’mod li jirriżulta f’kuntratt skont it-Titolu II jew III ta’ dik id-Direttiva;

(5) “derivat” jew “kuntratt tad-derivati” tfisser strument finanzjarju kif stipulat fil-punti (4) sa (10) tat-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE kif implimentata mill-Artikoli 38 u 39 tar-Regolament Nru 1287/2006;

(6) “klassi ta’ derivati” tfisser sottogrupp ta’ derivati li jikkondividu karatteristiċi komuni u essenzjali li jinkludu mill-inqas ir-relazzjoni mal-assi sottastanti, it-tip tal-assi sottostanti u l-munita tal-ammont nozzjonali. Jista’ jkun li derivati tal-istess klassi jkollhom maturitajiet differenti;

▼M7

(7) “derivattiv OTC” jew “kuntratt tad-derivattiv OTC” tfisser kuntratt tad-derivattiv li l-eżekuzzjoni tiegħu ma sseħħx f’suq regolat skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(14) tad-Direttiva 2004/39/KE jew f’suq ta’ pajjiż terz ikkunsidrat bħala ekwivalenti għal suq regolat f’konformità mal-Artikolu 2a ta’ dan ir-Regolament;

▼M11

(8) “kontroparti finanzjarja” tfisser:

(a) ditta tal-investiment awtorizzata skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

(b) istituzzjoni tal-kreditu awtorizzata skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );

(c) impriża tal-assigurazzjoni jew impriża tar-riassigurazzjoni awtorizzata skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 );

(d) UCITS u, fejn rilevanti, il-kumpannija ta' ġestjoni tagħha, awtorizzata skont id-Direttiva 2009/65/KE, sakemm dik l-UCITS ma tkunx stabbilita esklussivament bil-għan li sservi pjan wieħed jew aktar ta' xiri ta' azzjonijiet mill-impjegati;

(e) istituzzjoni għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali (IORP), kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 );

(f) fond ta' investiment alternattiv (AIF), kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE, li huwa jew stabbilit fl-Unjoni jew inkella ġestit minn maniġer ta' fondi ta' investiment alternattiv (AIFM) awtorizzat jew reġistrat f'konformità ma' dik id-Direttiva, sakemm dak l-AIF ma jkunx stabbilit esklussivament bil-għan li jservi pjan wieħed jew aktar ta' xiri ta' azzjonijiet mill-impjegati, jew sakemm dak l-AIF ma jkunx entità bi skop speċjali ta' titolizzazzjoni kif imsemmi fil-punt (g) tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2011/61/UE, u, fejn rilevanti, l-AIFM tagħha jkun stabbilit fl-Unjoni;

(g) depożitorju ċentrali tat-titoli awtorizzat skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 );

▼B

(9) “kontroparti mhux finanzjarja” tfisser impriża stabbilita fl-Unjoni minbarra l-entitajiet imsemmija fil-punti (1) u (8);

(10) “arranġament għal skemi tal-pensjonijiet” tfisser:

(a) istituzzjonijiet għall-provvediment għall-irtirar okkupazzjonali fit-tifsira tal-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2003/41/KE, inkluż kwalunkwe entità awtorizzata responsabbli biex tamministra din l-istituzzjoni u li taġixxi f’isimha kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) ta’ dik id-Direttiva, kif ukoll kwalunkwe entità ġuridika stabbilita għall-iskop ta’ investiment ta’ tali istituzzjonijiet, li jaġixxu unikament u esklużivament fl-interess tagħhom;

(b) in-negozji tal-istituzzjonijiet għall-provvediment ta’ rtirar okkupazzjonali msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/41/KE;

(c) negozji ta’ provvediment għall-irtirar okkupazzjonali ta’ impriżi tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja koperti bid-Direttiva 2002/83/KE, sakemm l-attivi u l-passivi kollha korrispondenti għan-negozju jkunu “ring-fenced”, ġestiti u organizzati separatament mill-attivitajiet l-oħra tal-impriża tal-assigurazzjoni, mingħajr ebda possibbiltà ta’ trasferiment;

(d) kwalunkwe entità oħra awtorizzata jew sorveljata, jew arranġamenti, li joperaw fuq bażi nazzjonali, kemm-il darba:

(i) ikunu rikonoxxuti skont il-liġi nazzjonali; u

(ii) l-għan ewlieni tagħhom ikun li jipprovdu benefiċċji tal-irtirar;

(11) “riskju ta’ kreditu tal-kontroparti” tfisser ir-riskju li l-kontroparti fi tranżazzjoni tkun inadempjenti qabel is-saldu finali tal-flussi tal-flus tat-tranżazzjoni;

(12) “arranġament tal-interoperabilità” tfisser arranġament bejn żewġ kontropartijiet ċentrali jew iżjed li jinvolvu eżekuzzjoni trasversali ta’ tranżazzjonijiet;

(13) “awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità kompetenti msemmija fil-leġislazzjoni msemmija fil-punt (8) ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 10(5) jew l-awtorità maħtura minn kull Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 22;

(14) “membru tal-ikklerjar” tfisser impriża li tipparteċipa f’kontroparti ċentrali u li tkun responsabbli għat-twettiq tal-obbligi finanzjarji li joħorġu minn dik il-parteċipazzjoni;

(15) “klijent” tfisser impriża b’relazzjoni kuntrattwali ma’ membru tal-ikklerjar ta’ CCP li jippermetti lil dik l-impriża li tikklerja t-tranżazzjonijiet tagħha ma’ dik il-kontroparti ċentrali;

(16) “grupp” tfisser il-grupp ta’ impriżi li jikkonsisti minn impriża prinċipali u s-sussidjarji tagħha fit-tifsira tal-Artikoli 1u 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE jew il-grupp ta’ impriżi msemmi fl-Artikoli 3(1) u l-Artikolu 80(7) u (8) tad-Direttiva 2006/48/KE;

(17) “istituzzjoni finanzjarja” tfisser impriża li mhix istituzzjoni ta’ kreditu, li l-attività prinċipali tagħha hija li takkwista holdings (parteċipazzjonijiet) jew li twettaq xi waħda jew aktar mill-attivitajiet elenkati fil-punti (2) sa (12) tal-Anness I għad-Direttiva 2006/48/KE;

(18) “kumpanija holding finanzjarja” tfisser istituzzjoni finanzjarja, li l-impriżi sussidjarji tagħha jkunu jew esklussivament jew prinċipalment istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji, b’ta l-anqas waħda minn dawk l-impriżi sussidjarji tkun istituzzjoni ta’ kreditu, u li ma tkunx kumpanija holding finanzjarja mħallta skont it-tifsira tal-Artikolu 2(15) tad-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, impriżi ta’ assigurazzjoni jew ditti ta’ investiment f’konglomerat finanzjarju ( 6 );

(19) “impriża ta’ servizzi anċillari” tfisser impriża li l-attività ewlenija tagħha tikkonsisti filli jkollha jew tamministra proprjetà, tamministra servizzi ta’ proċessar ta’ data, jew attività oħra simili li hija anċillari għall-attività ewlenija ta’ istituzzjoni ta’ kreditu waħda jew aktar;

(20) “parteċipazzjoni kwalifikata” tfisser kwalunkwe parteċipazzjoni diretta jew indiretta f’kontroparti ċentrali jew repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet li jirrappreżenta mill-inqas 10 % tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot, kif stabilit fl-Artikolu 9 u 10 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat ( 7 ), filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet dwar l-aggregazzjoni tagħhom kif stabilit fl-Artikolu 12(4) u (5) ta’ dik id-Direttiva, jew li tagħmiha possibbli li tiġi eżerċitata influwenza sinifikanti fuq il-maniġment tal-kontroparti ċentrali jew repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet li fih teżisti dik il-parteċipazzjoni;

(21) “impriża prinċipali” tfisser impriża prinċipali kif deskritta fl-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 83/349/KEE;

(22) “sussidjarja” tfisser impriża sussidjarja kif deskritta fl-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 83/349/KEE, inkluża sussidjarja ta’ impriża sussidjarja ta’ impriża prinċipali;

(23) “kontroll” tfisser ir-relazzjoni bejn impriża prinċipali u sussidjarja kif deskritta fl- Artikolu 1 tad-Direttiva 83/349/KEE;

(24) “konnessjonijiet mill-qrib” tfisser sitwazzjoni li fiha żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi huma konnessi permezz ta’:

(a) parteċipazzjoni, permezz ta’ proprjetà jew kontroll dirett, ta’ 20 % jew iżjed tad-drittijiet tal-vot jew kapital ta’ impriża; jew

(b) kontroll jew relazzjoni simili bejn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika u impriża jew sussidjarja ta’ sussidjarja li tkun meqjusa wkoll bħala sussidjarja tal-impriża prinċipali li tkun il-kap ta’ dawk l-impriżi.

Sitwazzjoni li fiha żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew iżjed ikunu konnessi b’mod permanenti ma’ persuna waħda permezz ta’ relazzjoni ta’ kontroll għandha titqies ukoll li tikkostitwixxi konnessjoni mill-qrib bejn tali persuni.

(25) “kapital” tfisser kapital sottoskritt skont it-tifsira tal-Artikolu 22 tad-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji ( 8 ) oħrajn sakemm dan ikun tħallas totalment, u l-kontijiet tal-primjum tal-ishma relatati, sakemm jassorbi kompletament it-telfiet f’sitwazzjonijiet ta’ negozju avvjat, u, fil-każ ta’ falliment jew likwidazzjoni, jiġi kklassifikat wara li jitqiesu l-pretensjonijiet l-oħra;

(26) “riservi” tfisser riservi kif stabbilit fl-Artikolu 9 tar Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpaniji ( 9 ) u profitti u telf riportati b’konsegwenza tal-applikazzjoni tal-profitti jew it-telf finali;

(27) “bord” tfisser il-bord amministrattiv jew superviżorju, jew it-tnejn li huma, skont id-dritt nazzjonali dwar il-kumpaniji;

(28) “membru indipendenti” tal-bord tfisser membru tal-bord li ma għandu l-ebda relazzjoni ta’ negozju, familja jew ta’ natura oħra li tqajjem konflitt ta’ interessi fir-rigward tal-kontroparti ċentrali kkonċernata jew l-azzjonist(i) li għandhom kontroll tagħha jew il-membri tal-ikklerjar tagħha jew il-maniġment tagħha, u li ma kellu ebda relazzjoni bħal din matul il-ħames snin qabel is-sħubija tiegħu fil-bord;

(29) “diriġenza għolja” tfisser il-persuna jew il-persuni li effettivament jidderieġu n-negozju tal-kontroparti ċentrali jew ir-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet, u l-membru jew membri eżekuttiv(i) tal-bord;

▼M10

(30) “bond kopert” tfisser bond li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(31) “entità ta’ bonds koperti” tfisser l-emittent tal-bonds koperti jew l-ippuljar ta’ kopertura ta’ bond kopert.

▼M7

Artikolu 2a

Deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza għall-finijiet tad-definizzjoni ta’ derivattivi OTC

1.  Għall-finijiet tal-Artikolu 2(7) ta’ dan ir-Regolament, suq ta’ pajjiż terz għandu jiġi kkunsidrat bħala ekwivalenti għal suq regolat fis-sens tal-Artikolu 4(1)(14) tad-Direttiva 2004/39/KE fejn jikkonforma ma’ rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu III ta’ dik id-Direttiva u jkun soġġett għal superviżjoni u infurzar effettivi f’dak il-pajjiż terz fuq bażi kontinwa, kif determinat mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.  Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw li suq ta’ pajjiż terz jikkonforma ma’ rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu III tad-Direttiva 2004/39/KE u jkun soġġett għal superviżjoni u infurzar effettivi f’dak il-pajjiż terz fuq bażi kontinwa għall-finijiet tal-paragrafu 1.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 86(2) ta’ dan ir-Regolament.

3.  Il-Kummissjoni u l-ESMA għandhom jippubblikaw fis-siti elettroniċi tagħhom lista ta’ dawk is-swieq li għandhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti f’konformità mal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 2. Dik il-lista għandha tiġi aġġornata perjodikament.

▼B

Artikolu 3

Tranżazzjonijiet intragrupp

1.  Fir-rigward ta’ kontroparti mhux finanzjarja, tranżazzjoni intragrupp hija kuntratt tad- tad-derivati OTC konkluż ma’ kontroparti oħra li hija parti mill-istess grupp sakemm iż-żewġ kontropartijiet ikunu inklużi fl-istess konsolidazzjoni fuq bażi sħiħa u jkunu soġġetti għal proċeduri ta’ evalwazzjoni, kejl u kontroll tar-riskju ċentralizzati adatti u li dik il-kontroparti tkun stabbilita fl-Unjoni jew, jekk tkun stabbiliti f’pajjiż terz, il-Kummissjoni tkun adottat att implimentattiv skont l-Artikolu 13(2) fir-rigward ta’ dak il-pajjiż terz.

2.  Fir-rigward ta’ kontroparti finanzjarja, tranżazzjoni intragrupp hija kwalukwe minn dawk li ġejjin:

(a) kuntratt tad-derivati OTC konkluż ma’ kontroparti oħra li hija parti mill-istess grupp sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i) il-kontroparti finanzjarja tkun stabbilita fl-Unjoni jew, jekk tkun stabbilita f’pajjiż terz, il-Kummissjoni tkun adottat att implimentattiv skont l-Artikolu 13(2) fir-rigward ta’ dak il-pajjiż terz;

(ii) il-kontroparti l-oħra tkun kontraparti finanzjarja, kumpanija b’parteċipazzjoni finanzjarja, istituzzjoni finanzjarja jew impriża ta’ servizzi anċillari soġġetta għal rekwiżiti prudenzjali adatti;

(iii) iż-żewġ kontropartijiet huma inklużi fl-istess konsolidazzjoni fuq bażi sħiħa; u

(iv) iż-żewġ kontropartijiet huma soġġetti għal proċeduri ċentralizzati ta’ evalwazzjoni, kejl u kontroll tar-riskju;

(b) kuntratt tad-derivati OTC konkluż ma’ kontroparti oħra fejn iż-żewġ kontropartijiet huma parti mill-istess skema ta’ protezzjoni istituzzjonali, imsemmija fl-Artikolu 80(8) tad-Direttiva 2006/48/KE, sakemm ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (a)(ii) ta’ dan il-paragrafu;

(c) kuntratt tad-derivati OTC konkluż bejn istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati mal-istess korp ċentrali jew bejn tali istituzzjoni ta’ kreditu u l-korp ċentrali, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/48/KE; jew

(d) kuntratt tad-derivati OTC konkluż ma’ kontroparti mhux finanzjarja li hija parti mill-istess grupp sakemm iż-żewġ kontropartijiet ikunu inklużi fl-istess konsolidazzjoni fuq bażi sħiħa u jkunu soġġetti għal proċeduri ta’ evalwazzjoni, kejl u kontroll tar-riskju ċentralizzati adatti u li din il-kontroparti tkun stabbilita fl-Unjoni jew f’ġurisdizzjoni ta’ pajjiż terz li għaliha l-Kummissjoni tkun adottat att implimentattiv kif imsemmi fl-Artikolu 13(2) fir-rigward ta’ dak il-pajjiż terz.

3.  Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-kontropartijiet għandhom jitqiesu li huma inklużi fl-istess konsolidazzjoni meta t-tnejn ikunu jew:

(a) inklużi f’konsolidazzjoni f’konformità mad-Direttiva 83/349/KEE jew mal-Istandards Internazzjonali għall-Irrappurtar Finanzjarju (IFRS) adottati skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 jew, f’relazzjoni ma’ grupp li l-impriża prinċipali tiegħu jkollha s-sede tagħha f’pajjiż terz, f’konformità mal-prinċipji ta’ kontabilità ġeneralment aċċettati ta’ pajjiż terz determinati li jkunu ekwivalenti għall-IFRS f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1569/2007 (jew l-istandards tal-kontabilità ta’ pajjiż terz li l-użu tagħhom ikun permess f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament); jew

(b) koperti mill-istess superviżjoni konsolidata f’konformità mad-Direttiva 2006/48/KE jew id-Direttiva 2006/49/KE jew, f’rabta ma’ grupp li l-impriża prinċipali tiegħu jkollha s-sede tagħha f’pajjiż terz, l-istess superviżjoni konsolidata mill-awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz verifikata bħala ekwivalenti għal dik regolata mill-prinċipji stipulati mal-Artikolu 143 tad-Direttiva 2006/48/KE f’konformità u fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/49/KE.



TITOLU II

IKKLERJAR, RAPPORTAR U MITIGAZZJONI TAR-RISKJU TAD-DERIVATI OTC

Artikolu 4

Obbligu tal-ikklerjar

1.  Il-kontropartijiet għandhom jikklerjaw il-kuntratti kollha tad-derivati li jappartjenu għal klassi ta’ derivati OTC li tkun ġiet iddikjarata soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar skont l-Artikolu 5(2), jekk dawn il-kuntratti jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) ikunu ġew konklużi b’wieħed minn dawn il-modi:

▼M11

(i) bejn żewġ kontropartijiet finanzjarji li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4a(1);

(ii) bejn kontroparti finanzjarja li tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4a(1) u kontroparti mhux finanzjarja li tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1);

(iii) bejn żewġ kontropartijiet mhux finanzjarji li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1);

(iv) bejn, minn naħa waħda, kontroparti finanzjarja li tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4a(1) jew kontroparti mhux finanzjarja li tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1), u, min-naħa l-oħra, entità stabbilita f'pajjiż terz li kieku kienet stabbiltà fl-Unjoni kienet tkun soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar;

▼B

(v) bejn żewġ entitajiet stabbiliti f’pajjiż terz wieħed jew f’iktar minn wieħed li jkunu soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar kieku kienu stabbiliti fl-Unjoni, sakemm l-kuntratt għandu effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni jew fejn obbligu bħal dan huwa meħtieġ jew adegwat biex tiġi evitata l-evażjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament; u

▼M11

(b) dawn jiġu konklużi jew innovati fid-data li fiha l-obbligu tal-ikklerjar jieħu effett, jew aktar tard dment li, fid-data meta jiġu konklużi jew innovati, iż-żewġ kontropartijiet jissodisfaw il-kondizzjonijiet imniżżla fil-punt (a).

▼B

2.  Mingħajr preġudizzju għat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 11, il-kuntratti tad-derivati OTC li jkunu tranżazzjonijiet intragrupp kif deskritti fl-Artikolu 3 ma jkunux suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar.

L-eżenzjoni stipulata fl-ewwel subparagrafu tapplika biss:

(a) meta żewġ kontrapartijiet stabbiliti fl-Unjoni li jappartjenu għall-istess grupp l-ewwel ikunu nnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom bil-miktub li għandhom l-intenzjoni li jagħmlu użu mill-eżenzjoni għall-kuntratti tad-kuntratti tad-derivati OTC konklużi bejniethom. In-notifika għandha tingħata mhux inqas minn 30 jum kalendarju qabel ma tintuża l-eżenzjoni. Fi żmien 30 jum kalendarju wara r-riċezzjoni tan-notifika, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu joġġezzjonaw għall-użu ta’ din l-eżenzjoni jekk it-tranżazzjonijiet bejn il-kontrapartijiet ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtoritajiet kompetenti li joġġezzjonaw wara li jkun skada dak il-perjodu ta’ 30 jum kalendarju, fejn dawk il-kundizzjonijiet ma jibqgħux jiġu sodisfatti. Jekk ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-AETS tista’ tgħin lil dawk l-awtoritajiet jilħqu qbil f’konformità mas-setgħat tagħha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010;

(b) għal kuntratti tad-derivati OTC bejn żewġ kontrapartijiet li jappartjenu għall-istess grupp li jkunu stabbiliti fi Stat Membru jew f’pajjiż terz, meta l-kontraparti stabbilita fl-Unjoni tkun ġiet awtorizzata li tapplika l-eżenzjoni mill-awtorità kompetenti tagħha fi żmien 30 jum kalendarju wara li tkun ġiet notifikata mill-kontraparti stabbilita fl-Unjoni, sakemm il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 jiġu sodisfatti. L-awtorità kompetenti tinnotifika lill-AETS dwar dik id-deċiżjoni.

3.  Il-kuntratti tad-derivati OTC huma soġġetti għall-obbligu ta’ kklerjar skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu kklerjati f’CCP awtorizzata skont l-Artikolu 14 jew rikonoxxuta skont l-Artikolu 25 biex tiġi kklerjata dik il-klassi ta’ derivati OTC u mniżżla fir-reġistru skont l-Artikolu 6(2)(b).

Għal dak l-iskop kontraparti ssir membru tal-ikklerjar, klijent, jew tistabbilixxi arranġamenti indiretti ta’ kklerjar ma’ membru tal-ikklerjar, sakemm dawk l-arranġamenti ma jżidux ir-riskju tal-kontraparti u jiżguraw li l-assi u l-pożizzjonijiet tal-kontraparti jibbenefikaw mill-protezzjoni b’effett ekwivalenti għal dik imsemmija fl-Artikolu 39 u 48.

4.  Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kuntratti li huma meqjusa li għandhom effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni jew il-każijiet meta jkun neċessarju jew xieraq li tiġi evitata l-evażjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament kif imsemmi fil-paragrafu 1(a)(v), u t-tipi ta’ arranġamenti kuntrattwali indiretti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3.

L-AETS għandha tissottometti dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012.

Il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata s-setgħa sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼M10

5.  Paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC li ma jiġux konklużi minn entitajiet ta’ bonds koperti b’rabta ma’ bond kopert, jew minn entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta ma’ titolizzazzjoni, skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament u tal-Kunsill ( 10 ) dment li:

(a) fil-każ ta’ entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni, l-entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni għandha toħroġ biss titolizzazzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 18, u tal-Artikoli 19 sa 22 jew l-Artikoli 23 sa 26 tar-Regolament (UE) 2017/2402 [ir-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni];

(b) il-kuntratt tad-derivattivi OTC jintuża biss għal hedgeing ta’ rati ta’ interessi jew spariġġi fil-munita fil-bond kopert jew fit-titolizzazzjoni; u

(c) l-arranġamenti fil-bond kopert jew fit-titolizzazzjoni jimmitigaw b’mod adegwat ir-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi mill-entità ta’ bonds koperti jew l-entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta mal-bond kopert jew it-titolizzazzjoni.

6.  Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, u filwaqt li jitqies il-bżonn li jiġi evitat arbitraġġ regolatorju, l-ASE għandhom jiżviluppaw abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji għall-istabbiliment ta’ liema arranġamenti f’bonds koperti jew titolizzazzjonijiet jimmitigaw b’mod adegwat ir-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, skont it-tifsira tal-paragrafu 5.

L-ASE għandhom jissottomettu dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Lulju 2018.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija f’dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 jew (UE) Nru 1095/2010.

▼M11

Artikolu 4a

Kontropartijiet finanzjarji li huma soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar

1.  Kull 12-il xahar, kontroparti finanzjarja li tieħu pożizzjonijiet f'kuntratti ta' derivattivi OTC tista' tikkalkula l-pożizzjoni aggregata medja tagħha fi tmiem ix-xahar għat-12-il xahar preċedenti skont il-paragrafu 3.

Meta kontroparti finanzjarja ma tikkalkulax il-pożizzjonijiet tagħha, jew fejn ir-riżultat ta' dak il-kalkolu jaqbeż kwalunkwe wieħed mil-limiti tal-ikklerjar speċifikati skont il-punt (b) tal-Artikolu 10(4), il-kontroparti finanzjarja għandha:

(a) tinnotifika minnufih lill-AETS u lill-awtorità kompetenti rilevanti tagħha, u, fejn rilevanti, tindika l-perijodu użat għall-kalkolu;

(b) tistabbilixxi arranġamenti ta' kklerjar fi żmien erba' xhur wara n-notifika msemmija fil-punt (a) ta' dan is-subparagrafu; u

(c) issir soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4 għal kuntratti tad-derivattivi OTC kollha li jappartjenu għall-kwalunkwe klassi ta' derivattivi ta' OTC li tkun soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar konkluż jew innovat aktar minn erba' xhur wara n-notifika msemmija fil-punt (a) ta' dan is-subparagrafu.

2.  Kontroparti finanzjarja li tkun soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4 fis-17 ta' Ġunju 2019 jew li ssir soġġetta għal l-obbligu tal-ikklerjar skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, għandha tibqa' soġġetta għal dak l-obbligu u għandha tkompli l-ikklerjar sakemm dik il-kontroparti finanzjarja turi lill-awtorità kompetenti rilevanti li l-pożizzjoni aggregata medja tagħha fi tmiem ix-xahar għat-12-il xahar preċedenti ma taqbiżx il-limitu għall-ikklerjar speċifikat skont punt (b) tal-Artikolu 10(4).

Il-kontroparti finanzjarja għandha tkun tista' turi lill-awtorità kompetenti rilevanti li l-kalkolu tal-pożizzjoni aggregata medja fi tmiem ix-xahar għat-12-il xahar preċedenti ma jirriżultax f'sottovalutazzjoni sistematika ta' dik il-pożizzjoni.

3.  Meta tikkalkula l-pożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-kontroparti finanzjarja għandha tinkludi il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn dik il-kontroparti finanzjarja jew konklużi minn entitajiet oħrajn fil-grupp li għalih tappartjeni dik il-kontroparti finanzjarja.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, fir-rigward ta' UCITS u AIF, il-pożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu kkalkulati fil-livell tal-fond.

Il-kumpaniji ta' ġestjoni ta' UCITS li jiġġestixxu aktar minn UCITS waħda u l-AIFM li jiġġestixxu aktar minn AIF wieħed għandhom ikunu jistgħu juru lill-awtorità kompetenti rilevanti li l-kalkolu tal-pożizzjonijiet fil-livell tal-fond ma jwassalx għal:

(a) sottovalutazzjoni sistematika tal-pożizzjonijiet ta' kwalunkwe wieħed mill-fondi li jiġġestixxu jew il-pożizzjonijiet tal-maniġer; u

(b) ċirkomvenzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar.

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rilevanti tal-kontroparti finanzjarja u tal-entitajiet l-oħra fil-grupp għandhom jistabbilixxu proċeduri ta' kooperazzjoni biex jiżguraw il-kalkolu effettiv tal-pożizzjonijiet fil-livell tal-grupp.

▼B

Artikolu 5

Proċedura tal-obbligu tal-ikklerjar

▼M11

1.  Fejn awtorità kompetenti tawtorizza lil CCP biex tikklerja klassi ta' derivattivi OTC skont l-Artikolu 14 jew 15, jew fejn klassi ta' derivattivi OTC li CCP biħsiebha tibda tikklerja tkun koperta minn awtorizzazzjoni eżistenti mogħtija skont l-Artikolu 14 jew 15, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika minnufih lill-AETS b'dik l-awtorizzazzjoni jew bil-klassi ta' derivattivi OTC li s-CCP biħsiebha tibda tikklerja.

▼B

2.  Fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi n-notifika skont il-paragrafu 1 jew twettaq proċedura għal rikonoxximent stabbilita fl-Artikolu 25, l-AETS għandha, wara li tagħmel konsultazzjoni pubblika u wara li tikkonsolta mal-BERS u, fejn xieraq, mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi, tiżviluppa u tissottometti lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw dan li ġej:

(a) il-klassi ta’ derivati OTC li għandha tkun soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4;

(b) id-data jew id-dati minn meta l-obbligu tal-ikklerjar isir effettiv, inkluża kwalunkwe introduzzjoni gradwali u l-kategoriji tal-kontropartijiet li għalihom japplika l-obbligu.

▼M11 —————

▼B

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼M4

Fl-iżvilupp tal-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji skont dan il-paragrafu, l-ESMA m’għandhiex tippreġudika d-dispożizzjoni tranżizzjonali fir-rigward ta’ kuntratti ta’ derivati tal-enerġija C6 kif stabbilit fl-Artikolu 95 tad-Direttiva 2014/65/UE ( 11 ).

▼B

3.  L-AETS għandha, fuq l-inizjattiva tagħha proprja, wara li twettaq konsultazzjoni pubblika u wara li tikkonsulta mal-BERS u, fejn xieraq, mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi, tidentifika skont il-kriterji stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 4 u tinnotifika lill-Kummissjoni l-klassijiet ta’ derivati li għandhom ikunu soġġetti għall-obbligu ta’ kklerjar previst fl-Artikolu 4, iżda li għalihom l-ebda kontroparti ċentrali tkun għadha ma rċeviet awtorizzazzjoni.

Wara n-notifika mill-AETS, l-AETS tippubblika sejħa għal żvilupp ta’ proposti rigward l-ikklerjar ta’ dawk il-klassijiet ta’ derivati.

4.  Bil-għan ġenerali li jitnaqqas ir-riskju sistemiku, l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji għal-parti msemmija fil-paragrafu 2(a) għandu jqis il-kriterji li ġejjin:

(a) il-grad ta’ standardizzazzjoni tat-termini kuntrattwali u tal-proċessi operattivi tal-klassi rilevanti ta’ derivati OTC;

(b) il-volum u l-likwidità tal-klassi rilevanti tad-derivati OTC;

(c) id-disponibbiltà ta’ informazzjoni ġusta, affidabbli u ġeneralment aċċettata dwar l-ipprezzar fil-klassi rilevanti ta’derivati OTC;

Fit-tħejjija ta’ dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji, l-AETS tista’ tqis interkonnessività bejn il-kontrapartijiet permezz tal-klassijiet rilevanti ta’ kuntratti ta’derivati OTC, l-impatt antiċipat fuq il-livelli ta’ riskju ta’ kreditu tal-kontroparti bejn il-kontropartijiet kif ukoll l-impatt fuq il-kompetizzjoni madwar l-Unjoni.

Sabiex tassigura applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifika aktar il-kretierji msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji kif imsemmija fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

5.  L-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji għall-parti msemmija fil-paragrafu 2(b) għandu jqis il-kriterji li ġejjin:

(a) il-volum mistenni tal-klassi rilevanti ta’ derivati OTC;

(b) jekk aktar minn kontroparti ċentrali waħda diġà tikklerja l-istess klassi ta’ derivati OTC;

(c) il-ħila tal-kontropartijiet ċentrali rilevanti li jlaħħqu mal-volum mistenni u li jiġġestixxu r-riskju li jirriżulta mill-ikklerjar tal-klassi rilevanti ta’ derivati OTC;

(d) it-tip u l-għadd tal-kontropartijiet attivi, u ta’ dawk li huma mistennija li jsiru attivi fis-suq fir-rigward tal-klassi rilevanti ta’ derivati OTC;

(e) il-perjodu ta’ żmien li kontroparti soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar teħtieġ biex tattwa l-arranġamenti biex tikklerja l-kuntratti tagħha tal-kuntratti ta’ derivati OTC permezz ta’ kontroparti ċentrali;

(f) il-ġestjoni tar-riskju u l-kapaċità legali u operattiva tal-firxa ta’ kontropartijiet li huma attivi fis-suq għall-klassi rilevanti ta’ kuntratti ta’ derivati OTCu li jaqgħu fl-obbligu tal-ikklerjar skont l-Artikolu 4(1).

6.  Jekk klassi ta’ kuntratti tad-derivati OTC ma jkunx għad għandha kontroparti ċentrali li tkun awtorizzata jew rikonoxxuta li tikklerja dawk il-kuntratti skont dan ir-Regolament, din għanda tieqaf tkun suġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4 u għandu japplika l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Reġistru pubbliku

1.  L-AETS għandha tistabbilixxi, iżżomm u taġġorna reġistru pubbliku biex jidentifika b’mod korrett u inekwivoku l-klassijiet ta’ derivati OTC soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar. Ir-reġistru pubbliku għandu jkun disponibbli fuq is-sit web tal-AETS.

2.  Ir-reġistru jinkludi:

(a) il-klassijiet ta’ derivati OTCli huma soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar skont l-Artikolu 4;

(b) il-kontropartijiet ċentrali li jkunu awtorizzati jew rikonoxxuti għal skopijiet tal-obbligu tal-ikklerjar;

(c) id-dati minn meta jieħu effett l-obbligu tal-ikklerjar, bl-inklużjoni ta’ kwalunkwe implimentazzjoni gradwali;

(d) il-klassijiet ta’ derivati OTC identifikati mill-AETS b’konformità mal-Artikolu 5(3);

▼M11 —————

▼B

(f) il-kontropartijiet ċentrali li ġew innotifikati lill-AETS mill-awtorità kompetenti għal skopijiet tal-obbligu tal-ikklerjar, u d-data tan-notifika ta’ kull waħda minnhom.

▼M11

3.  Fejn CCP ma tkunx għadha awtorizzata jew rikonoxxuta f'konformità ma' dan ir-Regolament biex tikklerja klassi speċifika ta' derivattivi OTC, l-AETS għandha tneħħi dik is-CCP minnufih mir-reġistru pubbliku tagħha fir-rigward ta' dik il-klassi ta' derivattivi OTC.

▼B

4.  Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS tista’ tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifika d-dettalji li għandhom ikunu inklużi fir-reġistru pubbliku msemmi fil-paragrafu 1.

L-AETS għandha tissottometti dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012.

Il-Kummissjoni hija ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼M11

Artikolu 6a

Sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar

1.  L-AETS tista' titlob li l-Kummissjoni tissospendi l-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4(1) għal klassijiet speċifiċi ta' derivattivi OTC jew għal tip speċifiku ta' kontroparti, fejn tkun ġiet issodisfata waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-klassijiet speċifiċi ta' derivattivi OTC ma jkunux aktar adatti għall-ikklerjar ċentrali skont il-kriterji msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) u fl-Artikolu 5(5);

(b) CCP probabbli li tieqaf tikklerja dawk il-klassijiet speċifiċi ta' derivattivi OTC u l-ebda CCP oħra ma tkun kapaċi tikklerja dawk il-klassijiet speċifiċi ta' derivattivi OTC mingħajr interruzzjoni;

(c) is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar għal dawk il-klassijiet speċifiċi ta' derivattivi OTC jew għal tip speċifiku ta' kontroparti hija meħtieġa biex tiġi evitata jew indirizzata theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja jew għall-funzjonament tajjeb tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni u dik is-sospensjoni hija proporzjonata għal dawk l-għanijiet.

Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, qabel it-talba msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-AETS għandha tikkonsulta lill-BERS u lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti maħtura skont l-Artikolu 22.

It-talba msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun akkumpanjata minn evidenza li turi li mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fih hija ssodisfata.

Fejn is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar titqies mill-AETS li tkun bidla materjali fil-kriterji biex l-obbligu tan-negozjar jieħu effett imsemmija fl-Artikolu 32(5) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, it-talba msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu tista' tinkludi wkoll talba biex jiġi sospiż l-obbligu ta' nnegozjar stipulat fl-Artikolu 28(1) u (2) ta' dak ir-Regolament għall-istess klassijiet speċifiċi tad-derivattivi OTC li huma soġġetti għat-talba li tiġi sospiża l-obbligu tal-ikklerjar.

2.  Skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni ta' membri tal-ikklerjar u l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 22 jistgħu jitolbu li l-AETS tagħmel talba għal sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar lill-Kummissjoni. It-talba mill-awtorità kompetenti għandha tipprovdi r-raġunijiet u tippreżenta evidenza li turi li mill-inqas waħda mill-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu hija ssodisfata.

L-AETS għandha, fi żmien 48 siegħa minn meta tasal it-talba msemmija mill-awtorità kompetenti fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, abbażi tar-raġunijiet u l-evidenza pprovduti mill-awtorità kompetenti, jew titlob li l-Kummissjoni tissospendi l-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4(1) jew tirrifjuta t-talba msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu. L-AETS għandha tinforma lill-awtorità kompetenti kkonċernata bid-deċiżjoni tagħha. Meta l-AETS tirrifjuta t-talba mill-awtorità kompetenti, hija għandha tagħti r-raġunijiet għal dan bil-miktub.

3.  It-talbiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx isiru disponibbli għall-pubbliku.

4.  Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed wara l-wasla tat-talba msemmija fil-paragrafu 1, abbażi tar-raġunijiet u l-evidenza pprovduti mill-AETS, tissospendi l-obbligu tal-ikklerjar għall-klassijiet speċifiċi tad-derivattivi OTC jew għat-tip speċifiku ta' kontroparti msemmi fil-paragrafu 1 permezz ta' att ta' implimentazzjoni, jew inkella tirrifjuta s-sospensjoni mitluba. Fejn il-Kummissjoni tirrifjuta s-sospensjoni mitluba, għandha tipprovdi raġunijiet għal dan bil-miktub lill-AETS. Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'dan u tgħaddi lilhom ir-raġunijiet pprovduti lill-AETS. Dik l-informazzjoni ma għandhiex issir pubblika.

L-att ta' implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu jiġi adottat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 86(3).

5.  Fejn mitlub mill-AETS skont ir-raba' subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-att ta' implimentazzjoni li jissospendi l-obbligu tal-ikklerjar għal klassijiet speċifiċi ta' derivattivi OTC jista' jissospendi wkoll l-obbligu ta' negozjar stipulat fl-Artikolu 28(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 għall-istess klassijiet speċifiċi ta' derivattivi OTC li huma soġġetti għas-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar.

6.  Is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar u, fejn applikabbli, l-obbligu tan-negozjar għandhom jiġu kkomunikati lill-AETS u għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fuq is-sit web tal-Kummissjoni u fir-reġistru pubbliku msemmi fl-Artikolu 6.

7.  Is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar imsemmija fil-paragrafu 4 għandha tkun valida għal perijodu inizjali ta' mhux aktar minn tliet xhur mid-data tal-applikazzjoni ta' dik is-sospensjoni.

Is-sospensjoni tal-obbligu ta' negozjar imsemmija fil-paragrafu 5 għandha tkun valida għall-istess perijodu inizjali.

8.  Fejn ir-raġunijiet għas-sospensjoni jkunu għadhom japplikaw, il-Kummissjoni tista', permezz ta' att ta' implimentazzjoni, testendi s-sospensjoni msemmija fil-paragrafu 4 għal perijodi addizzjonali ta' mhux aktar minn tliet xhur, bil-perijodu totali tas-sospensjoni ma jeċċedix 12-il xahar. Kull estensjoni tas-sospensjoni għandha tiġi ppubblikata f'konformità mal-paragrafu 6.

L-att ta' implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu jiġi adottat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 86(3).

L-AETS għandha, fi żmien biżżejjed qabel tmiem il-perijodu ta' sospensjoni msemmi fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu jew tal-perijodu ta' estensjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan is-subparagrafu, toħroġ opinjoni lill-Kummissjoni dwar jekk għadhomx japplikaw ir-raġunijiet għas-sospensjoni. Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-AETS għandha tikkonsulta lill-BERS u lill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 22. L-AETS għandha tibgħat kopja ta' dik l-opinjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dik l-opinjoni ma għandhiex issir pubblika.

L-att ta' implimentazzjoni li jestendi s-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar tista' wkoll testendi l-perijodu tas-sospensjoni tal-obbligu ta' negozjar imsemmi fil-paragrafu 7.

L-estensjoni tas-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar għandha tkun valida għall-istess perijodu tal-estensjoni tas-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar.

▼B

Artikolu 7

Aċċess għal CCP

▼M4

1.  CCP li tkun ġiet awtorizzata biex tikklerja kuntratti tad-derivati OTC għandha taċċetta li tikklerja dawn il-kuntratti fuq bażi mhux diskriminatorja u trasparenti, anke fir-rigward ta’ rekwiżiti ta’ kollateral u ta’ tariffi relatati mal-aċċess, irrispettivament miċ-ċentru tan-negozjar. Dan b’mod partikolari għandu jiżgura li ċentru tan-negozjar ikollu d-dritt għal trattament nondiskriminatorju f’termini ta’ kif kuntratti nnegozjati f’dak iċ-ċentru tan-negozjar jiġu ttrattati f’termini ta’:

(a) rekwiżiti ta’ kollateral u kalkolazzjoni tal-valur nett ta’ kuntratti ekonomikament ekwivalenti, meta l-inklużjoni ta’ tali kuntratti fl-għeluq u proċeduri oħra ta’ kalkolazzjoni tal-valur nett ta’ CCP bbażata fuq il-liġi applikabbli dwar l-insolvenza ma tipperikolax l-funzjonament bla intoppi u ordinat, il-validità jew l-infurzabilità ta’ tali proċeduri; u

(b) kontromarġinazzjoni b’kuntratti korrelatati kklerjati mill-istess CCP skont mudell tar-riskji li jikonforma mal-Artikolu 41.

CCP tista’ titlob li ċentru tan-negozjar jikkonforma mar-rekwiżiti operattivi u tekniċi stabbiliti mis-CCP, inklużi r-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskju.

▼B

2.  Kontroparti ċentrali tista’ taċċedi għal talba formali għall-aċċess minn post tan-negozju jew tirrifjutaha fi żmien tliet xhur minn meta ssir tali talba.

3.  Meta kontroparti ċentrali tirrifjuta l-aċċess skont il-paragrafu 2, din għandha tipprovdi lill-post tan-negozju bir-raġunijiet kollha għal tali rifjut.

4.  Ħlief meta l-awtorità kompetenti tal-post tan-negozjuu dik tal-kontroparti ċentrali jirrifjutaw l-aċċess, il-kontroparti ċentrali, skont it-tieni subparagrafu, għandha tagħti l-aċċess fi żmien tliet xhur minn deċiżjoni li taċċedi għat-talba formali ta’ post tan-negozju f’konformità mal-paragrafu 2.

L-awtorità kompetenti tal-post tan-negozju u dik tal-kontroparti ċentrali jistgħu jirrifjutaw l-aċċess għal-kontroparti ċentrali wara talba formali mill-post tan-negozju fil-każ biss li tali aċċess jhedded il-funzjonament bla xkiel u fl-ordni tas-swieq jew jeffettwa b’mod ħażin ir-riskju sistemiku.

5.  L-AETS għandha ssolvi kwalunkwe tilwim li jirriżulta min-nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti f’konformità mas-setgħat tagħha taħt l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼M4

6.  Il-kundizzjonijiet fil-paragrafu 1 rigward trattament nondiskriminatorju f’termini ta’ kif kuntratti negozjati f’dak iċ-ċentru tan-negozjar jiġu ttrattati f’termini ta’ rekwiżiti ta’ kollateral u ta’ kalkolazzjoni tal-valur nett ta’ kuntratti ekonomikament ekwivalenti u kontromarġinazzjoni ma’ kuntratti korrelatati kklerjati mill-istess CCP għandhom ikunu speċifikati aktar bl-istandards tekniċi adottati skont l-Artikolu 35(6)(e) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 ( 12 ).

▼B

Artikolu 8

Aċċess għal post tan-negozju

1.  Post tan-negozju għandu jipprovdi informazzjoni kummerċjali fuq bażi mhux diskriminatorja u trasparenti lil kwalunkwe kontroparti ċentrali li tkun ġiet awtorizzata biex tikklerja kuntratti tad-derivati OTC f’dak il-post tan-negozju fuq talba tal-kontroparti ċentrali.

2.  Meta talba għal aċċess għal post tan-negozjut kun ġiet sottomessa formalment lil post tan-negozju minn kontroparti ċentrali, il-post tan-negozju għandu jagħti risposta lil-kontroparti ċentrali fi żmien tliet xhur.

3.  Meta l-post tan-negozju jirrifjuta l-aċċess, dan għandu jinnotifika lill-kontroparti ċentrali b’dan, u jagħti r-raġunijiet kollha.

4.  Mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-post tan-negozju u l-kontroparti ċentrali, l-aċċess għandu isir possibbli mill-post tan-negozju fi żmien tliet xhur minn tweġiba pożittiva għal talba għal aċċess.

L-aċċess tal-kontroparti ċentrali għall-post tan-negozju għandu jingħata biss sakemm tali aċċess ma jkunx jeħtieġ l-interoperabbiltà jew ma jheddidx il-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq, b’mod partikolari minħabba l-frammentazzjoni tal-likwidità u sakemm l-post tan-negozju ikun stabbilixxa mekkaniżmu adegwat għall-prevenzjoni ta’ tali frammentazzjoni.

5.  Biex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-idea ta’ frammentazzjoni tal-likwidità.

L-AETS għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 9

Obbligu ta’ rappurtar

▼M11

1.  Il-kontropartijiet u s-CCPs għandhom jiżguraw li d-dettalji ta' kwalunkwe kuntratt tad-derivattivi li jkunu kkonkludew u kwalunkwe modifika jew terminazzjoni tal-kuntratt jiġu rrapportati skont il-paragrafi 1a sa 1f ta' dan l-Artikolu lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet rreġistrat skont l-Artikolu 55 jew rikonoxxut skont l-Artikolu 77. Id-dettalji għandhom jiġu rrapportati mhux iżjed tard mill-jum tax-xogħol wara l-konklużjoni, il-modifika jew it-terminazzjoni tal-kuntratt.

L-obbligu ta' rapportar għandu japplika għal kuntratti tad-derivattivi li:

(a) ġew konklużi qabel it-12 ta' Frar 2014 u li jibqgħu pendenti f'dik id-data;

(b) ġew konklużi fit-12 ta' Frar 2014 jew wara.

Minkejja l-Artikolu 3, l-obbligu ta' rapportar ma għandux japplika għal kuntratti tad-derivattivi fl-istess grupp fejn mill-inqas waħda mill-kontropartijiet hija kontroparti mhux finanzjarja jew kienet tikkwalifika bħala kontroparti mhux finanzjarja kieku kienet stabbilita fl-Unjoni, dment li:

(a) iż-żewġ kontropartijiet huma inklużi fl-istess konsolidazzjoni fuq bażi sħiħa;

(b) iż-żewġ kontropartijiet huma soġġetti għal proċeduri ċentralizzati ta' evalwazzjoni, kejl u kontroll tar-riskju; u

(c) l-impriża prinċipali ma tkunx kontroparti finanzjarja.

Il-kontropartijiet għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom bl-intenzjoni tagħhom li japplikaw l-eżenzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu. L-eżenzjoni għandha tkun valida ħlief jekk l-awtoritajiet kompetenti notifikati ma jaqblux li huma sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fit-tielet subparagrafu fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika.

▼M11

1e.  il-kontropartijiet u s-CCPs li huma meħtieġa jirrapportaw id-dettalji tal-kuntratti tad-derivattivi għandhom jiżguraw li tali dettalji tal- jiġu rapportati b'mod korrett u mingħajr duplikazzjoni.

1f.  Il-kontropartijiet u s-CCPs li huma soġġetti għall-obbligu ta' rapportar imsemmi fil-paragrafu 1 jistgħu jiddelegaw dak l-obbligu ta' rapportar.

▼B

2.  Il-kontropartijiet għandhom iżommu rekord ta’ kwalunkwe kuntratt tad-derivati li jkunu kkonkludew u kwalunkwe modifika mill-inqas għal ħames snin wara t-terminazzjoni tal-kuntratt.

3.  Meta repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ma jkunx disponibbli biex jirreġistra d-dettalji ta’ kuntratt tad-derivati, il-kontropartijiet u l-kontropartijiet ċentrali għandhom jiżguraw li tali dettalji jiġu rrappurtati lill-AETS.

F’dan il-każ l-AETS għandha tiżgura li l-entitajiet rilevanti kollha msemmija fl-Artikolu 81(3) ikollhom aċċess għad-dettalji kollha tal-kuntratti tad-derivati li jkunu jeħtieġu biex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet u l-mandati rispettivi tagħhom.

4.  Kontraparti jew kontroparti ċentrali li jirrapportaw id-dettalji ta’ kuntratt tad-derivati lil repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jew lill-AETS, jew entità li tirrapporta tali dettalji f’isem kontroparti jew kontroparti ċentrali ma għandhomx jitqiesux li qed jiksru xi restrizzjoni ta’ divulgazzjoni ta’ informazzjoni imposta minn dak il-kuntratt jew minn kwalunkwe dispożizzjonileġislattiva, regolatorja jew amministrattiva.

L-ebda responsabbiltà li tirriżulta minn dik id-divulgazzjoni ma għandha taqa’ fuq l-entità ta’ rappurtar jew id-diretturi jew l-impjegati tagħha.

5.  Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifika d-dettalji u t-tip ta’ rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 3 għall-klassijiet differenti tad-derivati.

Ir-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandha tispeċifika tal-anqas:

(a) il-partijiet għall-kuntratt tad-derivati u, meta jkunu differenti, il-benefiċjarju tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnu;

(b) il-karatteristiċi ewlenin tal-kuntratti tad-derivati, inklużi t-tip tagħhom, il-maturità sottostanti, il-valur nozzjonali, il-prezz u d-data tas-saldu.

L-AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼M11

6.  Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi tal-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 3, l-AETS għandha, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-SEBĊ, tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw:

(a) l-istandards u l-formats tad-data għall-informazzjoni li għandha tiġi rrapportata, li għandhom jinkludu mill-inqas dawn li ġejjin:

(i) identifikaturi globali tal-entitajiet ġuridiċi (LEIs);

(ii) numri internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (international securities identification numbers, ISINs);

(iii) identifikaturi uniċi tat-tranżazzjoni (unique trade identifiers, UTIs);

(b) il-metodi u l-arranġamenti għar-rapportar;

(c) il-frekwenza tar-rapporti;

(d) id-data sa meta l-kuntratti tad-derivattivi għandhom jiġu rrapportati.

Fl-iżvilupp ta' dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni, l-AETS għandha tqis l-iżviluppi u l-istandards internazzjonali miftiehma fil-livell tal-Unjoni jew dak globali, u l-konsistenza tagħhom mar-rekwiżiti tar-rapportar stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2015/2365 ( 13 ) u l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

L-AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentattivi lill-Kummissjoni sat-18 ta' Ġunju 2020.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼B

Artikolu 10

Kontropartijiet mhux finanzjarji

▼M11

1.  Kull 12-il xahar, kontroparti mhux finanzjarja li tieħu pożizzjonijiet f'kuntratti tad-derivattivi OTC tista' tikkalkula l-pożizzjoni aggregata medja tagħha fi tmiem ix-xahar għat-12-il xahar preċedenti skont il-paragrafu 3.

Fejn kontroparti mhux finanzjarja ma tikkalkulax il-pożizzjonijiet tagħha, jew fejn ir-riżultat ta' dak il-kalkolu msemmi fir-rigward ta' klassi waħda jew aktar ta' derivattivi OTC jaqbeż il-livelli limiti tal-ikklerjar speċifikati skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4, dik il-kontroparti mhux finanzjarja għandha:

(a) minnufih tinnotifika lill-AETS u lill-awtorità kompetenti rilevanti, u, fejn rilevanti, tindika l-perijodu użat għall-kalkolu;

(b) tistabbilixxi arranġamenti ta' kklerjar fi żmien erba' xhur min-notifika msemmija fil-punt (a) ta' dan is-subparagrafu;

(c) issir soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4 għall-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi jew innovati aktar minn erba' xhur wara n-notifika msemmija fil-punt (a) ta' dan is-subparagrafu li jappartjenu għal dawk il-klassijiet tal-assi li fir-rigward tagħhom ir-riżultat tal-kalkolu jaqbeż il-limiti tal-ikklerjar jew, fejn il-kontroparti mhux finanzjarja ma tkunx ikkalkulat il-pożizzjoni tagħha, li jappartjenu għal kwalunkwe klassi ta' derivattivi OTC li hija soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar.

2.  Kontroparti mhux finanzjarja li tkun soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4 fis-17 ta' Ġunju 2019 jew li ssir soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għandha tibqa' soġġetta għal dak l-obbligu u għandha tkompli l-ikklerjar sakemm dik il-kontroparti mhux finanzjarja turi lill-awtorità kompetenti rilevanti li l-pożizzjoni aggregata medja tagħha fi tmiem ix-xahar għat-12-il xahar preċedenti ma teċċedix il-limitu minimu għall-ikklerjar speċifikat skont il-punt (b) tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.

Il-kontroparti mhux finanzjarja għandha tkun tista' turi lill-awtorità kompetenti rilevanti li l-kalkolu tal-pożizzjoni aggregata medja tagħha fi tmiem ix-xahar għat-12-il xahar ta' qabel ma jwassalx għal sottovalutazzjoni sistematika tal-pożizzjoni.

▼M11

2a.  L-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-kontroparti mhux finanzjarja u entitajiet l-oħra fil-grupp għandhom jistabbilixxu proċeduri biex jiżguraw il-kalkolu effettiv tal-pożizzjonijiet fil-livell tal-grupp.

▼B

3.  Fil-kalkolu tal-pożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-kontroparti mhux finanzjarja għandha tinkludi l-kuntratti tad-derivati OTC kollha konklużi mill-kontroparti mhux finanzjarja jew minn entitajiet mhux finanzjarji oħra fil-grupp li għalih il-kontroparti mhux finanzjarja tappartjeni, li mhumiex oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji relatati direttament mal-attività kummerċjali jew attività ta’ finanzjament tat-teżor tal-kontroparti mhux finanzjarja jew ta’ dak il-grupp.

4.  Biex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS, għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, wara li tikkonsulta mal-BERS u awtoritajiet rilevanti oħra, li jispeċifikaw:

(a) il-kriterji biex jiġi stabbilit liema kuntratti tad-derivati OTC jistgħu jitkejlu oġġettivament bħala li jnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali jew ta’ finanzjament tat-teżor imsemmija fil-paragrafu 3; u

(b) il-valuri tal-limitu tal-ikklerjar, li jiġu ddeterminati filwaqt li tiġi kkunsidrata r-rilevenza sistemika tas-somma tal-pożizzjonijiet netti u l-iskoperturi għal kull kontroparti u għal kull klassi ta’ derivati OTC.

Wara li twettaq konsultazzjoni miftuħa mal-pubbliku, l-AETS għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼M11

Wara li tikkonsulta mal-BERS u awtoritajiet rilevanti oħra, l-AETS għandha tirrieżamina perjodikament il-livelli limitu tal-ikklerjar imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu u, fejn meħtieġ b'kont meħud, b'mod partikolari, tal-interkonnessjoni bejn il-kontropartijiet finanzjarji, tipproponi emendi tal-istandards tekniċi regolatorji f'konformità ma' dan il-paragrafu.

Dak ir-rieżami perjodiku għandu jkun akkumpanjat minn rapport mill-AETS dwar is-suġġett.

▼B

5.  Kull Stat Membru jaħtar awtorità responsabbli biex tiżgura li l-obbligu fil-paragrafu 1 jintlaħaq.

Artikolu 11

Tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti tad-derivati OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali

1.  Il-kontropartijiet finanzjarji u l-kontropartijiet mhux finanzjarji li jikkonkludu kuntratt tad-derivati OTC mhux ikklerjat minn kontroparti ċentrali, għandhom jiżguraw waqt li jeżerċitaw d-diliġenza xierqa, li jkun hemm proċeduri u arranġamenti xierqa fis-seħħ għall-kejl, il-monitoraġġ u l-mitigazzjoni tar-riskju operattiv u tal-kreditu tal-kontroparti, inklużi mill-inqas:

(a) il-konferma fil-ħin, meta disponibbli, permezz ta’ mezzi elettroniċi, tat-termini tal-kuntratt tad-derivati OTC rilevanti;

(b) proċessi formalizzati li huma robusti, reżiljenti u awditjabbli sabiex jiġu rikonċiljati l-portafolji, sabiex jiġi mmaniġjat ir-riskju assoċjat u sabiex jiġu identifikati tilwimiet bejn il-partijiet fi stadju bikri u sabiex jiġu riżolti, u sabiex jiġi mmonitorat il-valur tal-kuntratti pendenti.

2.  Il-kontropartijiet finanzjarji u l-kontropartijiet mhux finanzjarji msemmija fl-Artikolu 10 għandhom ta’ kuljum jipprezzaw skont il-valur fis-suq il-kuntratti pendenti. Meta l-kundizzjonijiet tas-suq ma jippermettux l-ipprezzar skont il-valur fis-suq, għandu jintuża l-ipprezzar affidabbli u prudenti skont il-mudell.

3.  Il-kontropartijiet finanzjarji għandu jkollhom proċeduri tal-immaniġġjar tar-riskju li jirrikjedu l-iskambju fil-ħin, preċiż u segregat b’mod xieraq tal-kollateral fir-rigward tal-kuntratti tad-derivati OTC konklużi fi jew wara s-16 ta’ Awwissu 2012. Il-kontropartijiet mhux finanzjarji msemmija fl-Artikolu 10 għandu jkollhom proċeduri tal-immaniġġjar tar-riskju li jirrikjedu l-iskambju fil-ħin, preċiż u segregat b’mod xieraq tal-kollateral fir-rigward tal-kuntratti tad-derivati OTC konklużi fi jew wara li jkun inqabeż il-livell limitu tal-ikklerjar.

4.  Il-kontropartijiet finanzjarji għandhom iżommu ammont adatt u proporzjonat ta’ kapital biex jamministraw ir-riskju mhux kopert bl-iskambju adatt ta’ kollateral.

5.  Ir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika għal tranżazzjoni intragrupp kif imsemmi fl-Artikolu 3 konkluża ma’ kontropartijiet li jkunu stabbiliti fl-istess Stat Membru sakemm ma jkun hemm ebda impediment prattiku jew legali attwali jew previst għat-trasferiment fil-pront tal-fondi tagħhom jew għar-rimborż ta’ passivi bejn il-kontropartijiet.

6.  Tranżazzjoni intragrupp kif imsemmija fl-Artikolu 3(2)(a), (b) jew (c) konkluża ma’ kontropartijiet li jkunu stabbiliti fi Stati Membri differenti għandha tiġi eżentata totalment jew parzjalment mir-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, fuq il-bażi ta’ deċiżjoni pożittiva taż-żewġ awtoritajiet kompetenti rilevanti, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-proċeduri tal-immaniġġjar tar-riskju tal-kontropartijiet ikunu adegwatament tajbin, robusti u konsistenti mal-livell ta’ kumplessità tat-tranżazzjoni tad-derivat;

(b) ma jkun hemm ebda impediment prattiku jew legali attwali jew previst għat-trasferiment fil-pront tal-fondi proprji jew għar-rimborż ta’ passivi bejn il-kontropartijiet.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti ma jirnexxilhomx jaslu għal deċiżjoni pożittiva fi żmien 30 jum kalendarju minn meta tasal l-applikazzjoni għall-eżenzjoni, l-AETS tista’ tassisti lill-dawk l-awtoritajiet sabiex jilħqu ftehim b’konformità mas-setgħat tagħha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

7.  Tranżazzjoni intragrupp kif imsemmija fl-Artikolu 3(1) konkluża ma’ kontropartijiet mhux finanzjarji li huma stabbiliti fi Stati Membri differenti għandha tiġi eżentata mir-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-proċeduri tal-immaniġġjar tar-riskju tal-kontropartijiet ikunu adegwatament tajbin, robusti u konsistenti mal-livell ta’ kumplessità tat-tranżazzjoni tad-derivat;

(b) ma jkun hemm ebda impediment prattiku jew legali attwali jew previst għat-trasferiment fil-pront tal-fondi proprji jew għar-rimborż ta’ passivi bejn il-kontropartijiet.

Il-kontropartijiet mhux finanzjarji jinnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li japplikaw l-eżenzjoni lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 10(5). L-eżenzjoni għandha tkun valida sakemm waħda mill-awtoritajiet kompetenti notifikati ma taqbilx li huma sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) jew (b) tal-ewwel subparagrafu fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika.

8.  Tranżazzjoni intragrupp imsemmija fl-Artikolu 3(2)(a) sa (d) konkluża ma’ kontroparti li hi stabbilita fl-Unjoni u kontroparti li hi stabbilita f’ġurisdizzjoni ta’ pajjiż terz għandha tiġi eżentata totalment jew parzjalment mir-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, fuq il-bażi ta’ deċiżjoni pożittiva tal-awtorità kompetenti rilevanti responsabbli għas-superviżjoni tal-kontroparti li hi stabbilita fl-Unjoni, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-proċeduri tal-immaniġġjar tar-riskju tal-kontropartijiet ikunu adegwatament tajbin, robusti u konsistenti mal-livell ta’ kumplessità tat-tranżazzjoni tad-derivat;

(b) ma jkun hemm ebda impediment prattiku jew legali attwali jew previst għat-trasferiment fil-pront tal-fondi proprji jew għar-rimborż ta’ passivi bejn il-kontropartijiet.

9.  Tranżazzjoni intragrupp kif imsemmija fl-Artikolu 3(1) konkluża ma’ kontroparti mhux finanzjarja li hija stabbilita fl-UE u kontroparti li hija stabbilita f’ġurisdizzjoni ta’ pajjiż terz għandha tiġi eżentata mir-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-proċeduri tal-immaniġġjar tar-riskju tal-kontropartijiet ikunu adegwatament tajbin, robusti u konsistenti mal-livell ta’ kumplessità tat-tranżazzjoni tad-derivat;

(b) ma jkun hemm ebda impediment prattiku jew legali attwali jew previst għat-trasferiment fil-pront tal-fondi proprji jew għar-rimborż ta’ passivi bejn il-kontropartijiet.

Il-kontroparti mhux finanzjarja għandha tinnotifika l-intenzjoni tagħha li tapplika l-eżenzjoni lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 10(5). L-eżenzjoni għandha tkun valida sakemm l-awtoritajiet kompetenti notifikati ma tjaqblu li hija sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) jew (b) tal-ewwel subparagrafu fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika.

10.  Tranżazzjoni intragrupp kif imsemmija fl-Artikolu 3(1) konkluża ma’ kontroparti mhux finanzjarja u kontroparti finanzjarja li jkunu stabbiliti fi Stati Membri differenti għandha tiġi eżentata totalment jew parzjalment mir-rekwiżit imniżżel fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, fuq il-bażi ta’ deċiżjoni pożittiva tal-awtorità kompetenti rilevanti responsabbli għas-superviżjoni tal-kontroparti finanzjarja, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-proċeduri tal-immaniġġjar tar-riskju tal-kontropartijiet ikunu adegwatament tajbin, robusti u konsistenti mal-livell ta’ kumplessità tat-tranżazzjoni tad-derivat;

(b) ma jkun hemm ebda impediment prattiku jew legali attwali jew previst għat-trasferiment fil-pront tal-fondi proprji jew għar-rimborż ta’ passivi bejn il-kontropartijiet.

L-awtorità kompetenti rilevanti responsabbli għas-superviżjoni tal-kontroparti finanzjarja għandha tinnotifika kwalunkwe deċiżjoni bħal din lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 10(5). L-eżenzjoni tkun valida sakemm l-awtorità kompetenti notifikata ma taqbilx li huma sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmijin fil-punti (a) jew (b) tal-ewwel subparagrafu. Jekk ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-AETS tista’ tgħin lil dawk l-awtoritajiet jilħqu qbil f’konformità mas-setgħat tagħha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

11.  Il-kontroparti ta’ tranżazzjoni intragrupp li ġiet eżentata mir-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 3 għandha tagħmel pubblika informazzjoni dwar l-eżenzjoni.

Awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-AETS dwar kwalunkwe deċiżjoni adottata skont il-paragraf 6, 8 jew 10 jew kwalunkwe notifika li ġiet riċevuta skont il-paragraf 7, 9 jew 10 u għandha tagħti lill-AETS id-dettalji tat-tranżazzjoni intragrupp ikkonċernata.

12.  L-obbligi stipulati fil-paragrafi 1 sa 11 għandhom japplikaw għal kuntratti tad-derivati OTC konklużi bejn entitajiet ta’ pajjiżi terzi li jkunu soġġetti għal dawn l-obbligi jekk ikunu ġew stabbiliti fl-Unjoni, sakemm dawn il-kuntratti jkollhom effett dirett, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni jew fejn dan l-obbligu jkun meħtieġ jew adegwat biex tiġi evitata l-evażjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament.

13.  L-AETS għandha tissorvelja regolarment l-attività fid-derivati mhux eliġibbli għall-ikklerjar biex tidentifika l-każijiet fejn klassi partikolari ta’ derivati tista’ tkun ta’ riskju sistemiku u biex tevita l-arbitraġġ regolatorju bejn tranżazzjonijiet tad-derivati kklerjati u mhux ikklerjati. B’mod partikolari, l-AETS għandha, wara li tikkonsulta l-BERS tieħu azzjoni skont l-Artikolu 5(3) jew terġa’ teżamina l-istandards tekniċi regolatorji dwar ir-rekwiżiti marġni stipulati fil-paragrafu 14 ta’ dan l-Artikolu, u fl-Artikolu 41.

14.  Bil-għan li tiżgura applikazzjoni konsisteni ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tabbozza standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a) il-proċeduri u l-arranġamenti msemmija fil-paragrafi 1;

(b) il-kundizzjonijiet tas-suq li jipprojbixxu t-tranżazzjonijiet minn suq għal suq u l-kriterji għall-użu tal-ipprezzar skont il-mudell imsemmi fil-paragrafu 2;

(c) id-dettalji tat-tranżazzjonijiet intragruppi eżentati li għandhom jiġu inklużi fin-notifika msemmija fil-paragrafi 7, 9 u 10;

(d) id-dettalji tal-informazzjoni dwar tranżazzjonijiet intragruppi eżentati msemmija fil-paragrafu 11;

(e) il-kuntratti li huma meqjusa li għandhom effett dirett, sustanzjali u prevedibbli fl-Unjoni jew il-każi meta jkun neċessarju jew xieraq biex tiġi evitata l-evażjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament kif imsemmi fil-paragrafu 12;

L-AETS għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼M10

15.  Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-ASE għandhom jiżviluppaw abbozz komuni ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

▼M11

(a) il-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju, inkluż il-livelli u t-tip ta' kollateral u l-arranġamenti tas-segregazzjoni msemmija fil-paragrafu 3;

▼M11

(aa) il-proċeduri superviżorji biex jiżguraw validazzjoni inizjali u kontinwa ta' dawk il-proċeduri ta' ġestjoni tar-riskju;

▼M10

(b) il-proċeduri għall-kontrapartijiet u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti li għandhom jiġu segwiti fl-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet skont il-paragrafi 6 sa 10;

(c) il-kriterji applikabbli msemmija fil-paragrafi 5 sa 10 inkluż, b’mod partikulari, x’għandu jitqies bħala impediment prattiku jew legali għat-trasferiment immedjat tal-fondi proprji u għar-rimborż ta’ passivi bejn il-kontrapartijiet.

Il-livell u t-tip ta’ kollateral meħtieġ fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC li huma konklużi minn entitajiet ta’ bonds koperti b’rabta ma’ bond kopert, jew minn entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta ma’ titolizzazzjoni skont it-tifsira ta’ [dan ir-Regolament] u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-Regolament u r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 18, u fl-Artikoli 19 sa 22 jew fl-Artikoli 23 sa 26 tar-Regolament (UE) 2017/2402 [ir-Regolament dwar it-Titolizzazzjoni] għandhom jiġu stabbiliti filwaqt li jittieħed f’kunsiderazzjoni kwalunkwe xkiel affaċċjat fl-iskambju tal-kollateral fir-rigward ta’ arranġamenti kollaterali eżistenti fil-bond kopert jew it-titolizzazzjoni.

▼M11

L-ESAs għandhom jippreżentaw dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji, ħlief għal dawk imsemmija fil-punt (aa) tal-ewwel subparagrafu, lill-Kummissjoni sat-18 ta' Lulju 2018.

L-EBA, f'kooperazzjoni mal-AETS u l-EIOPA, għandha tippreżenta l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji msemmi fil-punt (aa) tal-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sat-18 ta' Ġunju 2020.

▼M10

Skont in-natura legali tal-kontroparti, is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija f’dan il-paragrafu b’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 jew (UE) Nru 1095/2010.

▼B

Artikolu 12

Penali

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur tar-regoli skont dan it-Titolu u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk il-penali għandhom jinkludu mill-inqas multi amministrattivi. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswasivi.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni ta’ kontropartijiet finanzjarji, u, fejn xieraq, kontropartijiet mhux finanzjarji jiddivulgaw kull penali li tkun ġiet imposta għal ksur tal-Artikoli 4, 5 u 7 sa 11 lill-pubbliku, sakemm din id-divulgazzjoni ma tipperikolax b’mod serju s-swieq finanzjarji jew tikkawża ħsara sproporzjonata lill-partijiet involuti. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw regolarment rapporti ta’ valutazzjoni dwar l-effikaċità tar-regoli dwar il-penali li qegħdin jiġu applikati. Tali żvelar u pubblikazzjoni ma jinkludux data personali skont it-tifsira tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE.

Sas-17 ta’ Frar 2013, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-regoli msemmija fil-paragrafu 1. Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom mingħajr dewmien.

3.  Kwalunkwe ksur tar-regoli taħt dan it-Titolu m’għandux jolqot il-validità ta’ kuntratt tad-derivati OTC jew il-possibilità li l-partijiet jinfurzaw id-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt tad-derivati OTC. Ksur tar-regoli taħt dan it-Titolu m’għandu jwassal għall-ebda dritt għal kumpens minn parti għal kuntratt tad-derivati OTC.

Artikolu 13

Mekkaniżmu biex jiġu evitati d-duplikazzjoni jew ir-regoli kunfliġġenti

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-AETS fil-monitoraġġ u t-tħejjija ta’ rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni internazzjonali tal-prinċipji stipulati fl-Artikoli 4, 9, 10 u 11, b’mod partikolari fir-rigward ta’ rekwiżiti potenzjali duplikattivi u kunfliġġenti fuq il-parteċipanti fis-suq, u tirrakkomanda azzjoni possibbli.

2.  Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti implimentattivi li jiddikjaraw li l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz:

(a) ikunu ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament skont l-Artikoli 4, 9, 10 u 11;

(b) jiżguraw protezzjoni tas-sigriet professjonali li tkun ekwivalenti għal dik stipulata f’dan ir-Regolament; u

(c) qed jiġu applikati u infurzati b’mod effettiv b’mod ekwu u mhux distorżiv sabiex ikunu żgurati s-superviżjoni u l-infurzar effettivi f’dak il-pajjiż terz.

Dawk l-atti implimentattivi għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 86(2).

3.  Att implimentattiv dwar l-ekwivalenza kif imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jimplika li l-kontropartijiet involuti fi tranżazzjoni soġġetta għal dan ir-Regolament għandhom jitqiesu li ssodisfaw l-obbligi li jinsabu fl-Artikoli 4, 9, 10 u 11 meta mill-inqas waħda mill-kontrapartijiet tkun stabbilita f’dak il-pajjiż terz.

4.  Il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mal-AETS, tissorvelja l-implimentazzjoni effettiva minn pajjiżi terzi, li għalihom ġie adottat att implimentattiv dwar l-ekwivalenza, tar-rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stipulati fl-Artikoli 4, 9, 10 u 11 u tirrapporta regolarment, mill-inqas fuq bażi annwali, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Meta r-rapport jiżvela applikazzjoni insuffiċjenti jew inkonsistenti tar-rekwiżiti ekwivalenti minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, il-Kummissjoni għandha, fi żmien 30 jum kalendarju mill-preżentazzjoni tar-rapport, tirtira r-rikonoxximent bħala ekwivalenti għall-qafas legali tal-pajjiż terz ikkonċernat. Meta att implimentattiv dwar l-ekwivalenza jiġi rtirat, il-kontropartijiet għandhom awtomatikament jiġu soġġetti mill-ġdid għar-rekwiżiti kollha stipulati f’dan ir-Regolament.



TITOLU III

AWTORIZZAZZJONI U SUPERVIŻJONI TAL-KONTROPARTIJIET ĊENTRALI



KAPITOLU 1

Kundizzjonijiet u proċeduri għall-awtorizzazzjoni ta’ kontroparti ċentrali

Artikolu 14

Awtorizzazzjoni ta’ kontroparti ċentrali

1.  Meta persuna ġuridika stabbilita fl-Unjoni tkun beħsiebha tipprovdi servizzi ta’ kklerjar bħala kontroparti ċentrali, din għandha tapplika għal awtorizzazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita (l-awtorità kompetenti tall-kontroparti ċentrali), skont il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 17.

2.  Ladarba l-awtorizzazzjoni tingħata b’konformità mal-Artikolu 17, din tkun effettiva fit-territorju kollu tal-Unjoni.

3.  L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata biss għall-attivitajiet marbuta mal-ikklerjar u għandha tispeċifika s-servizzi jew l-attivitajiet li l-kontroparti ċentrali tkun awtorizzata li tipprovdi jew twettaq inklużi l-klassijiet tal-istrumenti finanzjarji koperti minn tali awtorizzazzjoni.

4.  Kontroparti ċentrali għandha tikkonforma f’kull ħin mal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-awtorizzazzjoni.

Kontroparti ċentrali għandha, mingħajr dewmien bla bżonn, tinnotifika lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe bidla materjali li taffetwa il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni.

5.  L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw jew ikomplu japplikaw, fir-rigward ta’ kontropartijiet ċentrali stabbiliti fit-territorju tagħhom, rekwiżiti addizzjonali inklużi ċerti rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2006/48/KE.

Artikolu 15

Estensjoni ta’ attivitajiet u servizzi

1.  Kontroparti ċentrali li tkun tixtieq testendi n-negozju tagħha għal servizzi jew attivitajiet addizzjonali mhux koperti mill-awtorizzazzjoni tal-bidu għandha tissottometti talba għall-estensjoni lill-awtorità kompetenti tal-kontroparti ċentrali. L-offerta ta’ servizzi tal-ikklerjar li għalihom il-kontroparti ċentrali tkun għadha ma ġietx awtorizzata għandha titqies bħala estensjoni ta’ dik l-awtorizzazzjoni.

L-estensjoni ta’ awtorizzazzjoni għandha ssir skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 17.

2.  Meta kontroparti ċentrali tkun tixtieq testendi n-negozju tagħha fi Stat Membru ieħor minbarra dak li ġiet stabbilita fih, l-awtorità kompetenti tal-kontroparti ċentrali għandha minnufih tinnotifika lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru ieħor.

Artikolu 16

Rekwiżiti ta’ kapital

1.  Kontroparti ċentrali għandu jkollha kapital inizjali permanenti u disponibbli ta’ mill-inqas EUR 7,5 miljun biex tkun awtorizzata skont l-Artikolu 14.

2.  Il-kapital ta’ kontroparti ċentrali, inkluż id-dħul u r-riżervi miżmuma, għandu jkun proporzjonali għar-riskju li jitnissel mill-attivitajiet tal-kontroparti ċentrali. Għandu dejjem ikun suffiċjenti sabiex jiżgura stralċ jew ristrutturar ordnat tal-attivitajiet fuq perjodu ta’ żmien adatt u protezzjoni adegwata lill-kontroparti ċentrali kontra riskji tal-kreditu, tal-kontroparti, tas-suq, tal-operat, legali u tan-negozju li mhumiex diġà koperti minn riżorsi finanzjarji speċifiċi kif imsemmi fl-Artikoli 41 sa 44.

3.  Sabiex tiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-ABE, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-SEBĊ u wara li tikkonsulta lill-AETS, għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti rigward il-kapital, il-qligħ miżmum u r-riżervi ta’ kontroparti ċentrali imsemmija fil-paragrafu 2.

L-ABE għandha tressaq dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Artikolu 17

Proċedura għall-għoti u r-rifjut tal-awtorizzazzjoni1

1.  Il-kontroparti ċentrali applikanti għandha tressaq applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni lill-aworita’ kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita.

2.  Il-kontroparti ċentrali applikanti għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tissodisfa lill-awtorità kompetenti li l-kontroparti ċentrali applikanti tkun stabbilixxiet, fiż-żmien tal-awtorizzazzjoni, l-arranġamenti meħtieġa kollha, sabiex tissodisfa r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament. L-awtorità kompetenti għandha titrażmetti minnufih l-informazzjoni kollha li tkun irċeviet mil-kontroparti ċentrali applikanti lill-AETS u lill-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 18(1).lika

3.  Fi żmien 30 jum ta’ xogħol minn meta tasal l-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni hijiex kompluta. Jekk l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi data ta’ skadenza sa meta l-kontroparti ċentrali għandha tipprovdi informazzjoni addizzjonali. Wara li tivvaluta li applikazzjoni tkun kompleta, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-kontroparti ċentrali applikanti u lill-membri tal-Kulleġġ stabbilit f’konformità mal-Artikolu 18(1) u lill-AETS kif meħtieġ.

4.  L-awtorità kompetenti għandha tagħti awtorizzazzjoni biss meta hi tkun kompletament sodisfatta li ll-kontroparti ċentrali applikanti tikkonforma mar-rekwiżiti kollha stipulati f’dan ir-Regolament u li l-kontroparti ċentrali tiġi notifikata bħala sistema skont id-Direttiva 98/26/KE.

L-awtorità kompetenti għandha debitament tikkunsidra l-opinjoni tal-kulleġġ li jkun wasal għaliha skont l-Artikolu 19. Fejn l-awtorità kompetenti tal-kontroparti ċentrali ma taqbilx ma’ opinjoni pożittiva tal-kulleġġ, id-deċiżjoni tagħha għandha tinkludi r-raġunijiet kollha u spjegazzjoni ta’ kull devjazzjoni sinifikanti minn dik l-opinjoni pożittiva.

Il-kontroparti ċentrali m’għandhiex tiġi awtorizzata fejn il-membri kollha tal-kulleġġ, minbarra l-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita il-kontroparti ċentrali, jaslu għal opinjoni konġunta permezz ta’ ftehim komuni skont l-Artikolu 19(1), li il-kontroparti ċentrali ma għandhiex tiġi awtoriżżata. Dik l-opinjoni għandha tiddikjara bil-miktub ir-raġunijiet sħaħ u dettaljati għalfejn il-kulleġġ iqis li r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament jew ta’ liġi oħra tal-UE ma ġewx issodisfati.

Fejn opinjoni konġunta bi ftehim komuni kif imsemmja fit-tielet subparagrafu ma tintlaħaqx, u maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-kulleġġ tkun esprimiet opinjoni negattiva, kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, ibbażata minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-kulleġġ, tista’, fi żmien 30 jum kalendarju mill-adozzjoni ta’ dik l-opinjoni negattiva, tirreferi l-kwistjoni lill-AETS skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Id-deċiżjoni ta’ riferiment, għandha tiddikjara bil-miktub ir-raġunijiet sħaħ u dettaljati għalfejn il-membri rilevanti tal-kulleġġ iqisu li r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament jew partijiet oħrajn tal-liġi tal-Unjoni ma ġewx issodisfati. F’dak il-każ l-awtorità kompetenti tal-kontroparti ċentrali għandha tiddeferixxi d-deċiżjoni tagħha dwar l-awtorizzazzjoni u tistenna kwalunkwe deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni li l-AETS tista’ tieħu skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. L-awtorità kompetenti għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha f’konformità mad-deċizjoni tal-AETS. Il-kwistjoni ma għandhiex tiġi riferuta lill-AETS wara t-tmiem tal-perjodu ta’ 30 jum kalendarju msemmija fir-raba’ subparagrafu.

Meta l-membri kollha tal-kulleġġ, esklużi l-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-kontroparti ċentrali, jilħqu opinjoni konġunta permezz ta’ ftehim komuni, skont l-Artikolu 19(1), li dik il-kontroparti ċentrali m’għandhiex tiġi awtorizzazza, l-awtorità kompetenti tal-kontroparti ċentrali hija stabbilita tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-AETS skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-kontroparti ċentrali għandha tittrasmetti d-deċiżjoni lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati l-oħrajn.

5.  L-AETS għandha taġixxi skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 f’każ li l-awtorità kompetenti tal-kontroparti ċentrali ma tkunx applikat id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, jew tkun applikathom b’mod li jidher li tkun qed tinkiser il-liġi tal-Unjoni.

L-AETS tista’ tinvestiga allegazzjoni ta’ ksur jew nuqqas ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fuq talba minn kwalunkwe membru tal-kulleġġ jew bl-inizjattiva tagħha stess, wara li tkun infurmat lill-awtorità kompetenti.

6.  Fil-qadi ta’ dmirijiethom, l-ebda azzjoni meħuda minn ebda membru tal-kulleġġ ma għandha, direttament jew indirettament, tiddiskrimina kontra ebda Stat Membru jew grupp ta’ Stati Membri bħala post għal servizzi tal-ikklerjar fi kwalunkwe munita.

7.  Fi żmien sitt xhur tas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni sħiħa, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-kontroparti ċentrali applikanti bil-miktub, bi spjegazzjoni raġunata b’mod sħiħ dwar jekk l-awtorizzazzjoni ngħatatx jew ġietx rifjutata.

Artikolu 18

Kulleġġ

1.  Fi żmien 30 jum kalendarju mis-sottomissjoni ta’ applikazzjoni sħiħa skont l-Artikolu 17, l-awtorità kompetenti tal-kontroparti ċentrali għandha tistabbilixxi, tamministra u tippresjedi kulleġġ li jiffaċilita t-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikoli 15, 17, 49, 51 u 54.

2.  Il-kulleġġ għandu jkun jikkonsisti minn:

(a) AETS;

(b) l-awtorità kompetenti tal-kontroparti ċentrali;

(c) l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tal-membri tal-ikklerjar tal-kontroparti ċentrali li huma stabbiliti fit-tliet Stati Membri bl-ikbar kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza tal-kontroparti ċentrali imsemmi fl-Artikolu 42 fuq bażi aggregata tul perjodu ta’ sena;

(d) l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tal-postijiet tan-negozju servuti mill-kontroparti ċentrali;

(e) l-awtoritajiet kompetenti li jissupervizzaw il-kontropartijiet ċentrali li magħhom ikunu ġew stabbiliti arranġamenti tal-interoperabilità;

(f) l-awtoritajiet kompetenti li jissupervizzaw depożitarji ċentrali tat-titoli li magħhom hija marbuta l-kontroparti ċentrali;

(g) il-membri rilevanti tas-SEBĊ responsabbli għas-sorveljanza tal-kontroparti ċentrali u l-membri rilevanti tas-SEBĊ responsabbli għas-sorveljanza tas-kontropartijiet ċentrali li magħhom ikunu ġew stabbiliti arranġamenti ta’ interoperabbiltà.

(h) il-banek ċentrali ta’ emissjoni tal-muniti l-aktar rilevanti tal-Unjoni tal-istrumenti finanzjarji kklerjati.

3.  L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li mhux membru tal-kulleġġ jista’ titlob mill-kulleġġ kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-qadi tad-dmirijiet superviżorji tagħha.

4.  Il-kulleġġ għandu, mingħajr preġudizzju għar-responsabilitajiet tal-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament, jiżgura:

(a) il-preparazzjoni tal-opinjoni msemmija fl-Artikolu 19;

(b) l-iskambju tal-informazzjoni, inklużi talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 84;

(c) ftehim dwar kif jiġu fdati b’mod volontarju l-kompiti fost il-membri tiegħu;

(d) il-koordinament ta’ programmi ta’ eżami prudenzjali bbażati fuq valutazzjoni tar-riskju tal-kontroparti ċentrali; u

(e) id-determinazzjoni ta’ proċeduri u pjanijiet ta’ kontinġenza sabiex jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, kif imsemmija fl-Artikolu 24.

5.  It-twaqqif u l-funzjonament tal-kulleġġ għandu jkun ibbażat fuq ftehim bil-miktub bejn il-membri kollha tiegħu.

Dak il-ftehim għandu jiddetermina l-arranġamenti prattiċi għall-funzjonament tal-kulleġġ, inklużi regoli dettaljati dwar il-proċeduri ta’ votazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 19(3), u jista’ jiddetermina l-kompiti fdati lill-awtorità kompetenti tal-kontroparti ċentrali jew membru ieħor tal-kulleġġ.

6.  Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament konsistenti u koerenti ta’ kulleġġi madwar l-Unjoni, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifika l-kundizzjonijiet li fihom il-muniti Ewropej imsemmijin fil-paragrafu 2(h) għandhom jitqiesu bħala l-aktar rilevanti u d-dettalji tal-arranġamenti prattiċi msemmijin fil-paragrafu 5.

L-AETS tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 19

Opinjoni tal-kulleġġ

1.  Fi żmien erba’ xhur mit-tressiq ta’ applikazzjoni sħiħa mill-kontroparti ċentrali skont l-Artikolu 17, l-awtorità kompetenti tal-kontroparti ċentrali għandha twettaq valutazzjoni tar-riskju tal-kontroparti ċentrali u tippreżenta rapport lill-kulleġġ

Fi żmien 30 jum kalendarju minn meta jirċievi dak ir-rapport, u fuq il-bażi tas-sejbiet fih, il-kulleġġ għandu iħejji opinjoni konġunta li tiddetermina jekk il-kontroparti ċentrali applikanti tikkonformax mar-rekwiżiti kollha stipulati f’dan ir-Regolament.

Mingħajr preġudizzju għar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 17(4), u, jekk ma tintlaħaqx opinjoni konġunta skont it-tieni subparagrafu, il-kulleġġ għandu jadotta opinjoni ta’ maġġoranza fi żmien l-istess perjodu ta’ żmien.

2.  L-AETS għandha tiffaċilita l-adozzjoni tal-opinjoni konġunta f’konformità mal-funzjoni ġenerali tagħha ta’ koordinazzjoni skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

3.  Opinjoni tal-maġġoranza tal-kulleġġ għandha tiġi adottata fuq il-bażi ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. Għall-kulleġġi sa u li jinkludu 12-il membru, massimu ta’ żewġ membri tal-kulleġġ mill-istess Stat Membru għandu jkollhom vot u kull membru votanti għandu jkollu vot wieħed. Għall-kulleġġi li jkun fihom aktar minn 12-il membru, massimu ta’ tliet membri mill-istess Stat Membru għandu jkollhom vot u kull membru votanti għandu jkollu vot wieħed. L-AETS m’għandu jkollha l-ebda drittijiet ta’ votazzjoni fuq l-opinjonijiet tal-kulleġġ.

Artikolu 20

Irtirar tal-awtorizzazzjoni

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22(3), l-awtorità kompetenti tal-kontroparti ċentrali għandha tirtira l-awtorizzazzjoni fejn il-kontroparti ċentrali:

(a) ma tkunx għamlet użu tal-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar, b’mod espress tirrinunzja l-awtorizzazzjoni jew ma tkunx ipprovdiet servizzi jew ma tkun wettqet l-ebda attività fis-sitt xhur preċedenti;

(b) tkun kisbet l-awtorizzazzjoni billi tkun għamlet dikjarazzjonijiet foloz jew bi kwalunkwe mezz irregolari ieħor;

(c) ma tkunx għadha konformi mal-kundizzjonijiet li bihom tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni u ma tkunx ħadet azzjonijiet ta’ rimedju mitluba mill-awtorità kompetenti tal-kontroparti ċentrali fi żmien stabbilit;

(d) tkun kisret serjament u sistematikament kwalunkwe waħda mir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

2.  Meta l-awtorità kompetenti ta’ kontroparti ċentrali tikkunsidra li waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1 tapplika, din għandha, fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol, tinnotifika lill-AETS u lill-membri tal-kulleġġ b’dan.

3.  L-awtorità kompetenti tal-kontroparti ċentrali għandha tikkonsulta lill-membri tal-kulleġġ dwar il-ħtieġa li tkun irtirata l-awtorizzazzjoni tal-kontroparti ċentrali, ħlief meta id-deċiżjoni tkun meħtieġa urġentement.

4.  Kwalunkwe membru tal-kulleġġ jista’, fi kwalunkwe ħin, jitlob li l-awtorità kompetenti tal-kontroparti ċentrali teżamina jekk il-kontroparti ċentrali tkunx għadha konformi mal-kundizzjonijiet li skonthom tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni.

5.  L-awtorità kompetenti tal-kontroparti ċentrali tista’ tillimita l-irtirar għal servizz partikolari, attività, jew klassi ta’ strumenti finanzjarji.

6.  L-awtorità kompetenti tal-kontroparti ċentrali għandha tinnotifika lill-AETS u lill-membri tal-kulleġġ bid-deċiżjoni tagħha rraġunata b’mod sħiħ, li għandhom jieħdu kont tar-riżervi tal-membri tal-kulleġġ.

7.  Id-deċiżjoni dwar l-irtirar tal-awtorizzazzjoni għandha tkun effettiva fl-Unjoni kollha.

Artikolu 21

Rieżami u evalwazzjoni

1.  Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-kulleġġ, l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 22 għandhom jeżaminaw l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati mill-kontropartijiet ċentrali biex jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament u tevalwa r-riskji li għalihom il-kontropartijiet ċentrali huma, jew jistgħu jkunu esposti.

2.  L-eżami u l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikoprur-rekwiżiti kollha fuq il-kontropartijiet ċentrali stipulati f’dan ir-Regolament.

3.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu l-frekwenza u l-grad tal-eżami u tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 b’kont meħud tad-daqs, l-importanza sistemika, in-natura, l-iskala u l-komplessità tal-attivitajiet tal-kontropartijiet ċentrali ikkonċernati. L-eżami u l-evalwazzjoni għandhom jiġu aġġornati mill-inqas fuq bażi annwali.

Il-kontropartijiet ċentrali għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet fil-post.

4.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw regolarment, u mill-inqas darba fis-sena, lill-kulleġġ bir-riżultati tar-rieżami u l-evalwazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, inkluż kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju jew penalitajiet.

5.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jesiġu lil kwalunkwe kontroparti ċentrali li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament tieħu l-azzjonijiet jew il-passi meħtieġa fi stadju bikri biex tindirizza s-sitwazzjoni.

6.  L-AETS għandha tissodisfa rwol ta’ koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u fost il-kolleġġi bil-għan li tibni kultura superviżorja komuni u prattika superviżorjakonsistenti, filwaqt li tiżgura proċeduri uniformi u approċċi konsistenti u t-tisħiħ tal-konsistenza fir-riżultati superviżorji.

Għall-għanijiet tal-ewwel subparagrafu, l-AETS, mill-inqas darba fis-sena għandha:

(a) tagħmel analiżi ta’ rieżami minn pari tal-attivitajiet superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti kollha f’rabta mal-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-kontropartijiet ċentrali skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010; u

(b) tibda u tikkoordina evalwazzjoni fl-Unjoni kollha tar-reżistenza tal-kontropartijiet ċentrali għall-iżviluppi negattivi fis-suq skont l-Artikolu 32(2) tar-Regolament (EU) Nru 1095/2010.

Meta evalwazzjoni msemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tesponi nuqqasijiet fir-reżistenza ta’ kontroparti ċentrali waħda jew iktar minn waħda, l-AETS għandha toħroġ ir-rakkomandazzjonijiet neċessarji skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.



KAPITOLU 2

Superviżjoni u sorveljanza tal-kontropartijiet ċentrali

Artikolu 22

Awtorita’ kompetenti

1.  Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità kompetenti responsabbli għat-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-Regolament għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-kontropartijiet ċentrali stabbiliti fit-territorju tiegħu u għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-AETS b’dan.

Meta Stat Membru jaħtar iżjed minn awtorità kompetenti waħda, għandu b’mod ċar jiddetermina r-rwoli rispettivi u għandu jaħtar awtorità waħda biex tkun responsabbli għall-koordinament tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni mal-Kummissjoni, l-AETS, l-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istati Membri, l-ABE u l-membri rilevanti tas-SEBĊ skont l-Artikoli 23, 24, 83 u 84.

2.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtorità kompetenti jkollha s-setgħat superviżorji u investigatorji meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha.

3.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li miżuri amministrattivi xierqa, f’konformità mad-dritt nazzjonali, ikunu jistgħu jittieħdu jew jiġu imposti fuq il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi responsabbli għan-nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament.

Dawk il-miżuri għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u jistgħu jinkludu talbiet għal azzjoni ta’ rimedju fi żmien stabbilit.

4.  L-AETS għandha tippubblika fil-websajt tagħha lista tal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 1.



KAPITOLU 3

Kooperazzjoni

Artikolu 23

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet

1.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin, mal-AETS u, jekk ikun hemm bżonn, mas-SEBĊ.

2.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fit-twettiq tal-obbligi ġenerali tagħhom, jikkunsidraw kif dovut l-impatt potenzjali tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Istati Membri l-oħra konċernati, b’mod partikolari s-sitwazzjonijiet tal-emerġenza msemmija fl-Artikolu 24, ibbażati fuq l-informazzjoni disponibbli f’dak iż-żmien.

Artikolu 24

Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza

L-awtorità kompetenti tal-kontroparti ċentrali jew kwalunkwe awtorità oħra għandha tinforma lill-AETS, lill-kulleġġ, lill-membri rilevanti tas-SEBĊ u lil awtoritajiet rilevanti oħra mingħajr dewmien bla bżonn bi kwalunkwe sitwazzjoni ta’ emerġenza relatata ma’ CCP, inkluż l-iżviluppi fi swieq finanzjarji, li jista’ jkollhom effett negattiv fuq il-likwidità tas-suq u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fi kwalunkwe Stat Membru fejn il-kontroparti ċentrali jew wieħed mill-membri tal-ikklerjar tagħha jkun stabbilit.



KAPITOLU 4

Relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi

Artikolu 25

Rikonoxximent ta’ CCP ta’ pajjiż terz

1.  Kontroparti ċentrali stabbilita f’pajjiż terz tista’ tipprovdi servizzi tal-ikklerjar lill-membri tal-ikklerjar jew postijiet tal-kummerċ stabbiliti fl-Unjoni biss meta dik il-kontroparti ċentrali tkun rikonoxxuta mill-AETS.

2.  L-AETS, wara li tikkonsulta mal-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3, tista’ tirrikonoxxi kontroparti ċentrali stabbilita f’pajjiż terz li tkun applikat għal rikonoxximent biex tipprovdi ċerti servizzi jew attivitajiet tal-ikklerjar, meta:

(a) il-Kummissjoni tkun adottat att implimentattiv skont il-paragrafu 6;

(b) il-kontroparti ċentrali tkun awtorizzata fil-pajjiż terz rilevanti u tkun soġġetta għal superviżjoni u infurzar effettivi li jiżguraw konformità sħiħa mar-rekwiżiti prudenzjali applikabbli f’dak il-pajjiż terz;

(c) ikunu ġew stabbiliti arranġamenti ta’ kooperazzjoni skont il-paragrafu 7;

▼M5

(d) il-kontroparti ċentrali hija stabbilita jew awtorizzata f'pajjiż terz li mhuwiex ikkunsidrat, mill-Kummissjoni f'konformità mad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 14 ), li għandu nuqqasijiet strateġiċi fir-reġim nazzjonali tiegħu tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu li jikkostitwixxu theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

▼B

3.  Meta jkunu qed jivvalutaw jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 humiex issodisfati, l-AETS għandha tikkonsulta:

(a) l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li fih il-kontroparti ċentrali tipprovdi jew biħsiebha tipprovdi servizzi tal-ikklerjar u li ntgħażlet mill-kontroparti ċentrali;

(b) lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tal-membri tal-ikklerjar tal-kontroparti ċentrali li huma stabbiliti fit-tliet Stati Membri li jagħtu jew huma antiċipati mill-kontroparti ċentrali li jagħtu l-akbar kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza tal-kontroparti ċentrali imsemmi fl-Artikolu 42 fuq bażi aggregata fuq perjodu ta’ sena;

(c) l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni ta’ postijiet tan-negozju li jinsabu fl-Unjoni, li huma servuti jew ser jiġu servuti mill-kontroparti ċentrali;

(d) lill-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu superviżjoni ta’ Kontropartijiet ċentrali stabbiliti fl-Unjoni li magħhom ikunu ġew stabbiliti arranġamenti ta’ interoperabbiltà;

(e) lill-membri rilevanti tas-SEBĊ tal-Istati Membri li fihom il-kontroparti ċentrali tipprovdi jew beħsiebha tipprovdi servizzi tal-ikklerjar u l-membri rilevanti tas-SEBĊ responsabbli għas-sorveljanza tal-kontropartijiet ċentrali li magħhom ikunu ġew stabbiliti arranġamenti ta’ interoperabbiltà;

(f) lill-banek ċentrali ta’ emissjoni tal-muniti l-aktar rilevanti tal-Unjoni tal-istrumenti finanzjarji kklerjati jew li għandhom jiġu kklerjati.

4.  Il-kontroparti ċentrali imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tissottometti l-applikazzjoni tagħha lill-AETS.

Il-kontroparti ċentrali applikanti għandha tipprovdi lill-AETS l-informazzjoni kollha meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha. Fi żmien 30 jum ta’ xogħol minn meta tirċievieha, l-AETS għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni hijiex kompleta. Jekk l-applikazzjoni ma tkunx kompleta, l-AETS għandha tistabilixxi limitu ta’ żmien sa meta l-kontroparti ċentrali applikanti għandha tipprovdi informazzjoni addizzjonali.

Id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent għandha tkun ibbażata fuq il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 u għandha tkun indipendenti minn kwalunkwe valutazzjoni bħala l-bażi għad-deċiżjoni ta’ ekwivalenza msemmija fl-Artikolu 13(3).

L-AETS għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet u l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 3 qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha.

Fi żmien 180 jum tax-xogħol mis-sottomissjoni ta’ applikazzjoni kompleta, l-AETS għandha tinforma lir-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet applikanti bil-miktub, bi spjegazzjoni kompletament irraġunata, dwar jekk ir-rikonoxximent ikunx ingħata jew irrifjutat.

L-AETS għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha lista tal-kontroparti ċentrali rikonoxxuti skont dan ir-Regolament.

5.  L-AETS għandha, wara li tikkonsulta mal-awtoritajiet u l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 3 tirrieżamina r-rikonoxximent tal-kontroparti ċentrali stabbilita f’pajjiż terz fejn dik il-kontroparti ċentrali tkun estendiet il-firxa tal-attivitajiet u s-servizzi tagħha fl-Unjoni. Dak ir-rieżami għandu jitwettaq skont il-paragrafi 2, 3 u 4. L-AETS tista’ tirtira r-rikonoxximent ta’ dik il-kontroparti ċentrali meta l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ma jibqgħux jiġu ssodisfati u fl-istess ċirkostanzi bħal dawk deskritti fl-Artikolu 20.

6.  Il-Kummissjoni tista’ tadotta att implimentattiv skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, li jiddetermina li l-arranġamenti legali u superviżorji ta’ pajjiż terz jiżguraw li s-Kontropartijiet ċentrali awtorizzati f’dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma’ rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV ta’ dan ir-Regolament, li dawn is-Kontropartijiet ċentrali jkunu soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f’dak il-pajjiż terz fuq bażi kontinwa u li l-qafas legali ta’ dak il-pajjiż terz jipprevedi sistema ekwivalenti effikaċi għar-rikonoxximent tas-Kontropartijiet ċentrali awtorizzati skont sistemi legali ta’ pajjiżi terzi.

7.  L-AETS għandha tistabbilixxi arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti ta’ pajjiżi terzi li l-oqsfa legali u superviżorji tagħhom ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dan ir-Regolament skont il-paragrafu 6. Dawn l-arranġamenti għandhom jispeċifikaw mill-inqas:

(a) il-mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-AETS u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi kkonċernati, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni kollha li tkun rikjesta mill-AETS rigward kontropartijiet ċentrali awtorizzati f’pajjiżi terzi;

(b) il-mekkaniżmu għal notifika fil-pront lill-AETS meta awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz tqis li kontroparti ċentrali taħt is-superviżjoni tagħha tkun qed tikser il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tagħha jew ta’ liġi oħra li għaliha tkun suġġetta.

(c) il-mekkaniżmu għal notifika fil-pront lill-AETS minn awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz fejn kontroparti ċentrali taħt is-superviżjoni tagħha tkun ingħatat id-dritt li tipprovdi servizzi tal-ikklerjar lil membri tal-ikklerjar jew lil klijenti stabbiliti fl-Unjoni;

(d) il-proċeduri rigward il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet superviżorji inklużi, meta jkun xieraq, spezzjonijiet fil-post.

8.  Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li l-kontroparti ċentrali li tkun qed tapplika għandha tagħti lill-AETS fl-applikazzjoni tagħha għal rikonoxximent.

L-AETS għandha tissottometti dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012.

Il-Kummissjoni hija ddelegata s-setgħa sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.



TITOLU IV

REKWIŻITI GĦALL-KONTROPARTIJIET ĊENTRALI



KAPITOLU 1

Rekwiżiti organizzattivi

Artikolu 26

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.  Kontroparti ċentrali għandu jkollha arranġamenti ta’ governanza robusti, li jinkludu struttura organizzattiva ċara b’linji ta’ responsabilità ddefiniti sew, trasparenti u konsistenti, proċessi effettivi għall-identifikazzjoni, l-immaniġġjar, il-monitoraġġ u r-rapportar tar-riskji li għalihom hi jew tista’ tkun esposta, u mekkaniżmi tal-kontroll interni adegwati, inklużi proċeduri amministrattivi u kontabilistiċi sodi.

2.  Kontroparti ċentrali għandha tadotta politiki u proċeduri li jkunu effettivi biżżejjed sabiex jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluża l-konformità tal-maniġers u l-impjegati tagħha mad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament.

3.  Kontroparti ċentrali għandha żżomm u topera struttura organizzattiva li tiżgura l-kontinwità u l-funzjonament ordnat fit-twettiq tas-servizzi u l-attivitajiet tagħha. Hija għandha tħaddem sistemi, riżorsi u proċeduri xierqa u proporzjonali.

4.  Kontroparti ċentrali għandha żżomm separazzjoni ċara bejn il-linji tar-rapportar għall-immaniġġjar tar-riskju u dawk għal operazzjonijiet oħra tal-kontroparti ċentrali.

5.  Kontroparti ċentrali għandha tadotta, timplimenta u żżomm politika ta’ rimunerazzjoni li tippromwovi l-immaniġġjar tar-riskji sod u effikaċi u li ma toħloqx inċentivi għar-rilassament tal-istandards tar-riskji.

6.  Kontroparti ċentrali għandha żżomm sistemi tat-teknoloġija informatika b’mod adegwat li jitrattaw mal-kumplessità, il-varjetà u t-tip ta’ servizzi u attivitajiet imwettqa sabiex jiġu żgurati standards għolja ta’ sigurtà u l-integrità u ż-żamma tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni.

7.  Kontroparti ċentrali għandha tagħmel l-arranġamenti ta’ governanza tagħha, ir-regoli li jirregolaw il-kontroparti ċentrali, u l-kriterji tagħha ta’ ammissjoni għal sħubija tal-ikklerjar, disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas.

8.  Il-kontroparti ċentrali għandha tkun soġġetta għal verifiki frekwenti u indipendenti. Ir-riżultati ta’ dawk il-verifiki għandhom ikunu komunikati lill-bord u għandhom jiġu magħmula disponibbli lill-awtorità kompetenti.

9.  Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS, wara li tikkonsulta mal-membri tal-BERS, għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut minimu tar-regoli u l-arranġamenti ta’ governanza msemmija fil-paragrafi 1 sa 8.

L-AETS għandha tissottometti dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012.

Il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata s-setgħa sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 27

Diriġenza għolja u l-bord

1.  Id-diriġenza għolja ta’ kontroparti ċentrali għandu jkollha reputazzjoni tajba u għandu jkollha esperjenza biżżejjed sabiex tiżgura l-immaniġġjar sod u prudenti tal-kontroparti ċentrali.

2.  Kontroparti ċentrali għandu jkollha bord. Mill-inqas terz, iżda mhux iżjed minn tnejn, tal-membri ta’ dak il-bord għandhom ikunu indipendenti. Ir-rappreżentanti tal-klijenti tal-membri tal-ikklerjar għandhom jiġu mistiedna għal-laqgħat tal-bord għal kwistjonijiet rilevanti għall-Artikoli 38 u 39. Il-kumpens tal-membri independenti u l-membri l-oħra mhux eżekuttivi tal-bord ma għandux ikun konness mal-prestazzjoni tan-negozju tal-kontroparti ċentrali.

Il-membri tal-bord ta’ kontroparti ċentrali, inklużi l-membri indipendenti tiegħu, għandu jkollhom reputazzjoni tajba biżżejjed u għandu jkollhom ħila esperta adegwata fis-servizzi finanzjarji, l-immaniġjar tar-riskju u servizzi tal-ikklerjar.

3.  Kontroparti ċentrali għandha tiddetermina b’mod ċar ir-rwoli u r-responsabilitajiet tal-bord u għandha tagħmel il-minuti tal-laqgħat tal-bord disponibbli għall-awtorità kompetenti u għall-awdituri.

Artikolu 28

Kumitat tar-riskju

1.  Kontroparti ċentrali għandha tistabbilixxi kumitat tar-riskju, li għandu jkun kompost minn rappreżentanti tal-membri tal-ikklerjar tagħha, membri indipendenti tal-bord u rappreżentanti tal-klijenti tagħha. Il-kumitat tar-riskju jista’ jistieden lill-impjegati tal-kontroparti ċentrali u lil esperti indipendenti esterni biex jattendu laqgħat tal-kumitat tar-riskju f’kapaċità mingħajr id-dritt tal-vot. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu li jattendu l-laqgħat tal-kumitat tar-riskju f’kapaċità mingħajr id-dritt tal-vot u li jkunu infurmati kif xieraq bl-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tal-kumitat tar-riskju. Il-parir tal-kumitat tar-riskju għandu jkun indipendenti minn kwalunkwe influwenza diretta mill-maniġment tal-kontroparti ċentrali. L-ebda mill-gruppi ta’ rappreżentanti m’għandu jkollhom maġġoranza fil-kumitat tar-riskju.

2.  Kontroparti ċentrali għandha b’mod ċar tiddetermina l-mandat, l-arranġamenti ta’ governanza sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tagħha, il-proċeduri operattivi, il-kriterji tal-ammissjoni u l-mekkaniżmu li bih jiġu eletti l-membri tal-kumitat tar-riskju. L-arranġamenti tal-governanza għandhom ikunu pubblikament disponibbli u għandhom, mill-inqas, jiddeterminaw li l-kumitat tar-riskju jkun ippresedut minn membru tal-bord indipendenti, jirrapporta direttament lill-bord u jżomm laqgħat regolari.

3.  Il-kumitat tar-riskju għandu jagħti parir lill-bord dwar kwalunkwe arranġamenti li jistgħu jolqtu l-immaniġġjar tar-riskji tal-kontroparti ċentrali, bħal bidla sinifikanti fil-mudell tar-riskju tagħha, il-proċeduri f’każ ta’ inadempjenza, il-kriterji għall-aċċettazzjoni ta’ membri tal-ikklerjar, l-ikklerjar ta’ klassijiet ġodda ta’ strumenti, jew għall-esternalizzazzjoni tal-funzjonijiet. Il-parir tal-kumitat tar-riskju mhuwiex meħtieġ għall-operazzjonijiet ta’ kuljum tal-kontroparti ċentrali. Għandhom isiru sforzi raġonevoli biex il-kumitat tar-riskju jiġi kkonsultat dwar żviluppi li jolqtu l-ġestjoni tar-riskju tal-kontroparti ċentrali f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenzi.

4.  Mingħajr preġudizzjoni għad-dritt tal-awtoritajiet kompetenti li jkunu informati kif dovut, il-membri tal-kumitat tar-riskju għandhom ikunu marbuta bil-kunfidenzjalità. Meta l-president tal-kumitat tar-riskju jiddetermina li membru effettivament jew potenzjalment għandu konflitt ta’ interess fuq kwistjoni partikolari, dak il-membru ma għandux jitħalla jivvota fuq dik il-kwistjoni.

5.  Kontroparti ċentrali għandha minnufih tinforma lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe deċiżjoni li fiha l-bord jiddeċiedi li ma jsegwix il-parir tal-kumitat tar-riskju.

Artikolu 29

Żamma ta’ rekords

1.  Kontroparti ċentrali għandha żżomm, għal perjodu ta’ mill-inqas għaxar snin, ir-rekords kollha dwar is-servizzi u l-attività pprovduti sabiex tippermetti lill-awtorità kompetenti li timmonitorja l-konformità tal-kontroparti ċentrali ma’ dan ir-Regolament.

2.  Kontroparti ċentrali għandha żżomm, għal perjodu ta’ mill-inqas għaxar snin wara t-terminazzjoni ta’ kuntratt, l-informazzjoni kollha dwar il-kuntratti kollha li tkun ipproċessat. Dik l-informazzjoni għandha mill-inqas tippermetti l-identifikazzjoni tat-termini oriġinali ta’ transazzjoni qabel l-ikklerjar minn dik il-kontroparti ċentrali.

3.  Kontroparti ċentrali għandha tagħmel ir-rekords u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u l-informazzjoni kollha dwar il-pożizzjonijiet ta’ kuntratti kklerjati, irrispettivament mill-post fejn ikunu twettqu t-transazzjonijiet, disponibbli meta mitluba lill-awtorità kompetenti, lill-AETS u lill-membri rilevanti tas-SEBĊ.

4.  Bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tar-rekords u l-informazzjoni li għandha tinżamm kif imsemmi fil-paragrafi 1 sa 3.

L-AETS għandha tissottometti dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012.

Il-Kummissjoni hija ddelegata s-setgħa sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

5.  Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi ta’ applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi implimentattivi li jispecifikaw l-format tar-rekords u l-informazzjoni li għandha tinżamm.

L-AETS għandha tissottometti dawn l-abbozzi ta’ standards tekniċi implimentattivi lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012.

Is-setgħa hija mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta l-abbozz ta’ standards teknici implimentattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 30

Azzjonisti u membri b’parteċipazzjoni kwalifikatorja

1.  L-awtorità kompetenti ma għandhiex tawtorizza kontroparti ċentrali sakemm ma tkunx ġiet infurmata bl-identitajiet tal-azzjonisti jew membri, kemm jekk diretti jew indiretti, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li għandhom parteċipazzjoni kwalifikatorja u bl-ammonti ta’ dawn il-parteċipazzjonijiet.

2.  L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta li tawtorizza kontroparti ċentrali meta ma tkunx sodisfatta dwar l-adattezza tal-azzjonisti jew il-membri li għandhom parteċipazzjonijiet kwalifikatorji fil-kontroparti ċentrali, meta tikkunsidra l-bżonn li jiġi żgurat l-immaniġjar sod u prudenti ta’ kontroparti ċentrali.

3.  Meta jeżistu konnessjonijiet mill-qrib bejn il-kontroparti ċentrali u persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra, l-awtorità kompetenti għandha tagħti awtorizzazzjoni biss meta dawk il-konnessjonijiet ma jipprevjenux l-eżerċizzju effikaċi tal-funzjonijiet superviżorji tal-awtorità kompetenti.

4.  Meta l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jeżerċitaw influwenza li aktarx li tkun ta’ preġudizzju għall-immaniġjar sod u prudenti tal-kontroparti ċentrali, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri xierqa biex ittemm din is-sitwazzjoni, liema azzjoni tista’ tinkludi l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-kontroparti ċentrali.

5.  L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta l-awtorizzazzjoni meta l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ pajjiż terz li jirregolaw persuna fiżika jew ġuridika jew iżjed minn persuna waħda li magħha/magħhom il-kontroparti ċentrali ikollha konnessjonijiet mill-qrib, jew diffikultajiet involuti fl-infurzar tagħhom, jipprevjenu l-eżerċizzju effikaċi tal-funzjonijiet superviżorji tal-awtorità kompetenti.

Artikolu 31

Informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti

1.  Kontroparti ċentrali għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti tagħha bi kwalunkwe bidla fil-maniġment tagħha, u għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni meħtieġa kollha sabiex jiġi vvalutata l-konformità mal- Artikolu 27(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2).

Meta l-komportament ta’ membru tal-bord aktarx li jkun ta’ preġudizzju għall-immaniġġjar sod u prudenti tal-kontroparti ċentrali, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri xierqa, li jistgħu jinkludu it-tneħħija ta’ dak il-membru mill-bord.

2.  Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew dawk il-persuni li jaġixxu flimkien (“l-akkwirent propost”), li ħadu deċiżjoni li jiksbu, direttament jew indirettament, parteċipazzjoni kwalifikatorja f’kontroparti ċentrali jew li jkomplu jżidu, direttament jew indirettament, tali parteċipazzjoni kwalifikatorja f’kontroparti ċentrali li b’konsegwenza ta’ dan il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital miżmum jilħaq jew jeċċedi 10 %, 20 %, 30 % jew 50 % jew b’tali mod li l-kontroparti ċentrali ssir is-sussidjarja (“l-akkwiżizzjoni proposta”), għandhom l-ewwel jinnotifikaw bil-miktub lill-awtorità kompetenti tal-kontroparti ċentrali li fiha qed ifittxu li jiksbu jew iżidu parteċipazzjoni kwalifikatorja, filwaqt li jindikaw id-daqs tal-parteċipazzjoni intiża u l-informazzjoni rilevanti, kif imsemmi fl-Artikolu 32(4).

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ħadet deċiżjoni li tiddisponi, direttament jew indirettament, minn parteċipazzjoni kwalifikatorja f’kontroparti ċentrali (“il-bejjiegħ propost”) għandha l-ewwel tinnotifika lill-awtorità kompetenti bil-miktub dwarha, u tindika d-daqs ta’ din il-parteċipazzjoni. Tali persuna għandha bl-istess mod tinnotifika lill-awtorità kompetenti meta tkun ħadet deċiżjoni għat-tnaqqis ta’ parteċipazzjoni kwalifikatorja sabiex il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital jaqa’ taħt 10 %, 20 %, 30 % jew 50 % jew b’tali mod li l-kontroparti ċentrali ma tibqax tkun sussidjarja ta’ dik il-persuna.

L-awtorità kompetenti għandha, minnufih u fi kwalunkwe każ fi żmien jumejn tax-xogħol wara l-irċevuta tan-notifika msemmija f’dan il-paragrafu, u tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, tirrikonoxxi l-irċevuta tagħha bil-miktub lill-akkwirent propost jew lill-bejjiegħ.

L-awtorità kompetenti għandu jkollha massimu ta’ 60 jum tax-xogħol mid-data tar-rikonoxximent bil-miktub tal-irċevuta tan-notifika u d-dokumenti kollha meħtieġa li jridu jinhemżu man-notifika fuq il-bażi tal-lista msemmija fl-Artikolu 32(4) (“il-perjodu ta’ valutazzjoni”), għat-twettiq tal-valutazzjoni pprovduta fl-Artikolu 32(1) (“il-valutazzjoni”).

L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-akkwirent propost jew lill-bejjiegħ bid-data tal-iskadenza tal-perjodu ta’ valutazzjoni fiż-żmien tar-rikonoxximent tal-irċevuta.

3.  L-awtorità kompetenti tista’, waqt il-perjodu ta’ valutazzjoni, fejn ikun meħtieġ, iżda mhux iżjed tard mill-50 jum tax-xogħol tal-perjodu ta’ valutazzjoni, titlob kwalunkwe informazzjoni oħra li hi meħtieġa biex titlesta l-valutazzjoni. Din it-talba għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa.

Il-perjodu ta’ valutazzjoni għandu jkun interrott għall-perjodu bejn id-data tat-talba għall-informazzjoni mill-awtorità kompetenti u l-irċevuta ta’ risposta għaliha mill-akkwirent propost. L-interruzzjoni ma għandhiex teċċedi 20 jum tax-xogħol. Kwalunkwe talbiet oħra mill-awtorità kompetenti għat-tlestija jew il-kjarifika tal-informazzjoni għandhom ikunu fid-diskrezzjoni tagħha iżda ma jistgħux jirriżultaw f’interruzzjoni tal-perjodu ta’ valutazzjoni.

4.  L-awtorità kompetenti tista’ testendi l-interruzzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 sa 30 jum tax-xogħol meta l-akkwirent propost jew il-bejjiegħ ikun:

(a) jinsab jew hu rregolat barra l-Unjoni;

(b) persuna fiżika jew ġuridika mhux soġġetta għal superviżjoni skont dan ir-Regolament jew id-Direttiva 73/239/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja ( 15 ) jew id-Direttivi 2002/83/KE, 2003/41/KE, 2004/39/KE, 2005/68/KE, 2006/48/KE, 2009/65/KE jew 2011/61/UE.

5.  Meta l-awtorità kompetenti, mat-tlestija tal-valutazzjoni, tiddeċiedi li topponi l-akkwiżizzjoni proposta, għandha fi żmien jumejn tax-xogħol, u mingħajr ma taqbeż il-perjodu ta’ valutazzjoni, tinforma lill-akkwirent propost bil-miktub u tipprovdi r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-kulleġġ msemmi fl- Artikolu 18 b’dan. Soġġett għad-dritt nazzjonali, dikjarazzjoni xierqa tar-raġunijiet għad-deċiżjoni tista’ ssir aċċessibbli għall-pubbliku fuq talba tal-akkwirent propost. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtorità kompetenti li tagħmel tali divulgazzjoni fin-nuqqas ta’ talba mill-akkwirent propost.

6.  Meta l-awtorità kompetenti ma topponix l-akkwiżizzjoni proposta fiż-żmien tal-perjodu tal-valutazzjoni, din għandha titqies li ġiet approvata.

7.  L-awtorità kompetenti tista’ tistipula perjodu massimu għall-konklużjoni tal-akkwiżizzjoni proposta u testendih safejn dan ikun xieraq.

8.  L-Istati Membri ma għandhomx jimponu rekwiżiti għal notifika lil, u approvazzjoni minn, l-awtorità kompetenti ta’ akkwisti diretti jew indiretti ta’ drittijiet ta’ votazzjoni jew kapital li huma iżjed stretti minn dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 32

Valutazzjoni

1.  Fil-valutazzjoni tan-notifika prevista fl-Artikolu 31(2) u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 31(3), l-awtorità kompetenti għandha, sabiex tiżgura l-immaniġġjar sod u prudenti tal-kontroparti ċentrali li fiha hu propost l-akkwist, u wara li tikkunsidra l-influwenza probabbli tal-akkwirent propost fuq il-kontroparti ċentrali, tevalwa l-adattezza tal-akkwirent propost u s-sodezza finanzjarja tal-akkwiżizzjoni proposta skont dawn kollha li ġejjin:

(a) ir-reputazzjoni u s-sodezza finanzjarja tal-akkwirent propost;

(b) ir-reputazzjoni u l-esperjenza ta’ kwalunkwe persuna li se tidderieġi n-negozju tal-kontroparti ċentrali b’konsegwenza tal-akkwiżizzjoni proposta;

(c) jekk il-kontroparti ċentrali hix se tkun kapaċi tikkonforma u tkompli tikkonforma ma’ dan ir-Regolament;

(d) jekk ikunx hemm motivi raġonevoli biex wieħed jissuspetta li, f’rabta mal-akkwist propost, sar, qed isir jew hemm tentattivi biex isir ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu fit-tifsira tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60/KE, jew li l-akkwist propost jista’ jżid ir-riskju ta’ kondotta bħal din.

Fil-valutazzjoni tas-sodezza finanzjarja tal-akkwirent propost, l-awtorità kompetenti għandha tagħti attenzjoni partikolari lit-tip ta’ negozju segwit u previst fil-kontroparti ċentrali li fiha tkun proposta l-akkwiżizzjoni.

Meta tiġi vvalutata l-abilità tal-kontroparti ċentrali li tikkonforma ma’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għandha tagħti attenzjoni partikolari dwar jekk il-grupp li minnha se ssir parti għandux struttura li tagħmilha possibbli li tiġi eżerċitata superviżjoni effikaċi, li effettivament tiġi skambjata informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti u li tiġi ddeterminata l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet fost l-awtoritajiet kompetenti.

2.  L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jopponu l-akkwiżizzjoni proposta biss meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli għalxiex jagħmlu dan fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 jew meta l-informazzjoni pprovduta mill-akkwirent propost ma tkunx kompleta.

3.  L-Istati Membri ma għandhom la jimponu kwalunkwe kundizzjonijiet preċedenti fir-rigward tal-livell ta’ parteċipazzjoni li għandu jinkiseb u lanqas ma jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom li jeżaminaw l-akkwiżizzjoni proposta f’termini tal-bżonnijiet ekonomiċi tas-suq.

4.  L-Istati Membri għandhom jagħmlu pubblikament disponibbli lista li tispeċifika l-informazzjoni li hi meħtieġa għat-twettiq tal-valutazzjoni u li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti fiż-żmien tan-notifika msemmija fl-Artikolu 31(2). L-informazzjoni meħtieġa għandha tkun proporzjonali u għandha tkun adattata għan-natura tal-akkwirent propost u l-akkwiżizzjoni proposta. L-Istati Membri ma għandhomx jitolbu informazzjoni li mhix rilevanti għall-valutazzjoni prudenzjali.

5.  Minkejja l-Artikolu 31(2), (3) u (4), fejn żewġ proposti jew iżjed għall-kisba jew iż-żieda ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikatorji fl-istess kontroparti ċentrali jkunu ġew notifikati lill-awtorità kompetenti, din tal-aħħar għandha titratta l-akkwirenti proposti b’mod mhux diskriminatorju.

6.  L-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jikkooperaw mill-viċin ma’ xulxin għat-twettiq tal-valutazzjoni meta l-akkwirent propost ikun wieħed minn dawn li ġejjin:

(a) kontroparti ċentrali oħra, istituzzjoni tal-kreditu, impriża tal-assigurazzjoni, impriża tar-riassigurazzjoni, ditta tal-investiment, operatur tas-suq, operatur ta’ sistema tas-saldu tat-titoli, kumpanija maniġerjali UCITS jew AIFM awtorizzata fi Stat Membru ieħor;

(b) l-impriża prinċipali ta’ kontroparti ċentrali oħra, istituzzjoni tal-kreditu, impriża tal-assigurazzjoni, impriża tar-riassigurazzjoni, ditta tal-investiment, operatur tas-suq, operatur ta’ sistema tas-saldu tat-titoli, kumpanija maniġerjali UCITS jew AIFM awtorizzata fi Stat Membru ieħor;

(c) persuna fiżika jew ġuridika li tikkontrolla kontroparti ċentrali oħra, istituzzjoni tal-kreditu, impriża tal-assigurazzjoni, impriża tar-riassigurazzjoni, ditta tal-investiment, operatur tas-suq, operatur ta’ sistema tas-saldu tat-titoli, kumpanija maniġerjali UCITS jew AIFM awtorizzata fi Stat Membru ieħor.

7.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien mhux dovut, jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni li hi essenzjali għall-valutazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fuq talba, jikkomunikaw l-informazzjoni rilevanti kollha lil xulxin u għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni kollha essenzjali b’inizjattiva tagħhom. Deċiżjoni mill-awtorità kompetenti li awtorizzat il-kontroparti ċentrali li fiha tkun proposta l-akkwiżizzjoni għandha tindika kwalunkwe fehmiet jew riservi espressi mill-awtorità kompetenti responsabbli għall-akkwirent propost.

Artikolu 33

Konflitti ta’ interess

1.  Kontroparti ċentrali għandha żżomm u topera arranġamenti organizzattivi u amministrattivi effettivi bil-miktub sabiex tidentifika u timmaniġja kwalunkwe konflitti ta’ interess potenzjali bejnha, inklużi l-maniġers, l-impjegati, jew kwalunkwe persuna b’kontroll dirett jew indirett jew konnessjonijiet mill-qrib, u l-membri tal-ikklerjar tagħhom jew il-klijenti tagħhom magħrufa lill-kontroparti ċentrali. Għandha żżomm u timplimenta proċeduri xierqa bl-għan li jsolvu konflitti ta’ interess possibbli.

2.  Meta l-arranġamenti organizzattivi jew amministrattivi ta’ kontroparti ċentrali biex jimmaniġjaw konflitti ta’ interess ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw, b’fiduċja raġonevoli, li r-riskji tal-ħsara għall-interessi ta’ membru tal-ikklerjar jew klijent huma evitati, il-kontroparti ċentrali għandha tiżvela b’mod ċar in-natura ġenerali jew sorsi ta’ konflitti ta’ interess lill-membru tal-ikklerjar qabel ma jiġu aċċettati transazzjonijiet ġodda minn dak il-membru tal-ikklerjar. Meta l-klijent ikun magħruf lill-kontroparti ċentrali, il-kontroparti ċentrali għandha tinforma lill-klijent u lill-membru tal-ikklerjar li l-klijent tagħha jkun ikkonċernat.

3.  Meta l-kontroparti ċentrali tkun impriża prinċipali jew sussidjarja, l-arranġamenti bil-miktub għandhom jikkunsidraw ukoll kwalunkwe ċirkostanzi, li tagħhom il-kontroparti ċentrali hi jew għandha tkun konxja, li jistgħu jagħtu lok għal konflitt ta’ interess li joħroġ b’konsegwenza tal-istruttura u l-attivitajiet tan-negozju ta’ impriżi oħra li magħhom għandha relazzjoni ta’ impriża prinċipali jew sussidjarja.

4.  L-arranġamenti bil-miktub stabbiliti skont il-paragrafu 1 għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

(a) iċ-ċirkostanzi li jikkostitwixxu jew li jistgħu jagħtu lok għal konflitt ta’ interess li jwassal għal riskju materjali ta’ ħsara għall-interessi ta’ membru tal-ikklerjar wieħed jew iżjed jew għall-klijenti;

(b) il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex jiġi ġestit tali konflitt.

5.  Kontroparti ċentrali għandha tieħu l-passi raġonevoli kollha għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe użu ħażin tal-informazzjoni miżmuma fis-sistemi tagħha u għandha tipprevjeni l-użu ta’ dik l-informazzjoni għal attivitajiet tan-negozju oħra. Persuna fiżika li għandha konnessjoni mill-viċin ma’ kontroparti ċentrali jew persuna ġuridika li għandha impriża prinċipali jew relazzjoni sussidjarja ma’ kontroparti ċentrali m’għandhiex tuża l-informazzjoni konfidenzjali rreġistrata f’kontroparti ċentrali għal użu kummerċjali mingħajr il-kunsens bil-miktub mogħti minn qabel mill-klijent li tali informazzjoni kunfidenzjali tkun tappartjeni lilu.

Artikolu 34

Kontinwità tan-negozju

1.  Kontroparti ċentrali għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm politika ta’ kontinwità tan-negozju xierqa u pjan ta’ rkupru minn diżastru bl-għan li jiżgura l-preservazzjoni tal-funzjonijiet tagħha, l-irkupru fil-ħin tal-operazzjonijiet u l-qadi tal-obbligi tal-kontroparti ċentrali. Tali pjan għandu mill-inqas jippermetti l-irkupru tat-transazzjonijiet kollha fiż-żmien tat-taqlib sabiex jippermetti lill-kontroparti ċentrali tkompli topera b’ċertezza u tlesti s-saldu komplut fid-data skedata.

2.  Kontroparti ċentrali għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm proċedura adegwata li tiżgura s-saldu f’waqtu u ordinat jew it-trasferiment tal-assi u tal-pożizzjonijiet tal-klijenti u tal-membri tal-ikklerjar fil-każ li tkun irtirata l-awtorizzazzjoni b’konsegwenza ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 20.

3.  Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS, wara li tikkonsulta l-membri tas-SEBĊ, għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut minimu u r-rekwiżiti tal-politika ta’ kontinwità tal-operat u tal-pjan ta’ rkupru minn diżastru.

L-AETS għandha tissottometti dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012.

Il-Kummissjoni hija ddelegata s-setgħa sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 35

Esternalizzazzjoni

1.  Meta kontroparti ċentrali testernalizza funzjonijiet operattivi, servizzi jew attivitajiet, għandha tibqa’ kompletament responsabbli għat-twettiq tal-obbligi kollha tagħha skont dan ir-Regolament u għandha tiżgura f’kull ħin li:

(a) l-esternalizzazzjoni ma tirriżultax fid-delega tar-responsabilità;

(b) ir-relazzjoni u l-obbligi tal-kontroparti ċentrali lejn il-membri tal-ikklerjar tagħha jew meta rilevanti lejn il-klijenti tagħhom ma jinbidlux;

(c) il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-kontroparti ċentrali effettivament ma jitbiddlux;

(d) l-esternalizzazzjoni ma timpedix l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ta’ superviżjoni u ta’ sorveljanza, inkluż l-aċċess fil-post biex tinkiseb kwalunkwe informazzjoni rilevanti meħtieġa biex jiġu ssodisfati dawk il-mandati;

(e) l-esternalizzazzjoni ma twassalx sabiex il-kontroparti ċentrali tiċċaħħad mis-sistemi u kontrolli neċessarji għall-immaniġġjar tar-riskji li tiffaċċja;

(f) il-fornitur tas-servizz jimplimenta rekwiżiti ekwivalenti tal-kontinwità tan-negozju għal dawk li għandhom jiġu ssodisfati minn kontroparti ċentrali skont dan ir-Regolament;

(g) il-kontroparti ċentrali iżżomm il-kompetenza u r-riżorsi meħtieġa biex tevalwa l-kwalità tas-servizzi pprovduti u l-adegwatezza organizzattiva u kapitali tal-fornitur tas-servizz u biex tissorvelja l-funzjonijiet esternalizzati b’mod effikaċi u timmaniġja r-riskji assoċjati mal-esternalizzazzjoni u tissorvelja dawn il-funzjonijiet u timmaniġja dawk ir-riskji fuq bażi kontinwa;

(h) il-kontroparti ċentrali jkollha aċċess dirett għall-informazzjoni rilevanti tal-funzjonijiet esternalizzati;

(i) il-fornitur tas-servizzi jikkoopera mal-awtorità kompetenti b’rabta mal-attivitajiet esternalizzati;

(j) il-fornitur tas-servizzi jipproteġi kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali relatata mal-kontroparti ċentrali u l-membri tal-ikklerjar u l-klijenti tagħha jew, meta dak il-fornitur tas-servizzi jkun stabbilit f’pajjiżi terz, jiżgura li l-istandards tal-protezzjoni tad-data ta’ dak il-pajjiż terz, jew dawk stabbiliti fil-ftehim bejn il-partijiet ikkonċernati, ikunu kumparabbli mal-istandards tal-protezzjoni tad-data fis-seħħ fl-Unjoni.

Kontroparti ċentrali m’għandhiex testernalizza attivitajiet ewlenin marbuta mal-ġestjoni tar-riskju ħlief jekk tali esternalizzazzjoni tiġi approvata mill-awtorità kompetenti.

2.  L-awtorità kompetenti għandha tirrikjedi li l-kontroparti ċentrali talloka u tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tagħha, u dawk tal-fornitur tas-servizzi, b’mod ċar fi ftehim bil-miktub.

3.  Kontroparti ċentrali għandha, fuq talba, tagħmel disponibbli l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tippermetti li l-awtorità kompetenti tivvaluta l-konformità tat-twettiq tal-attivitajiet esternalizzati ma’ dan ir-Regolament.



KAPITOLU 2

Regoli tal-Kondotta tan-Negozju

Artikolu 36

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.  Meta tipprovdi servizzi lill-membri tal-ikklerjar tagħha, u fejn rilevanti, lill-klijenti tagħhom, kontroparti ċentrali għandha taġixxi b’mod ġust u professjonali skont l-aħjar interessi ta’ tali membri tal-ikklerjar u klijenti u l-immaniġġjar tajjeb tar-riskji.

2.  Kontroparti ċentrali għandu jkollha regoli aċċessibbli, trasparenti u ġusti biex tittratta l-ilmenti fil-pront.

Artikolu 37

Rekwiżiti tal-parteċipazzjoni

1.  Kontroparti ċentrali għandha tistabbilixxi, meta rilevanti skont it-tip ta’ prodott ikklerjat, il-kategoriji ta’ membri ammissibbli tal-ikklerjar u l-kriterji ta’ ammissjoni, fuq il-parir tal-kumitat tar-riskju skont l-Artikolu 28(3). Dawn il-kriterji għandhom ikunu mhux diskriminatorji, trasparenti u oġġettivi sabiex jiġi żgurat aċċess ġust u miftuħ għal-kontroparti ċentrali u għandhom jiżguraw li l-membri tal-ikklerjar ikollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji u kapaċità operattiva biex jilħqu l-obbligi riżultanti mill-parteċipazzjoni f’kontroparti ċentrali. Il-kriterji li jirrestrinġu l-aċċess għandhom ikunu permessi biss safejn l-għan tagħhom ikun il-kontroll tar-riskju għall-kontroparti ċentrali.

2.  Kontroparti ċentrali għandha tiżgura li l-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 tintlaħaq fuq bażi kontinwa u għandu jkollha aċċess fil-ħin għall-informazzjoni rilevanti għal din il-valutazzjoni. Kontroparti ċentrali għandha twettaq, għall-inqas darba fis-sena, rieżami komprensiv tal-konformità ma’ dan l-Artikolu mill-membri tal-ikklerjar tagħha.

3.  Membri tal-ikklerjar li jikklerjaw transazzjonijiet f’isem il-klijenti tagħhom għandu jkollhom ir-riżorsi finanzjarji addizzjonali meħtieġa u kapaċità operattiva għat-twettiq ta’ din l-attività. Ir-regoli tal-kontroparti ċentrali għall-membri tal-ikklerjar għandhom jippermettulha tiġbor l-informazzjoni bażika rilevanti ħalli tidentifika, timmonitorja u timmaniġġja l-konċentrazzjonijiet rilevanti ta’ riskju marbut mal-forniment ta’ servizzi lill-kjlienti. Il-membri tal-ikklerjar għandhom, meta mitluba, jinformaw lil-kontroparti ċentrali dwar il-kriterji u l-arranġamenti li jadottaw biex jippermettu li l-klijenti tagħhom jaċċessaw is-servizzi tal-kontroparti ċentrali. Ir-responsabilità biex jiġi żgurat li l-klijenti jikkonformaw mal-obbligi tagħhom għandha tibqa’ f’idejn il-membri tal-ikklerjar.

4.  Kontroparti ċentrali għandu jkollha proċeduri oġġettivi u trasparenti għas-sospensjoni u l-ħruġ ordnat ta’ membri tal-ikklerjar li ma jkunux għadhom jissodisfaw il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1.

5.  Kontroparti ċentrali tista’ tirrifjuta biss l-aċċess għal membri tal-ikklerjar li jissodisfaw il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 meta jkun ġustifikat kif dovut bil-miktub u bbażat fuq analiżi tar-riskju komprensiva.

6.  Kontroparti ċentrali tista’ timponi obbligi addizzjonali speċifiċi fuq il-membri tal-ikklerjar, bħall-parteċipazzjoni f’irkanti tal-pożizzjoni ta’ membru tal-ikklerjar inadempjenti. Dawn l-obbligi addizzjonali għandhom ikunu proporzjonali għar-riskju li jkollu membru tal-ikklerjar u ma għandhomx jirrestrinġu l-parteċipazzjoni għal ċertu kategoriji ta’ membri tal-ikklerjar.

Artikolu 38

Trasparenza

1.  Kontroparti ċentrali u l-membri tal-ikklerjar tagħha għandhom pubblikament jiddivulgaw il-prezzijiet u t-drittijiet assoċjati mas-servizzi pprovduti. Huma għandhom jiddivulgaw il-prezzijiet u t-drittijiet ta’ kull servizz pprovdut separatament, inklużi skontijiet u ribassi u l-kundizzjonijiet li jibbenefikaw minn dak it-tnaqqis. Kontroparti ċentrali għandha tippermetti l-membri tal-ikklerjar tagħha u, fejn rilevanti, il-klijenti tagħhom, aċċess separat għas-servizzi speċifiċi pprovduti.

Kontroparti ċentrali għandha tagħti rendikont separat tal-ispejjeż u d-dħul tas-servizzi pprovduti u għandha tiżvela dik l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti.

2.  Kontroparti ċentrali għandha tiżvela lill-membri tal-ikklerjar u l-klijenti r-riskji assoċjati mas-servizzi pprovduti.

3.  Kontroparti ċentrali għandha tiżvela lill-membri tagħha tal-ikklerjar u lill-awtorità kompetenti tagħha l-informazzjoni dwar il-prezz użata għall-kalkolu tal-iskoperturi tagħha fi tmiem il-jum lill-membri tal-ikklerjar tagħha.

Kontroparti ċentrali għandha tiżvela pubblikament il-volumi tat-transazzjonijiet ikklerjati għal kull klassi ta’ strumenti kklerjata mil-kontroparti ċentrali fuq bażi aggregata.

4.  Kontroparti ċentrali għandha tiżvela pubblikament ir-rekwiżiti operattivi u tekniċi marbutin mal-protokolli tal-komunikazzjoni li jkopru l-format tal-kontenut u tal-messaġġ li tuża fl-interazzjoni ma’ terzi, inklużi ir-rekwiżiti operattivi u tekniċi msemmija fl-Artikolu 7.

5.  Kontroparti ċentrali għandha tiżvela pubblikament kull ksur mill-membri tal-ikklerjar tal-kriterji msemmijin fl-Artikolu 37(1) u r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ħlief fejn l-awtorità kompetenti, wara li tikkonsulta mal-AETS, tikkunsidra li żvelar ta’ dan it-tip ikun jikkostitwixxi theddida għall-istabilità finanzjarja jew il-fiduċja tas-suq jew jipperikola serjament is-swieq finanzjarji jew jikkawża danni sproporzjonati lill-partijiet involuti.

▼M11

6.  CCP għandha tipprovdi għodda ta' simulazzjoni lill-membri tal-ikklerjar tagħha li tippermettilhom jiddeterminaw l-ammont tal-marġini inizjali addizzjonali, fuq bażi grossa, li s-CCP tista' tirrikjedi mal-ikklerjar ta' tranżazzjoni ġdida. Dik l-għodda għandha tkun aċċessibbli biss fuq bażi ta' aċċess sigur, u r-riżultati tas-simulazzjoni ma għandhomx ikunu vinkolanti.

7.  CCP għandha tipprovdi lill-membri tal-ikklerjar tagħha b'informazzjoni dwar il-mudelli tal-marġni inizjali li tuża. Dik l-informazzjoni għandha:

(a) tispjega b'mod ċar id-disinn tal-mudell tal-marġni inizjali u kif jaħdem;

(b) tiddeskrivi b'mod ċar is-suppożizzjonijiet u l-limitazzjonijiet ewlenin tal-mudell tal-marġini inizjali u ċ-ċirkostanzi li taħthom dawn is-suppożizzjonijiet ma jkunux iżjed validi;

(c) tkun iddokumentata.

▼B

Artikolu 39

Segregazzjoni u portabilità

1.  Kontroparti ċentrali għandha żżomm rekords u kontijiet separati li jippermettulha, fi kwalunkwe ħin u mingħajr dewmien, li tiddistingwi fil-kontijiet mal-kontroparti ċentrali l-assi u l-pożizzjonijiet miżmumin għall-kont ta’ membru tal-ikklerjar wieħed mill-assi u l-pożizzjonijiet miżmumin għall-kont ta’ kwalunkwe membru tal-ikklerjar ieħor mill-assi tagħha stess.

2.  Kontroparti ċentrali għandha toffri li żżomm rekords u kontijiet separati li jippermettu lil kull membru tal-ikklerjar jiddistingwi f’kontijiet mal-kontroparti ċentrali, l-assi u l-pożizzjonijiet ta’ dak il-membru tal-ikklerjar minn dawk miżmumin għall-kontijiet tal-klijenti tagħha (“segregazzjoni tal-klijenti omnibus”).

3.  Kontroparti ċentrali għandha toffri li żżomm rekords u kontijiet separati li jippermettu lil kull membru tal-ikklerjar jiddistingwi fil-kontijiet mal-kontroparti ċentrali l-assi u l-pożizzjonijiet miżmumin għall-kont ta’ klijent minn dawk miżmumin għall-kont ta’ klijenti oħrajn (“segregazzjoni tal-klijenti individwali”). Fuq talba, il-kontroparti ċentrali għandha toffri lill-membri tal-ikklerjar il-possibilità li jiftħu iktar kontijiet f’isimhom jew għall-kont tal-klijenti tagħhom.

4.  Membru tal-ikklerjar għandu jżomm rekords u kontijiet separati li jippermettulu jiddistingwi, sew fil-kontijiet miżmuma mal-kontroparti ċentrali, kif ukoll fil-kontijiet tiegħu stess, bejn l-assi u l-pożizzjonijiet tiegħu u l-assi u l-pożizzjonijiet miżmuma għall-kont tal-klijenti tiegħu fil-kontroparti ċentrali.

5.  Membru tal-ikklerjar għandu joffri lill-klijenti tiegħu, tal-inqas, l-għażla bejn “segregazzjoni tal-klijenti omnibus” u “segregazzjoni tal-klijenti individwali”, u jinfurmahom bl-ispejjeż u l-livell ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafu 7 assoċjati ma’ kull għażla. Il-klijent għandu jikkonferma l-għażla tiegħu bil-miktub.

6.  Meta klijent jagħżel segregazzjoni tal-klijenti individwali, kwalunkwe marġini li jeċċedi r-rekwiżit tal-klijent għandu jintbagħat ukoll fil-kontroparti ċentrali u jkun distint minn marġnijiet ta’ klijenti jew membri tal-ikklerjar oħra u m’għandux ikun espost għal telf konness ma’ pożizzjonijiet irreġistrati f’kont ieħor.

7.  Il-kontropartijiet ċentrali u l-membri tal-ikklerjar għandhom pubblikament jiddivulgaw il-livelli tal-protezzjoni u l-ispejjeż assoċjati mal-livelli differenti ta’ segregazzjoni li jipprovdu, u għandhom joffru dawn is-servizzi b’kundizzjonijiet kummerċjali raġonevoli. Id-dettalji tal-livelli differenti ta’ segregazzjoni għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-implikazzjonijiet ewlenin fil-liġi tal-livelli rispettivi ta’ segregazzjoni offruti, inkluż tagħrif dwar il-liġi dwar l-insolvenza applikabbli fil-ġurisdizzjonijiet rilevanti.

8.  Kontroparti ċentrali għandu jkollha dritt għall-użu tal-marġini jew tal-kontribuzzjonijiet tal-fond tal-inadempjenza miġburin permezz ta’ arranġament ta’ kollateral finanzjarju ta’ titoli, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2002 dwar arranġamenti ta’ kollateral finanzjarju ( 16 ), sakemm l-użu ta’ tali arranġamenti jkun previst mir-regoli operattivi tiegħu. Il-membru tal-iklerjar għandu jikkonferma bil-miktub l-aċċettazzjoni tar-regoli operattivi min-naħa tiegħu. Il-kontroparti ċentrali għandha pubblikament tiżvela dak id-dritt għall-użu, li għandu jkun eżerċitat skont l-Artikolu 47.

9.  Ir-rekwiżit li ssir distinzjoni bejn l-assi u l-pożizzjonijiet mal-kontroparti ċentrali fil-kontijiet huwa ssodisfat fejn:

(a) l-assi u l-pożizzjonijiet huma rreġistrati f’kontijiet separati;

(b) l-allokazzjoni ta’ pożizzjonijiet irreġistrati f’kontijiet differenti hija mwaqqfa milli sseħħ;

(c) l-assi li jkopru l-pożizzjonijiet irreġistrati f’kont ma jkunux esposti għal telf marbut mal-pożizzjonijiet irreġistrati f’kont ieħor.

10.  L-assi jirreferu għal kollateral miżmum biex ikopri l-pożizzjonijiet u jinkludu d-dritt għal trasferiment tal-assi ekwivalenti għal dak il-kollateral jew il-qligħ li jiġi minn kwalunkwe kollateral, iżda ma jinkludux kontribuzzjonijiet tal-fond tal-inadempjenza.

▼M11

11.  Il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri dwar l-insolvenza ma għandhomx iwaqqfu lil CCP milli taġixxi skont l-Artikolu 48(5), (6) u (7) fir-rigward tal-assi u l-pożizzjonijiet irreġistrati fil-kontijiet kif imsemmi fil-paragrafi 2 sa 5 ta' dan l-Artikolu.

▼B



KAPITOLU 3

Rekwiżiti prudenzjali

Artikolu 40

Immaniġjar tal-iskoperturi

Kontroparti ċentrali għandha tkejjel u tivvaluta l-likwidità tagħha u l-iskoperturi tal-kreditu tagħha għal kull membru tal-ikklerjar u, fejn rilevanti, għal kontroparti ċentrali oħra li magħha tkun ikkonkludiet arranġament interoperabbli, fuq bażi ta’ kważi ħin reali. Kontroparti ċentrali għandu jkollha aċċess fil-ħin u fuq bażi mhux diskriminatorja għas-sorsi tal-ipprezzar rilevanti sabiex tkun tista’ tkejjel l-iskoperturi tagħha b’mod effettiv. Dan għandu jsir fuq bażi raġonevoli ta’ kost.

Artikolu 41

Rekwiżiti tal-marġini

1.  Kontroparti ċentrali għandha timponi, tixtri u tiġbor marġini sabiex tillimita l-iskopertura tal-kreditu tagħha mill-membri tal-ikklerjar tagħha, u fejn rilevanti, minn kontropartijiet ċentrali li magħhom ikollha arranġamenti ta’ interoperabilità. Dawn il-marġini għandhom ikunu biżżejjed biex ikopru l-iskoperturi potenzjali li l-kontroparti ċentrali tistma li ser iseħħu sal-likwidazzjoni tal-pożizzjonijiet rilevanti. Huma għandhom ukoll ikunu biżżejjed biex ikopru t-telfiet li jirriżultaw minn tal-inqas 99 % tal-movimenti fl-iskoperturi fuq firxa taż-żmien xierqa u għandhom jiżguraw li kontroparti ċentrali tikkollateralizza b’mod sħiħ l-iskoperturi tagħha mal-membri tal-ikklerjar kollha tagħha, u fejn rilevanti mal-kontropartijiet ċentrali li magħhom ikollha arranġamenti ta’ interoperabilità, mill-inqas fuq bażi ta’ kuljum. Kontroparti ċentrali għandha timmonitorja regolarment u, jekk ikun meħtieġ, tirrivedi l-livell tal-marġni tagħha biex tirrifletti l-kundizzjonijiet tas-suq filwaqt li tqis kwalunkwe effetti potenzjalment proċikliċi ta’ tali reviżjonijiet.

2.  Kontroparti ċentrali għandha tadotta mudelli u parametri fid-determinazzjoni tar-rekwiżiti tal-marġini tagħha li jaqbdu l-karatteristiċi tar-riskju tal-prodotti klerjati u li jikkunsidraw l-intervall bejn il-ġbir tal-marġini, il-likwidità tas-suq u l-possibilità ta’ bidliet tul id-durata tat-transazzjoni. Il-mudelli u l-parametri għandhom ikunu vvalidati mill-awtorità kompetenti u soġġetti għal opinjoni f’konformità mal-Artikolu 19.

3.  Kontroparti ċentrali għandha ssejjaħ u tiġbor il-marġini fuq bażi ta’ kuljum, tal-inqas meta jinqabżu l-livelli limitu predefiniti.

4.  Kontroparti ċentrali għandha ssejjaħ u tiġbor il-marġini li jkunu adegwati sabiex ikopru r-riskju li jkun ġej mill-pożizzjonijiet reġistrati f’kull kont miżmum f’konformità mal-Artikolu 39 fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji speċifiċi. Kontroparti ċentrali tista’ tikkalkula l-marġni fir-rigward ta’ portafoll ta’ strumenti finanzjarji sakemm il-metodoloġija li tintuża tkun prudenti u soda.

5.  Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha, wara li tikkonsulta l-ABE u s-SEBĊ, tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-perċentwal adatt u l-firxiet taż-żmien għall-perjodu tal-likwidazzjoni u l-kalkolu tal-volatilità storika, kif imsemmi fil-paragrafu 1, li għandhom jitqiesu għall-klassijiet differenti ta’ strumenti finanzjarji, filwaqt li jitqies l-objettiv tal-limitazzjoni tal-proċikliċità, u l-kundizzjonijiet li bihom il-prattika ta’ stabbiliment tal-marġni tal-portafolli msemmija fil-paragrafu 4 tkun tista’ tiġi mplimentata.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 42

Fond tal-inadempjenza

1.  Biex tillimita aktar l-espożizzjoni tagħha tal-kreditu għall-membri tal-ikklerjar, kontroparti ċentrali għandha żżomm fond ta’ inadempjenza ffinanzjat minn qabel biex ikopri telf li jeċċedi t-telf li għandu jkun kopert b’rekwiżiti ta’ marġini stipulati fl-Artikolu 41, riżultanti mill-inadempjenza, inkluż il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza ta’ membru tal-ikklerjar wieħed jew iżjed.

Il-kontroparti ċentrali għandha tistabbilixxi ammont minimu li d-daqs tal-fond tal-inadempjenza m’għandu fl-ebda ċirkostanzi jinżel taħtu.

2.  Kontroparti ċentrali għandha tistabbilixxi d-daqs minimu tal-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza u l-kriterji għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tal-membri tal-ikklerjar singoli. Il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu proporzjonali għall-iskoperturi ta’ kull membru tal-ikklerjar.

3.  Il-fond tal-inadempjenza għandu għall-inqas jippermetti lill-kontroparti ċentrali tirreżisti, taħt kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli, l-inadempjenza tal-membru tal-ikklerjar li għalih għandha l-akbar skoperturi, jew tat-tieni jew it-tielet l-akbar membri tal-ikklerjar, jekk is-somma tal-iskoperturi tagħhom tkun akbar. Kontroparti ċentrali għandha tiżviluppa xenarji ta’ kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli. Ix-xenarji għandhom jinkludi l-aktar perjodi volatili li jkunu ġew esperjenzati mis-swieq li l-kontroparti ċentrali tkun tathom is-servizzi tagħha u firxa ta’ xenarji futuri potenzjali. Għandhom iqisu l-bejgħ għall-għarrieda ta’ riżorsi finanzjarji u tnaqqis rapidu fil-likwidità tas-suq.

4.  Kontroparti ċentrali tista’ tistabilixxi aktar minn fond tal-inadempjenza wieħed għall-klassijiet ta’ strumenti finanzjarji differenti li tikklerja.

5.  Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-SEBĊ u wara li tikkonsulta l-ABE, tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-qafas għad-definizzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli msemmija fil-paragrafu 3, li għandhom jintużaw meta jiġi definit id-daqs tal-fond tal-inadempjenza u r-riżorsi finanzjarji oħrajn imsemmija fl-Artikolu 43.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 43

Riżorsi finanzjarji oħrajn

1.  Kontroparti ċentrali għandha żżomm biżżejjed riżorsi finanzjarji ffinanzjati minn qabel biex tkopri t-telf potenzjali li jeċċedi t-telf li għandu jiġi kopert mir-rekwiżiti tal-marġini stipulati fl-Artikolu 41 u l-fond tal-inadempjenza kif imsemmi fl-Artikolu 42. Tali riżorsi finanzjarji ffinanzjati minn qabel għandhom jinkludu riżorsi dedikati tal-kontroparti ċentrali, għandhom ikunu liberament disponibbli għal-kontroparti ċentrali u m’għandhomx jintużaw biex jintlaħaq il-kapital meħtieġ skont l-Artikolu 16.

2.  Il-fond tal-inadempjenza msemmi fl-Artikolu 42 u r-riżorsi finanzjarji l-oħrajn imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom f’kull ħin jippermettu lill-kontroparti ċentrali tirreżisti l-inadempjenza ta’ mill-inqas iż-żewġ membri tal-ikklerjar li għalihom għandha l-akbar skoperturi taħt kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli.

3.  Kontroparti ċentrali tista’ titlob lill-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti biex jipprovdu fondi addizzjonali f’każ ta’ inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar ieħor. Il-membri tal-ikklerjar ta’ kontroparti ċentrali għandu jkollhom skoperturi limitati lejn il-kontroparti ċentrali.

Artikolu 44

Kontrolli tar-riskju tal-likwidità

1.  F’kull ħin il-kontroparti ċentrali għandu jkollha aċċess għal likwidità adegwata biex twettaq is-servizzi u l-attivitajiet tagħha. Għal dak l-għan, hija għandha tikseb il-linji tal-kreditu meħtieġa jew arranġamenti simili sabiex tkopri l-bżonnijiet ta’ likwidità tagħha f’każ li r-riżorsi finanzjarji għad-dispożizzjoni tagħha ma jkunux disponibbli minnufih. Membru tal-ikklerjar, impriża prinċipali jew kumpanija sussidjarja ta’ dak il-membru tal-ikklerjar flimkien ma għandhomx jipprovdu iżjed minn 25 % tal-linji tal-kreditu meħtieġa mi.

Il-kontroparti ċentrali għandha, ta’ kuljum, tkejjel il-bżonnijiet potenzjali ta’ likwidità tagħha. Hija għandha tqis ir-riskju tal-likwidità ġġenerat mill-inadempjenza ta’ mill-inqas iż-żewġ membri tal-ikklerjar li għalihom għandha l-akbar skoperturi.

2.  Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha, wara li tikkonsulta mal-awtoritajiet rilevanti u mal-membri tas-SEBĊ, tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-qafas għall-immaniġġjar tar-riskju tal-likwidità li l-kontropartijiet ċentrali għandhom jirreżistu skont il-paragrafu 1.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont it-termini tal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 45

Kaskata tal-inadempjenza

1.  Kontroparti ċentrali għandha tuża l-marġini li jiddaħħlu minn membru tal-ikklerjar inadempjenti qabel riżorsi finanzjarji oħra biex jiġi kopert it-telf.

2.  Meta l-marġini li jiddaħħlu mill-membru tal-ikklerjar inadempjenti ma jkunux biżżejjed biex ikopru t-telf imġarrab mill-kontroparti ċentrali, il-kontroparti ċentrali għandha tuża l-kontribuzzjoni tal-fond tal-inadempjenza tal-membru inadempjenti biex tkopri dan it-telf.

3.  Kontroparti ċentrali għandha tuża l-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza tal-membri tal-ikklerjar li mhumiex inadempjenti u kwalunkwe riżorsi finanzjarji oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 43(1) biss wara li tkun eżawriet il-kontribuzzjonijiet għall-membru tal-ikklerjar inadempjenti.

4.  Kontroparti ċentrali għandha tuża riżorsi proprji ddedikati qabel ma tuża l-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza ta’ membri tal-ikklerjar li mhumiex inadempjenti. Kontroparti ċentrali ma għandhiex tuża l-marġini li ddaħħlu minn membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti biex tkopri t-telf riżultanti mill-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar ieħor.

5.  Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha, wara li tikkonsulta mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti u mal-membri tas-SEBĊ, tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija għall-kalkolu u ż-żamma tal-ammont ta’ riżorsi proprji tal-kontroparti ċentrali li għandha tintuża skont il-paragrafu 4.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012.

Il-Kummissjoni hija ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 46

Rekwiżiti tal-kollateral

1.  Kontroparti ċentrali għandha taċċetta kollateral likwidu ħafna b’riskju minimu ta’ kreditu u tas-suq sabiex tkopri l-iskopertura inizjali u kontinwa tagħha għall-membri tal-ikklerjar tagħha. Għall-kontropartijiet mhux finanzjarji, kontroparti ċentrali tista’ taċċetta garanziji bankarji, u tieħu kont ta’ tali garanziji waqt li tikkalkola l-iskopertura tagħha għal bank li hu membru tal-ikklerjar. Hija għandha tapplika tnaqqisiet imposti (haircuts) xierqa għal valuri tal-assi li jirriflettu l-potenzjal għall-valur tagħhom li jonqos fl-intervall bejn l-aħħar rivalutazzjoni tagħhom u ż-żmien li sa fih jistgħu raġonevolment jiġu preżunti li ġew likwidati. Għandha tikkunsidra r-riskju tal-likwidità wara l-inadempjenza ta’ parteċipant fis-suq u r-riskju tal-konċentrazzjoni fuq ċertu assi li jista’ jirriżulta fit-twaqqif tal-kollateral aċċettabbli u t-tnaqqisiet imposti rilevanti.

2.  Kontroparti ċentrali tista’ taċċetta, meta dan ikun xieraq u prudenti biżżejjed, dak li fuqu hu bbażat il-kuntratt tad-derivati jew l-istrument finanzjarju li joriġina mill-iskopertura tal-kontroparti ċentrali bħala kollateral sabiex tkopri r-rekwiżiti tal-marġini tagħha.

3.  Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha, wara li tikkonsulta mal-ABE, mal-BERS u mas-SEBĊ, tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a) it-tip ta’ kollateral li jista’ jitqies bħala likwidu ħafna, bħall-flus kontanti, id-deheb, il-bonds tal-gvern u oħrajn korporattivi ta’ kwalità għolja u bonds koperti,

(b) t-tnaqqis impost imsemmi fil-paragrafu 1, u

(c) il-kundizzjonijiet li skonthom garanziji tal-banek kummerċjali jistgħu jiġu aċċettati bħala kollateral taħt il-paragrafu 1.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012.

Il-Kummissjoni hija ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 47

Politika tal-investiment

1.  Kontroparti ċentrali għandha tinvesti r-riżorsi finanzjarji tagħha biss fi flus kontanti jew fi strumenti finanzjarji likwidi ħafna biss b’riskju minimu tas-suq u ta’ kreditu. L-investimenti ta’ kontroparti ċentrali għandhom ikunu kapaċi li jkunu likwidati b’mod rapidu b’effett avvers minimu fuq il-prezz.

2.  L-ammont ta’ kapital, inkluż il-qligħ miżmum u r-riżervi ta’ kontroparti ċentrali li ma jkunux investiti skont il-paragrafu 1, m’għandhomx jitqiesu għall-finijiet tal-Artikolu 16(2) jew l-Artikolu 45(4).

3.  L-istrumenti finanzjarji skjerati bħala marġini jew bħala kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza għandhom, fejn disponibbli, ikunu depożitati ma’ operaturi ta’ sistemi ta’ saldu ta’ titoli li jiżguraw il-protezzjoni sħiħa ta’ dawk l-istrumenti finanzjarji. Jew inkella jistgħu jintużaw arranġamenti oħra sikuri ħafna ma’ istituzzjonijiet finanzjarji awtorizzati.

4.  Id-depożiti ta’ flus kontanti ta’ kontroparti ċentrali għandhom jitwettqu permezz ta’ arranġamenti sikuri ħafna ma’ istituzzjonijiet finanzjarji awtorizzati jew inkella permezz tal-użu tal-faċilitajiet permanenti ta’ depożiti tal-banek ċentrali jew mezzi kumparabbli oħrajn provduti mill-banek ċentrali.

5.  Fejn kontroparti ċentrali tiddepożita assi ma’ terz, hija għandha tiżgura li l-assi li jappartjenu lill-membri tal-ikklerjar ikunu identifikabbli b’mod separat mill-assi li jappartjenu lill-kontroparti ċentrali u mill-assi li jappartjenu lil dak it-terz permezz ta’ kontijiet b’titoli differenti fil-kotba tat-terz jew kwalunkwe miżuri ekwivalenti oħrajn li jilħqu l-istess livell ta’ protezzjoni. Kontroparti ċentrali għandu jkollha aċċess minnufih għall-istrumenti finanzjarji meta dan ikun meħtieġ.

6.  Kontroparti ċentrali m’għandhiex tinvesti l-kapital tagħha jew is-somom riżultanti mir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 41, 42, 43 jew 44 fit-titoli tagħha stess jew dawk tal-impriża prinċipali jew is-sussidjarja tagħha.

7.  Kontroparti ċentrali għandha tikkunsidra l-iskoperturi tar-riskju tal-kreditu globali tagħha għal individwi b’obbligazzjoni meta tagħmel id-deċiżjonijiet tal-investiment tagħha u għandha tiżgura li l-iskoperturi tar-riskju globali tagħha għal kwalunkwe indiviwdu b’obbligazzjoni tibqa’ skont limiti ta’ konċentrazzjoni aċċettabbli.

8.  Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha, wara li tikkonsulta mal-ABE u mas-SEBĊ, tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-istrumenti finanzjarji li jistgħu jiġu kkunsidrati likwidi ħafna, bi kreditu u riskju tas-suq minimu kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-arranġamenti b’sigurtà għolja msemmija fil-paragrafi 3 u 4 u l-limiti ta’ konċentrazzjoni msemmijin fil-paragrafu 7.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 48

Proċeduri ta’ inadempjenza

1.  Kontroparti ċentrali għandu jkollha fis-seħħ proċeduri dettaljati li għandhom jiġu segwiti meta membru tal-ikklerjar ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ parteċipazzjoni tal-kontroparti ċentrali stabbiliti fl-Artikolu 37 fil-limitu taż-żmien u skont il-proċeduri stabbiliti mil-kontroparti ċentrali. Il-kontroparti ċentrali għandha tistabbilixxi fid-dettall il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f’każ li l-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar ma tkunx iddikjarata mill-kontroparti ċentrali. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu rieżaminati annwalment.

2.  Kontroparti ċentrali għandha tieħu azzjoni minnufih biex iżżomm telf u pressjonijiet ta’ likwidità li jirriżultaw minn inadempjenzi u għandha tiżgura li l-għeluq totali ta’ kwalunkwe pożizzjonijiet tal-membru tal-ikklerjar ma jfixkilx l-operazzjonijiet tagħha jew jesponi l-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti għal telf li ma jistax jiġi antiċipat jew ikkontrollat.

3.  Fejn kontroparti ċentrali tqis li l-membru tal-ikklerjar mhux se jkun kapaċi jissodisfa l-obbligi futuri tiegħu, għandha tinforma mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti qabel ma tiġi ddikjarata jew skattata l-proċedura ta’ inadempjenza. L-awtorità kompetenti għandha minnufih tikkomunika din l-informazzjoni lill-AETS, lill-membri rilevanti tas-SEBĊ u lill-awtorità responsabbli għas-superviżjoni tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti.

4.  Kontroparti ċentrali għandha tivverifika li l-proċeduri tal-inadempjenza tagħha huma infurzabbli. Għandha tieħu l-passi raġonevoli kollha biex tiżgura li jkollha s-setgħat legali biex tillikwida l-pożizzjonijiet proprjetarji tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti u biex tittrasferixxi jew tillikwida l-pożizzjonijiet tal-klijent tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti.

5.  Fejn l-assi u l-pożizzjonijiet huma rreġistrati fir-rekords u l-kontijiet ta’ kontroparti ċentrali bħala miżmumin għall-kont ta’ klijent ta’ membru tal-ikklerjar inadempjenti skont l-Artikolu 39(2), il-kontroparti ċentrali għandha, tal-inqas, tikkommetti lilha nfisha kuntrattwalment li tiskatta l-proċeduri għat-trasferiment tal-assi u l-pożizzjonijiet miżmuma mill-membru tal-ikklerjar inadempjenti għall-kontijiet tal-klijenti tagħha lil membru tal-ikklerjar ieħor magħżul minn dawk il-klijenti kollha, fuq talba tagħhom u mingħajr il-kunsens tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti. Dak il-membru tal-ikklerjar l-ieħor għandu jkun obbligat li jaċċetta dawn l-assi u l-pożizzjonijiet fil-każ biss fejn qabel ikun daħal f’relazzjoni kuntrattwali mal-klijent, li biha jkun ikkommetta lilu nnifsu li jagħmel hekk. Jekk it-trasferiment għal dak il-membru tal-ikklerjar l-ieħor ma jkunx sar għal kwalunkwe raġuni f’perjodu ta’ trasferiment predefinit speċifikat fir-regoli operattivi tagħha, il-kontroparti ċentrali tista’ tieħu l-passi kollha permessi mir-regoli tagħha biex tamministra attivament ir-riskji tagħha fir-rigward ta’ dawk il-pożizzjonijiet, inkluża l-likwidazzjoni tal-assi u l-pożizzjonijiet miżmuma mill-membru tal-ikklerjar inadempjenti għall-kont tal-klijenti tiegħu.

6.  Fejn l-assi u l-pożizzjonijiet huma rreġistrati fir-rekords u l-kontijiet ta’ kontroparti ċentrali bħala miżmumin għall-kont ta’ klijent ta’ membru tal-ikklerjar inadempjenti skont l-Artikolu 39(3), il-kontroparti ċentrali għandha, tal-anqas, tikkommetti lilha nfisha kuntrattwalment li tiskatta l-proċeduri għat-trasferiment tal-assi u l-pożizzjonijiet miżmuma mill-membru tal-ikklerjar inadempjenti għall-kont tal-klijent lil membru tal-ikklerjar ieħor magħżul mill-klijent, fuq talba tal-klijent u mingħajr il-kunsens tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti. Dak il-membru tal-ikklerjar l-ieħor għandu jkun obbligat li jaċċetta dawn l-assi u l-pożizzjonijiet fil-każ biss fejn qabel ikun daħal f’relazzjoni kuntrattwali mal-klijent, li biha jkun ikkommetta lilu nnifsu li jagħmel hekk. Jekk it-trasferiment għal dak il-membru tal-ikklerjar l-ieħor ma jkunx sar għal kwalunkwe raġuni f’perjodu ta’ trasferiment predefinit speċifikat fir-regoli operattivi tagħha, il-kontroparti ċentrali tista’ tieħu l-passi kollha permessi mir-regoli tagħha biex tamministra attivament ir-riskji tagħha fir-rigward ta’ dawk il-pożizzjonijiet, inkluża l-likwidazzjoni tal-assi u l-pożizzjonijiet miżmuma mill-membru tal-ikklerjar inadempjenti għall-kont tal-klijent.

7.  Il-kollateral tal-klijenti li jkun distint skont l-Artikolu 39(2) u (3) għandu jintuża esklużivament biex ikopri il-pożizzjonijiet miżmumin għall-kont tagħhom. Kwalunkwe bilanċ dovut mill-kontroparti ċentrali wara l-ikkompletar tal-proċess ta’ mmaniġġjar tal-inadempjenza tal-membru tal-ikklerjar mill-kontroparti ċentrali għandu jingħata lura fil-pront lil dawk il-klijenti meta jkunu magħrufa lill-kontroparti ċentrali jew, jekk ma jkunux, lill-membru tal-ikklerjar għall-kont tal-klijenti tagħha.

Artikolu 49

Rieżami ta’ mudelli, ittestjar tal-istress u ttestjar retrospettiv

1.  Kontroparti ċentrali għandha regolarment teżamina l-mudelli u l-parametri adottati biex jiġu kkalkolati r-rekwiżiti tal-marġini tagħha, il-kontribuzzjonijiet tal-fond inadempjenti, ir-rekwiżiti tal-kollateral u mekkaniżmi oħra tal-kontroll tar-riskju. Għandha tissoġġetta l-mudelli għal testijiet tal-istress rigorużi u frekwenti biex tivvaluta r-reżiljenza tagħhom f’kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawżibbli u għandha twettaq ittestjar retrospettiv biex tivvaluta l-affidabilità tal-metodoloġija adottata. Il-kontroparti ċentrali għandha tikseb validazzjoni indipendenti u għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tagħha u lill-AETS bir-riżultati tat-testijiet imwettqa u għandha tikseb il-validazzjoni tagħhom qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe bidla sinifikattiva fil-mudelli u l-parametri.

Il-mudelli u l-parametri adottati, inkluża kwalunkwe bidla sinifikanti għalihom, għandhom ikunu soġġetti għal opinjoni tal-kulleġġ skont l-Artikolu 19.

L-AETS għandha tiżgura li l-informazzjoni dwar ir-riżultati tat-testijiet tal-istress tiġi mgħoddija lill-ESAs sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw l-esponiment tal-impriżi finanzjarji għall-inadempjenza tal-kontropartijiet ċentrali.

2.  Kontroparti ċentrali għandha regolarment tittestja l-aspetti ewlenin tal-proċeduri tal-inadempjenza tagħha u għandha tieħu l-passi raġonevoli kollha biex tiżgura li l-membri tal-ikklerjar kollha jifhmuhom u jkollhom arranġamenti xierqa fis-seħħ sabiex jirrispondu għal avveniment ta’ inadempjenza.

3.  Kontroparti ċentrali għandha pubblikament tiżvela l-informazzjoni ewlenija fuq il-mudell tal-immaniġġjar tar-riskji tagħha u l-preżunzjonijiet adottati għat-twettiq tat-testijiet tal-istress imsemmija fil-paragrafu 1.

4.  Biex tkun żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha, wara li tikkonsulta mal-ABE, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti l-oħra u l-membri tas-SEBĊ, tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a) it-tip ta’ testijiet li għandhom jitwettqu għal klassijiet differenti ta’ strumenti finanzjarji u portafolji;

(b) l-involviment tal-membri tal-ikklerjar jew partijiet oħra fit-testijiet;

(c) il-frekwenza tat-testijiet;

(d) il-firxa taż-żmien tat-testijiet;

(e) l-informazzjoni prinċipali msemmija fil-paragrafu 3.

L-AETS għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2012.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 50

Saldu

1.  Kontroparti ċentrali għandha, meta prattikabbli u disponibbli, tuża flus tal-bank ċentrali biex issalda t-transazzjonijiet tagħha. Meta l-flus tal-bank ċentrali ma jintużawx, għandhom jittieħdu passi biex b’mod strett jiġu llimitati r-riskji tal-ħlas bi flus kontanti.

2.  Kontroparti ċentrali għandha tiddikjara b’mod ċar l-obbligi tagħha fir-rigward tal-kunsenji ta’ strumenti finanzjarji, inklużi jekk ikollhiex obbligu li tagħmel jew tirċievi kunsenja ta’ strument finanzjarju jew li tindennizza l-parteċipanti għal telf imġarrab fil-proċess tal-kunsenja.

3.  Meta Kontroparti ċentrali jkollha obbligu li tagħmel jew tirċievi kunsenji ta’ strumenti finanzjarji, għandha telimina r-riskju prinċipali permezz tal-użu ta’ mekkaniżmi ta’ kunsenja kontra ħlas sal-limitu possibbli.

▼M1



KAPITOLU 4

Kalkoli u rappurtar għall-finijiet tar-Regolament (EU) No 575/2013

Artikolu 50a

Kalkolu tal-KCCP

▼C1

1.  Għall-finijiet tal-Artikolu 308 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Ġunju 2013 dwar rekwiżiti prudenzjali għal istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment ( 17 ), CCP għandha tikkalkula l-KCCP kif speċifikat fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għal kull kuntratt u transazzjoni li jikklerja għall-membri tal-ikklerjar tiegħu kollha li jaqgħu fil-kopertura tal-fond ta' inadempjenza partikolari.

▼M1

2.  CCP għandha tikkalkula l-kapital ipotetiku (KCCP) kif ġej:

image

fejn:

EBRMi

=

il-valur tal-iskopertura qabel il-mitigazzjoni tar-riskju li huwa daqs il-valur tal-iskopertura tas-CCP għall-membru tal-ikklerjar i li jirriżulta mill-kuntratti u t-transazzjonijiet kollha ma' dak il-membru tal-ikklerjar, ikkalkulat mingħajr ma jiġi kkunsidrat il-kollateral depożitat minn dak il-membru tal-ikklerjar;

IMi

=

il-marġini inizjali depożitat mas-CCP mill-membru tal-ikklerjar i;

DFi

=

il-kontribuzzjoni prefinanzjata tal-membru tal-ikklerjar i;

RW

=

piż tar-riskju ta’ 20 %;

proporzjon tal-kapital

=

8 %.

▼C1

Il-valuri kollha fil-formula fl-ewwel subparagrafu jirreferu għall-valutazzjoni fi tmiem tal-jum preċedenti ta' dak li fih il-marġni mitlub fuq il-marġni finali ta' tali jum jiġi skambjat.

▼M1

3.  CCP għandha twettaq il-kalkolu meħtieġ mill-paragrafu 2 mill-inqas tal-inqas fuq bażi trimestrali jew aktar spiss fejn obbligata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk il-membri tal-ikklerjar tagħha li huma istituzzjonijiet.

4.  L-EBA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi implimentattivi biex jiġi speċifikat dan li ġej għall-fini tal-paragrafu 3:

(a) il-frekwenza u d-dati tal-kalkolu speċifikat fil-paragrafu 2;

(b) is-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità kompetenti ta' istituzzjoni li taġixxi bħala membru tal-ikklerjar tista’ tirrikjedi kalkoli u rappurtar aktar frekwenti minn dawk imsemmija fil-punt (a).

L-EBA għandha tissottometti dan l-abbozz ta’ standards tekniċi implimentattivi lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2014.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex tadotta l-istandards tekniċi implimentattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Artikolu 50b

Regoli ġenerali għall-kalkolu tal-KCCP

Għall-finijiet tal-kalkolu stipulat fl-Artikolu 50a(2), għandhom japplikaw dawn li ġejjin:

(a) CCP għandha tikkalkula l-valur tal-iskoperturi li għandha lejn il-membri tal-ikklerjar tagħha kif ġej:

▼C1

(i) għal skoperturi li jirriżultaw minn kuntratti u transazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 301(1) (a) u (d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 hija għandha tikkalkulhom f'konformità mal-metodu ta' ppeżar skont il-valur fis-suq stipulat fl-Artikolu 274 tiegħu;

▼M1

(ii) għal skoperturi li jirriżultaw minn kuntratti u transazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 301 (1)(b), (c) u (e) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandha tikkalkulahom skont il-Metodu Komprensiv tal-Kollateral Finanzjarju speċifikat fl-Artikolu 223 ta' dak ir-Regolament b'aġġustamenti superviżorji għall-volatilità, speċifikat fl-Artikoli 223 u 224 ta' dak ir-Regolament. L-eċċezzjoni stipulata fil-punt (a) tal-Artikolu 285(3) ma għandhiex tapplika;

(iii) għal skoperturi li jirriżultaw minn transazzjonijiet li mhumiex elenkati fl-Aritkolu 301(1) tar-Regolament (EU) No 575/2013 u li jinvolvi riskju tas-saldu biss għandha tikkalkulahom skont il-Parti Tlieta, Titolu V ta' dak ir-Regolament;

(b) għal istituzzjonijiet li jaqgħu taħt l-ambitu tar-Regolament (EU) No 575/2013 is-settijiet ta' netting huma l-istess bħal dak definiti fil-Parti Tlieta, Titolu II ta' dak ir-Regolament;

(c) fil-kalkolu tal-valuri msemmijin fil-punt (a), is-CCP għandha tnaqqas mill-iskoperturi tagħha l-kollateral depożitat mill-membri tal-ikklerjar tagħha, imnaqqas kif xieraq mill-aġġustamenti superviżorji għall-volatilità b’konformità mal-Metodu Komprensiv tal-Kollateral Finanzjarju speċifikat fl-Artikolu 224 tar-Regolament (EU) No 575/2013;

▼C1

▼M1

(e) fejn CCP għandha skoperturi għal CCP waħda jew aktar, għandha tittratta tali skoperturi daqs li kieku kienu skoperturi għall-membri tal-ikklerjar u tinkludi kull marġni jew kontribuzzjoni prefinanzjata rċevuta minn għand dawk is-CCPs fil-kalkolu tal-KCCP;

(f) fejn CCP għandha arranġament kuntrattwali vinkolanti mal-membri tal-ikklerjar tagħha li jippermettilha tuża l-marġni inizzjali kollu jew parti minnu mill-membri tal-ikklerjar tagħha daqs li kieku kienu kontribuzzjonijiet prefinanzjati, is-CCP għandha tikkunsidra dak il-marġni inizjali bħala kontribuzzjonijiet prefinanzjati għall-finijiet tal-kalkolu fil-paragrafu 1 u mhux bħala marġni inizjali;

▼C1

▼M1

(h) fl-applikazzjoni tal-Metodu skont il-valwazzjoni fis-suq kif imsemmi fl-Artikolu 274 tar-Regolament (EU) No 575/2013, CCP għandha tissostittwixxi l-formula fil-punt (c)(ii) tal-Artikolu 298(1) ta' dak ir-Regolament b'dan li ġej:

image

fejn in-numeratur tal-NGR jiġi kkalkulat skont l-Artikolu 274(1) ta' dak ir-Regolament u eżatt qabel ma jiġu effettivament skambjati l-marġni ta' varjazzjoni fit-tmiem tal-perijodu tas-saldu, u d-denominatur ikun l-ispiża grossa tas-sostituzzjoni

(i) fejn CCP ma tistax tikkalkula l-valur tal-NGR kif stipulat fil-punt (c)(ii) tal-Artikolu 298(1) tar-Regolament (EU) No 575/2013, għandha:

(i) tinnotifika lil dawk li huma l-istituzzjonijiet fost il-membri ta’ kklerjar tagħha u lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom dwar in-naqqas ta' kapaċità tagħha li tikkalkula l-NGR u r-raġunijiet għax ma tistax twettaq il-kalkolu;

▼C1

(ii) għal perijodu ta' tliet xhur, tista' tuża valur tal-NGR ta' 0,3 biex tagħmel il-kalkolu tal-PCE red speċifikat fil-punt (h) ta' dan l-Artikolu;

▼M1

(j) fejn, fi tmiem il-perijodu speċifikat fil-punt (ii) tal-punt (i), is-CCP tibqa’ ma tistax tikkalkula l-valur tal-NGR, għandha tagħmel dan li ġej:

(i) tieqaf tikkalkula l- KCCP;

(ii) tinnotifika lil dawk li huma l-istituzzjonijiet fost il-membri ta’ kklerjar tagħha u lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom li waqfet tikkalkula l- KCCP;

(k) għall-finijiet ta’ kalkolu tal-iskopertura futura potenzjali għal opzjonijiet u swaptions skont il-Metodu skont il-valwazzjoni fis-suq speċifikat fl-Artikolu 274 tar-Regolament (EU) No 575/2013, CCP għandha timmultiplika l-ammont nozzjonali tal-kuntratt bil-valur assolut tad-delta tal-opzjoni
image kif stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu 280(1) ta' dak ir-Regolament;

(l) fejn CCP ikollha aktar minn fond ta' inadempjenza wieħed, għandha twettaq il-kalkolu stipulat fl-Artikolu 50a(2) għal kull fond ta' inadempjenza separatament.

Artikolu 50c

Rappurtar tal-informazzjoni

1.  Għall-finijiet tal-Artikolu 308 tar-Regolament (EU) No 575/2013, CCP għandha tirrapporta l-informazzjoni li ġejja lil dawk li huma l-istituzzjonijiet fost il-membri ta’ kklerjar tagħha u lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom:

(a) il-kapital ipotetiku (KCCP);

(b) is-somma tal-kontribuzzjonijiet prefinanzjati (DFCM);

(c) l-ammont tar-riżorsi finanzjarji prefinanzjati li hija obbligata li tuża – bil-liġi jew minħabba ftehim kuntrattwali mal-membri tal-ikklerjar tagħha – sabiex tkopri t-telf tagħha wara l-inadempjenza ta’ membru jew membri tal-ikklerjar tagħha qabel ma tuża l-kontribuzzjonijiet tal-fond ta' garanzija f'każ ta' inadempjenza tal-membri tal-ikklerjar li jifdal (DFCCP);

(d) in-numru totali ta’ membri tal-ikklerjar tagħha (N);

▼C1

(e) il-fattur ta' konċentrazzjoni (β), kif stipulat fl-Artikolu 50d.

▼M1

Fejn is-CCP ikollha aktar minn fond ta' inadempjenza wieħed, għandha tirrapporta l-informazzjoni fl-ewwel subparagrafu għal kull fond ta' inadempjenza separatament.

2.  Is-CCP għandha tinnotifika lil dawk il-membri tal-ikklerjar tagħha li huma istituzzjonijiet mill-inqas fuq bażi trimestrali jew aktar spiss fejn meħtieġ mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk il-membri tal-ikklerjar.

3.  L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi implimentattivi sabiex tispeċifika dan li ġej:

(a) il-mudell uniformi għall-finijiet tar-rappurtar speċifikat fil-paragrafu 1;

(b) il-frekwenza u d-dati tar-rappurtar speċifikati fil-paragrafu 2;

(c) is-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità kompetenti ta' istituzzjoni li taġixxi bħala membru tal-ikklerjar tista’ tirrikjedi rappurtar aktar frekwenti minn dawk imsemmija fil-punt (b).

L-EBA għandha tissottometti dan l-abbozz ta’ standards tekniċi implimentattivi lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2014.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi implimentattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Artikolu 50d

Kalkolu tal-elementi speċifiċi li għandhom jiġu rappurtati mis-CCP

Għall-finijiet tal-Artikolu 50c, għandu japplika dan li ġej:

(a) fejn ir-regoli ta' CCP jipprevedu li hija tuża parti mir-riżorsi finanzjarji tagħha jew ir-riżorsi finanzjarja tagħha kollha u b'mod parallel mal-kontribuzzjonijiet prefinanzjati tal-membri tal-ikklerjar tagħha b'mod li jagħmel dawk ir-riżorsi ekwivalenti għall-kontribuzzjonijiet prefinanzjati ta' membru tal-ikklerjar f'termini ta' kif huma jassorbu t-telf imġarrab mis-CCP fil-każ ta' inadempjenza jew insolvenza ta' wieħed jew aktar mill-membri tal-ikklerjar tagħha, is-CCP għandha żżid l-ammont korrispondenti ta' dawk ir-riżorsi mad-DFCM;

(b) fejn ir-regoli ta’ CCP jipprevedu li tuża parti mir-riżorsi finanzjarji tagħha jew jew ir-riżorsi finanzjarja tagħha kollha biex tkopri t-telf tagħha minħabba l-inadempjenza ta' membru wieħed jew aktar tal-ikklerjar tagħha wara li tkun użat għalkollox il-fond ta' garanzija f'każ ta' inadempjenza kollu tagħha, iżda qabel ma tirrikorri għall-kontribuzzjonijiet kuntrattwalment impenjati tal-membri tal-ikklerjar tagħha, is-CCP għandha żżid l-ammont korrispondenti ta’ dawk ir-riżorsi finanzjarji addizzjonali
image mal-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet prefinanzjati (DF) kif ġej:

image

.

(c) CCP għandha tikkalkula l-fattur ta’ konċentrazzjoni (β) skont il-formula li ġejja:

image

fejn:

PCEred,i

=

iċ-ċifra mnaqqsa għall-iskopertura għall-kreditu futura potenzjali għall-kuntratti u t-transazzjonijiet kollha ta’ CCP mal-membru tal-ikklerjar i;

PCEred,1

=

iċ-ċifra mnaqqsa għall-iskopertura ta’ kreditu futura potenzjali għall-kuntratti u t-transazzjonijiet kollha ta’ CCP mal- membru tal-ikklerjar li jkollu l-akbar valur ta' PCEred ;

PCEred,2

=

iċ-ċifra mnaqqsa għall-iskopertura ta’ kreditu futura potenzjali għall-kuntratti u t-transazzjonijiet kollha ta’ CCP ma’ membru tal-ikklerjar li jkollu t-tieni l-akbar valur ta' PCEred .

▼B



TITOLU V

ARRANĠAMENTI TAL-INTEROPERABBILTÀ

Artikolu 51

Arranġamenti tal-Interoperabilità

1.  Kontroparti ċentrali tista’ tidħol f’arranġament tal-interoperabbiltà ma’ kontroparti ċentrali oħra meta jkunu ntlaħqu r-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 52, 53 u 54.

2.  Meta jiġi stabbilit arranġament tal-interoperabbiltà ma’ kontroparti ċentrali oħra għall-iskop tal-provvista tas-servizzi għal post partikolari tal-kummerċ, il-kontroparti ċentrali għandu jkollha aċċess mhux diskriminatorju, kemm għad-data li tkun teħtieġ għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha minn dak il-post partikolari tal-kummerċ, sal-punt li l-kontroparti ċentrali tikkonforma mar-rekwiżiti operattivi u tekniċi stabbiliti mill-post tan-negozju u għas-sistema tas-saldu rilevanti.

3.  Id-dħul f’arranġament tal-interoperabbiltà jew l-aċċess għal għotja ta’ data jew sistema tas-saldu msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu rifjutati jew ristretti, direttament jew indirettament, biss biex jiġi kkontrollat kwalunkwe riskju li joriġina minn dak l-arranġament jew l-aċċess.

Artikolu 52

Immaniġġjar tar-riskju

1.  Kontropartijiet ċentrali li jidħlu f’arranġament tal-interoperabbiltà għandhom:

(a) ikollhom fis-seħħ politiki, proċeduri u sistemi xierqa sabiex b’mod effettiv jidentifikaw, jimmonitorjaw u jimmaniġġjaw ir-riskji li joħorġu mill-arranġament sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-obbligi tagħhom fil-ħin;

(b) jaqblu fuq id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom, inkluż il-liġi applikabbli li tirregola r-relazzjonijiet tagħhom;

(c) jidentifikaw, jimmonitorjaw u b’mod effettiv jimmaniġġjaw riskji ta’ kreditu u ta’ likwidità sabiex l-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar ta’ kontroparti ċentrali waħda ma taffettwax kontroparti ċentrali interoperabbli;

(d) jidentifikaw, jimmonitorjaw u jindirizzaw interdipendenzi u korrelazzjonijiet potenzjali li joħorġu minn arranġament tal-interoperabbiltà li jista’ jaffetwa r-riskji tal-kreditu u tal-likwidità relatati ma’ konċentrazzjonijiet ta’ membru tal-ikklerjar, u riżorsi finanzjarji miġbura flimkien.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, il-kontropartijiet ċentrali għandhom jużaw l-istess regoli li jikkonċernaw il-mument tad-dħul tal-ordnijiet tat-trasferiment fis-sistemi rispettivi tagħhom u l-mument tal-irrevokabilità, kif stabbilit fid-Direttiva 98/26/KE, fejn rilevanti.

Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, it-termini tal-arranġament għandhom jiddeskrivu l-proċess għall-immaniġġjar tal-konsegwenzi tal-inadempjenza meta waħda mill-kontropartijiet ċentrali li magħha jkun ġie konkluż arranġament tal-interoperabbiltà tkun inadempjenti.

Għall-finijiet tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, il-kontropartijiet ċentrali għandu jkollhom kontrolli sodi dwar l-użu mill-ġdid tal-kollateral tal-membri tal-ikklerjar taħt l-arranġament, jekk permessi mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom. L-arranġament għandu jiddeskrivi kif dawn ir-riskji ġew indirizzati filwaqt li jikkunsidra kopertura suffiċjenti u l-bżonn li jiġi llimitat it-tniġġis.

2.  Meta l-mudelli tal-immaniġġjar tar-riskji użati mill-kontropartijiet ċentrali biex ikopru l-iskopertura tagħhom għall-membri tal-ikklerjar tagħhom jew l-iskoperturi reċiproċi tagħhom ikunu differenti, il-kontropartijiet ċentrali għandhom jidentifikaw dawk id-differenzi, jivvalutaw ir-riskji li jistgħu joħorġu minnhom u jieħdu l-miżuri, inklużi li jiġu żgurati riżorsi finanzjarji addizzjonali, li jistgħu jillimitaw l-impatt tagħhom fuq l-arranaġament tal-interoperabbiltà kif ukoll il-konsegwenzi potenzjali tagħhom f’termini ta’ riskji ta’ tniġġis u li jiżguraw li dawn id-differenzi ma jaffetwawx l-abilità ta’ kull kontroparti ċentrali biex timmaniġġja l-konsegwenzi tal-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar.

3.  Kwalunkwe spejjeż assoċjati li jirriżultaw mill-paragrafi 1 u 2 għandhom jitħallsu mill-kontroparti ċentrali li titlob l-interoperabbiltà jew l-aċċess, sakemm il-partijiet ma jaqblux mod ieħor.

Artikolu 53

Għoti ta’ marġnijiet bejn il-kontropartijiet ċentrali

1.  Kontroparti ċentrali għandha tiddistingwi fil-kontijiet l-assi u l-pożizzjonijiet miżmumin għall-kont tal-kontropartijiet ċentrali li tkun daħlet magħhom f’arranġament tal-interoperabbiltà.

2.  Jekk kontroparti ċentrali li tidħol f’arranġament tal-interoperabbiltà ma’ kontroparti ċentrali oħra tipprovdi biss marġnijiet inizjali lil dik il-kontroparti ċentrali taħt arranġament ta’ kollateral finanzjarju ta’ titoli, il-kontroparti ċentrali riċeventi m’għandu jkollha l-ebda dritt tal-użu ‘l fuq mill-marġnijiet ipprovduti mil-kontroparti ċentrali l-oħra.

3.  Il-kollateral riċevut fil-forma ta’ strumenti finanzjarji għandu jkun iddepożitat ma’ operaturi tas-sistemi ta’ saldu tat-titoli notifikati skont id-Direttiva 98/26/KE.

4.  L-assi msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-kontroparti ċentrali riċeventi biss f’każ ta’ inadempjenza tal-kontroparti ċentrali li tkun ipprovdiet il-kollateral fil-kuntest ta’ arranġament tal-interoperabbiltà.

5.  F’każ ta’ inadempjenza tal-kontroparti ċentrali li tkun irċeviet il-kollateral fil-kuntest ta’ arranġament tal-interoperabbiltà, il-kollateral imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jingħata lura fil-pront lill-kontroparti ċentrali li tkun ipprovdietu.

Artikolu 54

Approvazzjoni tal-arranġament tal-interoperabbiltà

1.  Arranġament tal-interoperabbiltà għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-kontropartijiet ċentrali involuti. Il-proċedura fl-Artikolu 17 għandha tapplika.

2.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu approvazzjoni tal-arranġament tal-interoperabilità biss meta l-kontropartijiet ċentrali involuti jkunu ġew awtorizzati jikklerjaw skont l-Artikolu 17 jew rikonoxxuti skont l-Artikolu 25 jew awtorizzati skont sistema nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni li kienet teżisti minn qabel għal perjodu ta’ mill-inqas tliet snin, ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 52 jintlaħqu u l-kundizzjonijiet tekniċi għall-ikklerjar ta’ transazzjonijiet taħt it-termini tal-arranġament jippermettu funzjonament mingħajr ostakli u ordnat tas-swieq finanzjarji u li l-arranġament ma jxekkilx l-effikaċja tas-superviżjoni.

3.  Fejn awtorità kompetenti tqis li r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2 ma jkunux ġew issodisfati, hi għandha tipprovdi spjegazzjonijiet bil-miktub dwar il-kunsiderazzjonijiet tagħha tar-riskju għall-awtoritajiet kompetenti l-oħra u l-kontropartijiet ċentrali nvoluti. Għandha wkoll tinnotifika lill-AETS, li għandha toħroġ opinjoni dwar il-validità effettiva tal-kunsiderazzjonijiet tar-riskju bħala bażijiet għal ċaħda tal-arranġament tal-interoperabilità. L-opinjoni tal-AETS għandha tkun disponibbli għall-kontropartijiet ċentrali kollha involuti. Fejn l-opinjoni tal-AETS ma taqbilx mal-valutazzjoni tal-awtorità kompetenti rilevanti, dik l-awtorità kompetenti għandha tirrikunsidra l-pożizzjoni tagħha, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-AETS.

4.  Sal-31 ta’ Diċembru 2012, l-AETS għandha toħroġ linji gwida jew rakkomandazzjonijiet bl-għan li jiġu stabbiliti valutazzjonijiet konsistenti, effiċjenti u effikaċi tal-arranġamenti tal-interoperabilità, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

L-AETS għandha tiżviluppa abbozzi għal dawk il-linji gwida jew rakkomandazzjonijiet wara li tikkonsulta mal-membri tas-SEBĊ.



TITOLU VI

REĠISTRAZZJONI U SUPERVIŻJONI TAR-REPOŻITORJI TAD-DATA DWAR IT-TRANŻAZZJONIJIET



KAPITOLU 1

Kundizzjonijiet u Proċeduri għar-Reġistrazzjoni ta’ Repożitorju tad-Data dwar it-Tranżazzjonijiet

Artikolu 55

Reġistrazzjoni ta’ repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet

1.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jirreġistra mal-AETS għall-finijiet tal-Artikolu 9.

2.  Sabiex ikun eliġibbli li jiġi rreġistrat skont dan l-Artikolu, repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jkun persuna ġuridika stabbilita fl-Unjoni u għandu jilħaq ir-rekwiżiti stipulati fit-Titolu VII.

3.  Ir-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandha tkun effettiva għat-territorju kollu tal-Unjoni.

4.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet irreġistrat għandu jikkonforma f’kull waqt mal-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni. Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu, mingħajr dewmien bla bżonn, jinnotifika lill-AETS bi kwalunkwe bidliet materjali għall-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni.

Artikolu 56

Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni

▼M11

1.  Għall-iskopijiet tal-Artikolu 55(1), ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jippreżenta waħda minn dawn li ġejjin lill-AETS:

(a) applikazzjoni għar-reġistrazzjoni;

(b) applikazzjoni għal estensjoni tar-reġistrazzjoni fejn ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun diġà rreġistrat taħt il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2015/2365.

▼B

2.  L-AETS għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni tkunx kompluta fi żmien 20 jum tax-xogħol mill-irċevuta tal-applikazzjoni.

Meta l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-AETS għandha tistabilixxi limitu taż-żmien sa meta r-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

Wara li tevalwa applikazzjoni bħala kompluta, l-AETS għandha tinnotifika b’dan lir-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet.

▼M11

3.  Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta' dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifika dan li ġej:

(a) id-dettalji tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1;

(b) id-dettalji tal-applikazzjoni ssimplifikata għall-estensjoni tar-reġistrazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1.

L-AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta' Ġunju 2020.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.  Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi implimentattivi li jispeċifikaw dan li ġej:

(a) il-format tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1;

(b) il-format tal-applikazzjoni għal estensjoni tar-reġistrazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1.

Fir-rigward tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-AETS għandha tiżviluppa format issimplifikat.

L-AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi implimentattivi lill-Kummissjoni sat-18 ta' Ġunju 2020.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼B

Artikolu 57

Notifika ta’ u konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti qabel ir-reġistrazzjoni

1.  Jekk repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet li qed japplika għar-reġistrazzjoni huwa entità li hija awtorizzata jew irreġistrata minn awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn hija tkun stabilita, l-AETS għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika u tikkonsulta ma’ din l-awtorità kompetenti qabel ir-reġistrazzjoni tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet.

2.  L-AETS u l-awtorità kompetenti rilevanti għandhom jiskambjaw l-informazzjoni kollha li hija meħtieġa għar-reġistrazzjoni tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet kif ukoll għas-superviżjoni tal-konformità tal-entità mal-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni tagħha jew l-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru fejn hija stabbilita.

Artikolu 58

Eżami tal-applikazzjoni

1.  L-AETS għandha, fi żmien erbgħin jum tax-xogħol min-notifika msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 56 il-paragrafu (2) teżamina l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bbażata fuq il-konformità tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet fl-Artikoli 78 sa 81 u għandha tadotta deċiżjoni motivata b’mod sħiħ ta’ registrazzjoni jew ta’ rifjut tar-reġistrazzjoni.

2.  Deċiżjoni maħruġa mill-AETS skont il-paragrafu 1 għandha tidħol fis-seħħ fil-ħames jum tax-xogħol wara l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 59

Notifika tad-Deċiżjonijiet tal-AETS dwar ir-reġistrazzjoni

1.  Meta l-AETS tadotta deċiżjoni ta’ registrazzjoni, jew deċiżjoni li tirrifjuta jew tirtira reġistrazzjoni, hija għandha tinnotifika r-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet fi żmien ħames ijiem tax-xogħol bi spjegazzjoni raġunata b’mod sħiħ tad-deċiżjoni tagħha.

L-AETS għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti msemmija fl-Artikolu 57(1) bid-deċiżjoni tagħha.

2.  L-AETS għandha tikkomunika kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skont il-paragrafu 1 lill-Kummissjoni.

3.  L-AETS għandha tippubblika fuq is-websajt tagħha lista tar-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet irreġistrati skont dan ir-Regolament. Dik il-lista għandha tiġi aġġornata fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont il-paragrafu 1.

Artikolu 60

Eżerċizzju tas-setgħat imsemmijin fl-Artikoli 61 sa 63

Is-setgħat konferiti fuq l-AETS jew xi uffiċjal tal-AETS jew persuna oħra awtorizzata mill-AETS mill-Artikoli 61 sa 63 ma għandhomx jintużaw biex jesiġu l-iżvelar ta’ informazzjoni jew dokumenti li huma soġġetti għall-privileġġ legali.

Artikolu 61

Talba għal informazzjoni

1.  L-AETS tista’, b’talba sempliċi jew b’deċiżjoni, titlob li r-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet u partijiet terzi relatati, li lilhom ir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet esternalizzaw funzjonijiet jew attivitajiet operattivi, biex jipprovdu l-informazzjoni kollha li hi meħtieġa sabiex twettaq dmirijietha skont dan ir-Regolament.

2.  Meta tibgħat talba sempliċi għal informazzjoni skont il-paragrafu 1, l-AETS għandha:

(a) tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi legali tat-talba;

(b) tiddikjara l-fini tat-talba;

(c) tispeċifika x’informazzjoni hija mitluba;

(d) tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e) tinforma lill-persuna li tkun intalbet l-informazzjoni li hi mhix obbligata tipprovdi l-informazzjoni, iżda f’każ ta’ tweġiba volontarja għat-talba, l-informazzjoni pprovduta għandha tkun korretta u m’għandhiex tiżgwida; u

(f) tindika l-multa prevista fl-Artikolu 65 flimkien mal-punt (a) tat-Taqsima IV tal-Anness I meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru ma jkunux korretti jew ikunu jiżgwidaw.

3.  Meta titlob il-provvista ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 1 b’deċiżjoni, l-AETS għandha:

(a) tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi legali tat-talba;

(b) tiddikjara l-fini tat-talba;

(c) tispeċifika x’informazzjoni hija mitluba;

(d) tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e) tindika l-pagamenti tal-penali perjodiċi previsti fl-Artikolu 66 meta l-produzzjoni tal-informazzjoni mitluba ma tkunx kompluta;

(f) tindika l-multa prevista fl-Artikolu 65 flimkien mal-punt (a) tat-Taqsima IV tal-Anness I meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru ma jkunux korretti jew ikunu jiżgwidaw; u

(g) tindika d-dritt għal appell tad-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell tal-AETS u għal eżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti tal-Ġustizzja”) skont l-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.  Il-persuni msemmijin fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi jew assoċjazzjonijiet li m’għandhomx personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati biex jirrapreżentawhom bil-liġi jew mill-kostituzzjoni tagħhom, għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba. Avukati debitament awtorizzati li jaġixxu, jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu kompletament responsabbli jekk l-informazzjoni mogħtija ma tkunx kompleta, ma tkunx korretta jew tkun tiżgwida.

5.  L-AETS għandha tibgħat mingħajr dewmien kopja tat-talba sempliċi jew tad-deċiżjoni tagħha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huma domiċiljati jew stabbiliti l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ikkonċernati mit-talba għall-informazzjoni.

Artikolu 62

Investigazzjonijiet ġenerali

1.  Sabiex twettaq dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-AETS tista’ twettaq l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa ta’ persuni msemmijin fl-Artikolu 61(1). Għal dak l-għan, l-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-AETS għandu jkollhom is-setgħa li:

(a) jeżaminaw kwalunkwe rekord, data, proċedura u kwalunkwe materjal ieħor rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom irrispettivament mill-mezz li jkunu miżmumin fih;

(b) jieħdu jew jakkwistaw kopji ċċertifikati ta’ tali rekords jew estratti minnhom, data, proċeduri u materjal ieħor;

(c) isejħu u jitolbu lil kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 61(1) jew rappreżentanti jew membri tal-persunal tagħhom għal spjegazzjonijiet orali jew bil-miktub dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u biex jinżamm rekord tat-tweġibiet;

(d) jintervistaw kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li taqbel li tiġi intervistata bil-fini li tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett tal-investigazzjoni;

(e) jitolbu rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data.

2.  L-uffiċjali u persuni oħra awtorizzati mill-AETS għall-finijiet ta’ dawn l-investigazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom meta jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tindika wkoll il-pagamenti tal-penali perjodiċi previsti fl-Artikolu 66 meta l-produzzjoni tar-rekords, data, proċeduri jew kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ, jew it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmijin fl-Artikolu 61(1) ma jiġux ipprovduti jew ma jkunux kompleti, u l-multi previsti fl-Artikolu 65 flimkien mal-punt (b) tat-Taqsima IV tal-Anness I, meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmijin fl-Artikolu 61(1) ma jkunux korretti jew ikunu jiżgwidaw.

3.  Il-persuni msemmijin fl-Artikolu 61(1) għandhom jissottomettu ruħhom għal investigazzjonijiet imnedija abbażi ta’ deċiżjoni tal-AETS. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni, il-pagamenti tal-penali perjodiċi previsti fl-Artikolu 66, ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 kif ukoll id-dritt għal eżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.  Fi żmien adatt qabel l-investigazzjoni, l-AETS għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn għandha ssir l-investigazzjoni, bl-investigazzjoni u l-identità tal-persuni awtorizzati. Uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata għandhom, fuq talba tal-AETS, jassistu lil dawk il-persuni awtorizzati fit-twettiq ta’ dmirijiethom. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata jistgħu wkoll jattendu l-investigazzjonijiet jekk jitolbu li jagħmlu dan.

▼M11

5.  Jekk talba għal rekords tat-traffiku tat-telefon jew tad-data msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 tkun teħtieġ li awtorità kompetenti nazzjonali tkun awtorizzata minn awtorità ġudizzjarja skont ir-regoli nazzjonali, l-AETS għandha wkoll tapplika għal tali awtorizzazzjoni. L-AETS tista' tapplika wkoll għal tali awtorizzazzjoni bħala miżura ta' prekawzjoni.

▼B

6.  Meta tkun saret applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-AETS tkun awtentika u li l-miżuri koersivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-investigazzjonijiet. Meta tikkontrolla l-proporzjonalità tal-miżuri koersivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-AETS għal spjegazzjonijiet iddettaljati, b’mod partikolari relatati mar-raġunijiet li jkollha l-AETS biex tissuspetta li jkun sar ksur ta’ dan ir-Regolament, u l-gravità tal-ksur issuspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koersivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali m’għandhiex tirrevedi l-ħtieġa għal investigazzjoni jew talba li għandha tiġi pprovduta bl-informazzjoni fuq il-fajl tal-AETS. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-AETS għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 63

Spezzjonijiet fil-post

▼M11

1.  Biex twettaq id-dmirijiet tagħha skont dan ir-Regolament, l-AETS tista' twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa fi kwalunkwe bini tan-negozju, art jew proprjetà tal-persuni ġuridiċi msemmijin fl-Artikolu 61(1). Meta t-twettiq u l-effiċjenza adatti tal-ispezzjonijiet ikunu jeħtieġu hekk, l-AETS tista' twettaq spezzjonijiet fil-post mingħajr notifika minn qabel.

2.  L-uffiċjali u persuni oħra awtorizzati mill-AETS biex iwettqu spezzjoni fil-post jistgħu jidħlu fi kwalunkwe bini tan-negozju, art jew proprjetà tal-persuni ġuridiċi li huma soġġetti għal deċiżjoni ta' investigazzjoni adottata mill-AETS u għandu jkollhom is-setgħat kollha msemmija fl-Artikolu 62(1). Huma għandu jkollhom ukoll is-setgħa li jissiġillaw kwalunkwe bini u kotba jew rekords għall-perjodu tal-ispezzjoni jew sa fejn meħtieġ għaliha.

▼B

3.  L-uffiċjali u persuni oħra awtorizzati mill-AETS biex iwettqu spezzjonijiet fil-post għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom billi jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u l-pagamenti tal-penali perjodiċi previsti fl-Artikolu 66 fil-każ li l-persuni kkonċernati ma jissottomettux irwieħhom għall-ispezzjoni. Fi żmien adatt qabel l-ispezzjoni, l-AETS għandha tagħti avviż tal-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun ser titwettaq l-ispezzjoni.

4.  Il-persuni msemmijin fl-Artikolu 61(1) għandhom jissottomettu ruħhom għall-ispezzjonijiet fil-post ordnati b’deċiżjoni tal-AETS. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni, taħtar id-data meta din għandha tibda u tindika l-pagamenti tal-penali perjodiċi previsti fl-Artikolu 66, ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 kif ukoll id-dritt għal eżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-AETS għandha tieħu tali deċiżjonijiet wara li tikkonsulta mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih għandha titwettaq l-ispezzjoni.

5.  L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn għandha titwettaq l-ispezzjoni, kif ukoll dawk awtorizzati jew maħtura minnha, għandhom, fuq talba tal-AETS, jassistu attivament lill-uffiċjali u persuni oħra awtorizzati mill-AETS. Għal dak l-għan, huma għandhom igawdu s-setgħat stabbiliti fil-paragrafu 2. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu, fuq talba, jattendu wkoll l-ispezzjonijiet fil-post.

6.  L-AETS tista’ tesiġi wkoll li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jwettqu kompiti investigattivi speċifiċi u spezzjonijiet fil-post kif previst f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 62(1) f’isimha. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom igawdu l-istess setgħat tal-AETS kif stabbilit f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 62(1).

7.  Meta l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-AETS isibu li persuna topponi xi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tagħtihom l-assistenza neċessarja, u titlob fejn adatt l-assistenza tal-pulizija jew ta’ awtorità ta’ infurzar ekwivalenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom fil-post.

▼M11

8.  Jekk l-ispezzjoni fuq il-post prevista fil-paragrafu 1 jew jekk l-assistenza prevista fil-paragrafu 7 teħtieġ li awtorità kompetenti nazzjonali tkun awtorizzata minn awtorità ġudizzjarja skont ir-regoli nazzjonali,, l-AETS għandha wkoll tapplika għal tali awtorizzazzjoni. L-AETS tista' tapplika wkoll għal tali awtorizzazzjoni bħala miżura ta' prekawzjoni.

▼B

9.  Meta tkun saret applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 8, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-AETS tkun awtentika u li l-miżuri koersivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-ispezzjoni. Meta tikkontrolla l-proporzjonalità tal-miżuri koersivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-AETS għal spjegazzjonijiet iddettaljati. Tali talba għal spjegazzjonijiet iddettaljati tista’ b’mod partikolari tkun relatata mar-raġunijiet li jkollha l-AETS biex tissuspetta li jkun sar ksur ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll mas-serjetà tal-ksur issuspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna li tkun soġġetta għall-miżuri koersivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma tistax teżamina l-ħtieġa għall-ispezzjoni jew titlob biex tiġi pprovduta b’informazzjoni dwar il-fajl tal-AETS. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-AETS għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 64

Regoli proċedurali biex jittieħdu miżuri superviżorji u jiġu imposti multi

1.  Meta, fit-twettiq ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-AETS issib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Anness I, l-AETS għandha taħtar uffiċjal indipendenti tal-investigazzjoni fl-AETS biex jinvestiga l-kwistjoni. L-uffiċjal maħtur m’għandux jiġi involut jew ikun ġie involut direttament jew indirettament fis-superviżjoni jew fil-proċess tar-reġistrazzjoni tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ikkonċernat u għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu indipendentement mill-AETS.

2.  L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jinvestiga l-ksur allegat, filwaqt li jikkunsidra kwalunkwe kumment ippreżentat mill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet, u għandu jissottometti fajl komplet bis-sejbiet tiegħu lill-AETS.

Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni jista’ jeżerċità s-setgħa li jitlob informazzjoni skont l-Artikolu 61 u jwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fil-post skont l-Artikoli 62 u 63. Meta juża dawk is-setgħat, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jikkonforma ma’ l-Artikolu 60.

Meta jwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkollu aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha miġbura mill-AETS fl-attivitajiet superviżorji tagħha.

3.  Meta jikkompleta l-investigazzjoni tiegħu u qabel jippreżenta l-fajl bil-konklużjonijiet tiegħu lill-AETS, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jagħti lill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet l-opportunità li jinstemgħu dwar il-kwistjonijiet li jkunu qed jiġu investigati. L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jibbaża s-sejbiet tiegħu biss fuq fatti li l-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jikkummentaw dwarhom.

Matul l-investigazzjonijiet taħt dan l-Artikolu, id-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ.

▼M11

4.  Meta jissottometti l-fajl bis-sejbiet imsemmija fil-paragrafu 3 lill-AETS, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jinnotifika lill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet. Tali persuni għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl, soġġett għall-interess leġittimu ta' persuni oħra fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta' aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali jew id-dokumenti preparatorji interni tal-AETS.

▼B

5.  Abbażi tal-fajl li jkun fih is-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni u, meta jintalab mill-persuni kkonċernati, wara li jkun sema’ lill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet skont l-Artikolu 67, l-AETS għandha tiddeċiedi jekk wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Anness III jkunx twettaq mill-persuni li kienu soġġetti għall-investigazzjonijiet, u, f’tali każ, għandha tieħu miżura superviżorja skont l-Artikolu 73 u timponi multa skont l-Artikolu 65.

6.  L-uffiċjal tal-investigazzjoni ma għandux jipparteċipa f’deliberazzjonijiet tal-AETS jew b’xi mod ieħor jintervjeni fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-AETS.

7.  Il-Kummissjoni għandha tadotta aktar regoli ta’ proċedura biex tiġi eżerċitata s-setgħa li jiġu imposti multi jew pagamenti tal-penali perjodiċi, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet għad-difiża, dispożizzjonijiet temporali, u l-ġbir ta’ multi jew pagamenti tal-penali perjodiċi, u għandha tadotta regoli dettaljati dwar il-perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar tal-penali.

Ir-regoli msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 82.

▼M11

8.  L-AETS għandha tirreferi kwistjonijiet lill-awtoritajiet relevanti għall-investigazzjoni u prosekuzzjoni kriminali possibbli meta, fit-twettiq ta' dmirijietha skont dan ir-Regolament, hija ssib li jkun hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta' fatti li taf li jkunu jistgħu jikkostitwixxu reat kriminali skont il-liġi applikabbli. Barra minn hekk, l-AETS għandha toqgħod lura milli timponi multi jew pagamenti ta' penali perjodiċi meta tkun taf li liberazzjoni minn akkuża jew kundanna preċedenti li tirriżulta minn fatt jew fatti identiċi li jkunu sostanzjalment l-istess tkun diġà saret res judicata bħala riżultat tal-proċeduri kriminali skont il-liġi nazzjonali.

▼B

Artikolu 65

Multi

1.  Meta, skont l-Artikolu 64(5), l-AETS issib li repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ikun wettaq intenzjonalment jew b’negliġenza wieħed mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Anness I, dan għandu jadotta deċiżjoni li timponi multa skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Ksur min-naħa ta’ repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jitqies li twettaq intenzjonalment jekk l-AETS tiskopri fatturi oġġettivi li juru li r-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jew id-diriġenza għolja tiegħu aġixxew deliberatament biex iwettqu l-ksur.

2.  L-ammonti bażiċi tal-multi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu inklużi fil-limiti li ġejjin:

(a) għall-ksur imsemmi fil-punt (c) tat-Taqsima I tal-Anness I u fil-punti (c) sa (g) tat-Taqsima II tal-Anness I, u fil-punti (a) u (b) tat-Taqsima III tal-Anness I l-ammonti tal-multi għandhom ikunu mill-inqas EUR 10 000 u m’għandhomx jeċċedu l- ►M11  EUR 200 000  ◄ ;

▼M11

(b) għall-ksur imsemmi fil-punti (a), (b) u (d) sa (k) tat-Taqsima I tal-Anness I, u fil-punti (a), (b) u (h) tat-Taqsima II tal-Anness I, l-ammonti tal-multi għandhom ikunu mill-inqas EUR 5 000 u ma għandhomx jeċċedu l-EUR 100 000 ;

▼M11

(c) għall-ksur imsemmi fit-Taqsima IV tal-Anness I, l-ammonti tal-multi għandhom ikunu mill-inqas EUR 5 000 u ma għandhomx jeċċedu EUR 10 000 .

▼B

Biex jiġi deċiż jekk l-ammont bażiku tal-multi għandux ikun fil-parti l-baxxa, tan-nofs jew għolja tal-limiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, l-AETS għandha tqis il-fatturat annwali tas-sena tan-negozju preċedenti tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ikkonċernat. L-ammont bażiku għandu jkun fil-parti l-baxxa tal-limitu għar-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet b’fatturat annwali inqas minn EUR 1 miljun, fil-parti tan-nofs tal-limitu għar-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet b’fatturat annwali bejn EUR 1 u 5 miljun u fil-parti għolja tal-limitu għar-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet b’fatturat annwali ogħla minn EUR 5 miljun.

3.  L-ammonti bażiċi stabbiliti fil-paragrafu 2 għandhom jiġu aġġustati, jekk ikun meħtieġ, filwaqt li jitqiesu tal-fatturi aggravanti jew attenwanti skont il-koeffiċjenti rilevanti stabbiliti fl-Anness II.

Il-koeffiċjenti aggravanti rilevanti għandhom jiġu applikati wieħed wieħed għall-ammont bażiku. Jekk ikunu applikabbli aktar minn koeffiċjent aggravanti wieħed, id-differenza bejn l-ammont bażiku u l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ kull koeffiċjent aggravanti individwali għandha tiżdied mal-ammont bażiku.

Il-koeffiċjenti aggravanti rilevanti għandhom jiġu applikati wieħed wieħed għall-ammont bażiku. Jekk ikun applikabbli aktar minn koeffiċjent aggravanti wieħed, id-differenza bejn l-ammont bażiku u l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ kull koeffiċjent aggravanti individwali għandha tiżdied mal-ammont bażiku.

4.  Minkejja l-paragrafi 2 u 3, l-ammont tal-multa m’għandux jeċċedi l-20 % tal-fatturat annwali tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ikkonċernat fis-sena tan-negozju preċedenti iżda, jekk ir-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ikun kiseb benefiċċju finanzjarju direttament jew indirettament mill-ksur, l-ammont tal-multa għandu jkun għall-inqas ugwali għal dak il-benefiċċju.

Meta att jew ommissjoni ta’ repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jikkostitwixxu aktar minn wieħed mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Anness I, għandha tapplika biss l-ogħla multa kkalkolata skont il-paragrafi 2 u 3 u relatata ma’ wieħed minn dawn it-tipi ta’ ksur.

Artikolu 66

Pagamenti tal-penali perjodiċi

1.  L-AETS għandha, permezz ta’ deċiżjoni, timponi pagamenti ta’ penali perjodiċi sabiex iġġiegħel:

(a) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet itemm il-ksur, f’konformità mad-deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 73(1)(a); jew

(b) lil persuna msemmija fl-Artikolu 61(1);

(i) tipprovdi informazzjoni kompluta li tkun intalbet b’deċiżjoni skont l-Artikolu 61;

(ii) tissottometti ruħha għal investigazzjoni u b’mod partikolari tipproduċu reġistri, data, proċeduri jew kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ b’mod komplut u ttemmu u tikkoreġi informazzjoni oħra pprovduta f’investigazzjoni mnedija b’deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 62; jew

(iii) tissottometti ruħha għal spezzjoni fil-post ordnata b’deċiżjoni skont l-Artikolu 63.

2.  Ħlas perjodiku ta’ penali għandu jkun effettiv u proporzjonat. L-ammont tal-ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost għal kull jum ta’ dewmien.

3.  Minkejja l-paragrafu 2, l-ammont tal-pagamenti tal-penali perjodiċi għandu jkun 3 % tal-fatturat medju ta’ kuljum fis-sena tan-negozju preċedenti, jew, f’każ ta’ persuni fiżiċi, 2 % tad-dħul medju ta’ kuljum fis-sena kalendarja preċedenti. Dan għandu jkun ikkalkolat mid-data stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-pagamenti tal-penali perjodiċi.

4.  Ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost għal perjodu massimu ta’ sitt xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-AETS. Wara tmiem dan il-perjodu, l-AETS għandha tirrevedi l-miżura.

Artikolu 67

Smigħ tal-persuni kkonċernati

▼M11

1.  Qabel ma tieħu kwalunkwe deċiżjoni skont l-Artikolu 73(1) u dwar pagament ta' penali perjodiku skont l-Artikolu 66, l-AETS għandha tagħti lill-persuni li huma soġġetti għall-proċeduri l-opportunità li jinstemgħu dwar is-sejbiet tagħha. L-AETS għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq sejbiet li dwarhom il-persuni li huma soġġetti għall-proċeduri kellhom l-opportunità li jikkummentaw.

L-ewwel subparagrafu ta' dan l-Artikolu ma għandux japplika għad-deċiżjonijiet imsemmija fil-punti (a), (c) u (d) tal-Artikolu 73(1) jekk tkun meħtieġa azzjoni urġenti biex tiġi evitata ħsara sinifikanti u imminenti għas-sistema finanzjarja jew biex tiġi evitata ħsara sinifikanti u imminenti għall-integrità, it-trasparenza, l-effiċjenza u l-funzjonament ordnat tas-swieq finanzjarji, inkluż għall-istabbiltà jew il-korrettezza tad-data rrapportata lil repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet. F'każ bħal dan, l-AETS tista' tadotta deċiżjoni interim u għandha tagħti lill-persuni kkonċernati l-opportunità li jinstemgħu malajr kemm jista' jkun wara li tieħu d-deċiżjoni tagħha.

▼B

2.  Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni soġġetti għall-proċeduri għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ matul il-proċeduri. Dawn għandhom ikunu intitolati jkollhom aċċess għall-fajl tal-AETS, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali jew id-dokumenti preparatorji interni tal-AETS.

Artikolu 68

L-iżvelar, in-natura, l-infurzar u l-allokazzjon tal-multi u l-pagamenti tal-penali perjodiċi

1.  L-AETS għandha tiżvela lill-pubbliku kull multa u ħlas perjodiku ta’ penali li jkun ġie impost skont l-Artikoli 65 u 66, sakemm tali żvelar lill-pubbliku ma jippreġudikax b’mod serju s-swieq finanzjarji jew jikkawża dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti. Tali żvelar ma għandux jinkludi data personali fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2.  Multi u pagamenti tal-penali perjodiċi imposti skont l-Artikoli 65 u 66 għandhom ikunu ta’ natura amministrattiva.

3.  Meta l-AETS tiddeċiedi li ma timponix multi jew ħlasijiet penali, għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati u tippreżenta r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

4.  Multi u pagamenti ta’ penali perjodiċi imposti skont l-Artikoli 65 u 66 għandhom jiġu infurzati.

L-infurzar għandu jkun iggvernat mir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat li fit-territorju tiegħu jkun seħħ. L-ordni għall-infurzar għandha tkun mehmuża mad-deċiżjoni mingħajr l-ebda formalità oħra minbarra l-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni mill-awtorità li l-gvern ta’ kull Stat Membru għandu jaħtar għal dan l-iskop, u għandha tiġi kkomunikata lill-AETS u lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Meta dawk il-formalitajiet ikunu ġew ikkumpletati fuq talba mill-parti kkonċernata, din tista’ twettaq l-infurzar f’konformità mal-liġi nazzjonali, billi ġġib il-kwistjoni direttament quddiem l-entità kompetenti.

L-infurzar jista’ jiġi sospiż biss b’deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, il-qrati tal-Istati Membru kkonċernat għandu jkollhom ġurisdizzjoni fuq l-ilmenti dwar il-fatt li l-infurzar ikun qed isir b’mod irregolari.

5.  L-ammonti tal-multi u tal-pagamenti ta’ penali perjodiċi għandhom jiġu allokati lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 69

Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni mhux limitata li tirrieżamina d-deċiżjonijiet fejn l-AETS tkun imponiet multa jew ħlas perjodiku ta’ penali. Hija tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-ħlas perjodiku impost ta’ penali.

Artikolu 70

Emendi għall-Anness II

Sabiex jiġu kkunsidrati l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 82 dwar miżuri biex temenda l-Anness II.

Artikolu 71

Irtirar tar-reġistrazzjoni

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 73, l-AETS għandha tirtira r-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet fejn ir-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet:

(a) ikun b’mod espliċitu rrinunzja r-reġistrazzjoni jew ma jkun ipprovda l-ebda servizz tal-kreditu għas-sitt xhur ta’ qabel;

(b) ikun kiseb ir-reġistrazzjoni billi għamel dikjarazzjonijiet foloz jew permezz ta’ kwalunkwe mezz irregolari ieħor;

(c) ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet li taħthom kien ġie rreġistrat.

2.  L-AETS għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti msemmija fl-Artikolu 57(1) bid-deċiżjoni li tirtira r-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet.

3.  L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li fih ir-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet iwettaq is-servizzi u l-attivitajiet tiegħu u li tqis li waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 tkun ġiet sodisfatta, tista’ titlob lill-AETS teżamina jekk il-kundizzjonijiet għall-irtirar tar-reġistrazzjoni tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ikkonċernat humiex sodisfatti. Meta l-AETS tiddeċiedi li ma tirtirax ir-reġistrazzjoni tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet konċernat, għandha tipprovdi raġunijiet sħaħ.

4.  L-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 3 għandha tkun l-awtorità nnominata skont l-Artikolu 22.

Artikolu 72

Drittijiet ta’ superviżjoni

1.  L-AETS għandha timponi drittijiet għar-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet skont dan ir-Regolament u f’konformità mal-atti delegati adottati skont il-paragrafu 3. Dawk id-drittijiet għandhom ikopru għal kollox l-infiq tal-AETS meħtieġ għar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tar-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet u għar-rimborż ta’ kwalunkwe spiża li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jġarrbu fit-twettiq ta’ ħidma skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega tal-kompiti f’konformità mal-Artikolu 74.

▼M11

2.  L-ammont ta' kwalunkwe tariffa mitluba lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jkopri l-ispejjeż amministrattivi raġonevoli kollha mġarrba mill-AETS fir-rigward tar-reġistrazzjoni tagħha u tal-attivitajiet superviżorji tal-AETS u għandu jkun proporzjonat għall-fatturat tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikkonċernat u t-tip ta' reġistrazzjoni u superviżjoni eżerċitati mill-AETS.

▼B

3.  Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 82 biex tispeċifika aktar it-tip ta’ drittijiet, il-materji li għalihom it-drittijiet jkunu dovuti, l-ammont tad-drittijiet u l-metodu ta’ ħlas tagħhom.

Artikolu 73

Miżuri ta’ superviżjoni mill-AETS

1.  Meta, skont l-Artikolu 64(5), l-AETS issib li repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ikun wettaq wieħed mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Anness I, din għandha tieħu deċiżjoni jew aktar minn dawn li ġejjin li:

(a) tesiġi li r-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet iġib il-ksur fi tmiemu;

(b) timponi multi skont l-Artikolu 65;

(c) toħroġ avviżi pubbliċi;

(d) bħala l-aħħar miżura, tirtira r-reġistrazzjoni tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet.

2.  Meta tieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-AETS għandha tqis in-natura u s-serjetà tal-ksur, filwat li tqis il-kriterji li ġejjin:

(a) it-tul ta’ żmien u l-frekwenza tal-ksur;

(b) jekk il-ksur kixifx dgħufijiet serji jew sistemiċi fil-proċeduri tal-impriżi jew fis-sistemi ta’ mmaniġġjar jew fil-kontrolli interni tagħha;

(c) jekk ingħatx bidu għal reat finanzjarju, jekk ġix iffaċilitat jew li b’xi mod huwa attribwibbli għall-ksur;

(d) jekk il-ksur twettaqx intenzjonalment jew b’negliġenza.

3.  Mingħajr dewmien bla bżonn, l-AETS għandha tinnotifika kwalunkwe deċiżjoni adottata skont il-paragrafu 1, lir-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ikkonċernat, u għandha tikkomunikaha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni. Għandha tiżvela pubblikament kull deċiżjoni bħal din fis-sit tal-web tagħha fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol mill-adozzjoni tagħha.

Meta tagħmel pubblika d-deċiżjoni tagħha kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu. l-AETS għandha wkoll tagħmel pubbliku d-dritt għar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ikkonċernat li jappella d-deċiżjoni, il-fatt, fejn rilevanti, li tali appell ikun sar, waqt li tispeċifika li tali appell ma jkollux effett ta’ sospensjoni, u l-fatt li huwa possibbli għall-Bord tal-Appell tal-AETS li jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kkontestata skont l-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 74

Delegazzjoni ta’ kompiti mill-AETS lill-awtoritajiet kompetenti

1.  Fejn meħtieġ għat-twettiq adatt ta’ kompitu superviżorju, l-AETS tista’ tiddelega kompiti superviżorji speċifiċi lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont il-linji gwida maħruġin mill-AETS skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 1095/2010. Tali kompiti superviżorji speċifiċi jistgħu, b’mod partikolari, jinkludu s-setgħa li jitwettqu talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 61 u li jitwettqu investigazzjonijiet u spezzjonijiet fil-post skont l-Artikolu 62 u l-Artikolu 63(6).

2.  Qabel ma tiddelega kompitu, l-AETS għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti rilevanti. Tali konsultazzjoni għandha tikkonċerna:

(a) l-ambitu tal-kompitu li għandu jiġi ddelegat;

(b) l-iskeda għat-twettiq tal-kompitu li għandu jiġi ddelegat; u

(c) it-trażmissjoni tal-informazzjoni meħtieġa mill-AETS u lill-AETS.

3.  Skont ir-Regolament dwar id-drittijiet adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 72(3),l-AETS għandha tirrimborża awtorità kompetenti għal spejjeż imġarrbin minħabba t-twettiq ta’ kompiti ddelegati.

4.  L-AETS għandha tirrevedi d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 f’intervalli adatti. Delega tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin.

5.  Id-delega tal-kompiti m’għandhiex taffettwa r-responsabbiltà tal-AETS u m’għandhiex tillimita l-abbiltà tal-AETS li twettaq jew tissorvelja l-attività ddelegata. Ir-responsabbiltajiet superviżorji skont dan ir-Regolament, inklużi d-deċiżjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjonijiet finali u d-deċiżjonijiet ta’ segwitu dwar il-ksur, m’għandhomx jiġu ddelegati.



KAPITOLU 2

Relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi

Artikolu 75

Ekwivalenza u ftehimiet internazzjonali

1.  Il-Kummissjoni tista’ tadotta att implimentattiv li jiddetermina li l-arranġamenti legali u superviżorji ta’ pajjiż terz jiżguraw li:

(a) ir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet f’dak il-pajjiż terz jikkonformaw mar-rekwiżiti li huma legalment vinkolanti u li huma ekwivalenti għal dawk stipulati f’dan ir-Regolament;

(b) is-superviżjoni u l-infurzar effettivi tar-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet f’dak il-pajjiż terz issir fuq bażi kontinwa; u

(c) jeżistu garanziji ta’ segretezza professjonali, inkluża l-protezzjoni ta’ sigrieti ta’ negozju maqsuma ma’ pajjiżi terzi mill-awtoritajiet, u li huma mill-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Dak l-att implimentattiv għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 86(2).

2.  Fejn adatt, u fi kwalunkwe każ wara l-adozzjoni ta’ att implimentattiv kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill għan-negozjar ta’ ftehimiet internazzjonali mal-pajjiżi terzi rilevanti rigward l-aċċess reċiproku u skambju ta’ informazzjoni dwar kuntratti derivattivi li saru f’repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet li huma stabbiliti f’dak il-pajjiż terz, b’mod li jiżgura li l-awtoritajiet tal-Unjoni, inkluża l-AETS, ikollhom aċċess immedjat u kontinwu għall-informazzjoni kollha meħtieġa għall-eżerċizzju tad-doveri tagħhom.

3.  Wara l-konklużjoni tal-ftehimiet imsemmijin fil-paragrafu 2, u f’konformità magħhom, l-AETS għandha tistabbilixxi ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi rilevanti. Dawk l-arranġamenti għandhom jispeċifikaw mill-inqas:

(a) mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn, l-AETS u kwalunkwe awtorità oħra tal-Unjoni li teżerċita responsabbiltajiet f’konformità ma’ dan ir-Regolament, minn naħa waħda, u, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-pajjiżi terzi kkonċernati, min-naħa l-oħra; u

(b) il-proċeduri li jikkonċernaw il-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji.

4.  l-AETS għandha tapplika r-Regolament (KE) Nru 45/2001 fir-rigward tat-trasferiment ta’ data personali lil pajjiż terz.

Artikolu 76

Arranġamenti ta’ kooperazzjoni

L-awtoritajiet relevanti ta’ pajjiżi terzi li ma għandhom l-ebda repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet stabbilit fil-ġurisdizzjoni tagħhom jistgħu jikkuntattjaw lill-AETS bil-ħsieb li jistabbilixxu arranġamenti ta’ kooperazzjoni biex ikollhom aċċess għall-informazzjoni dwar kuntratti derivattivi miżmuma fir-repożitorji tal-Unjoni.

L-AETS tista’ tistabbilixxi arranġamenti ta’ kooperazzjoni ma’ dawk l-awtoritajiet relevanti rigward aċċess għall-informazzjoni dwar kuntratti derivattivi miżmuma fir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet tal-Unjoni, li dawn l-awtoritajiet jeħtieġ li jissodisfaw ir-responsabbiltajiet u l-mandati rispettivi tagħhom, sakemm ikunu jeżistu garanziji ta’ segretezza professjonali, inkluża l-protezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali kondiviżi mill-awtoritajiet ma’ partijiet terzi.

▼M11

Artikolu 76a

Aċċess dirett reċiproku għad-data

1.  Meta meħtieġ għall-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom, l-awtoritajiet rilevanti ta' pajjiżi terzi li fihom huwa stabbilit repożitorju tat-tranżazzjonijiet wieħed jew aktar għandu jkollhom aċċess dirett għall-informazzjoni f'repożitorji tat-tranżazzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni, dment li l-Kummissjoni tkun adottat att ta' implimentazzjoni skont il-paragrafu 2 għal dak l-għan.

2.  Mal-preżentazzjoni ta' talba mill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni, skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 86(2), fejn jiġi ddeterminat jekk il-qafas legali tal-pajjiż terz tal-awtorità rikjedenti jkunx jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet stabbiliti f'dak il-pajjiż terz ikunu debitament awtorizzati;

(b) is-superviżjoni u l-infurzar effettivi tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet f'dak il-pajjiż terz isiru fuq bażi kontinwa;

(c) ikunu jeżistu garanziji ta' segretezza professjonali, inkluż il-protezzjoni ta' sigrieti ta' negozju kondiviżi ma' partijiet terzi mill-awtoritajiet, u dawn ikunu mill-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament;

(d) ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet awtorizzati f'dak il-pajjiż terz ikunu soġġetti għal obbligu legalment vinkolanti u infurzabbli li jagħtu lill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 81(3) aċċess dirett u immedjat għad-data.

▼B

Artikolu 77

Rikonoxximent tar-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet

1.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet stabbilit f’pajjiż terz jista’ jipprovdi s-servizzi u l-attivitajiet tiegħu lil entitajiet stabbiliti fl-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 9 biss wara r-rikonoxximent tiegħu mill-AETS f’konformità mal-paragrafu 2.

2.  Ir-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu lill-AETS għar-rikonoxximent, flimkien mal-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluż mill-inqas l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi vverifikat li r-repożitorju tal-kummerċ huma awtorizzat u huwa soġġett għal superviżjoni effettiva f’pajjiż terz li:

(a) ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni, permezz ta’ att implimentattiv skont l-Artikolu 75(1), bħala li għandu qafas regolatorju u superviżorju li huwa ekwivalenti u infurzabbli;

(b) daħal fi ftehim internazzjonali mal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 75(2); u

(c) daħal fi ftehimiet ta’ kooperazzjoni skont l-Artikolu 75(3) biex jiġi żgurat li awtoritajiet tal-Unjoni, inkluża l-AETS, ikollhom aċċess immedjat u kontinwu għall-informazzjoni kollha meħtieġa.

Fi żmien 30 jum ta’ xogħol minn meta tasal l-applikazzjoni, l-AETS għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni hijiex kompleta. Jekk l-applikazzjoni ma tkunx kompleta, l-AETS għandha tistabilixxi limitu ta’ żmien sa meta r-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet applikanti għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

Fi 180 jum tax-xogħol mis-sottomissjoni ta’ applikazzjoni kompleta, l-AETS għandha tinforma lir-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet applikanti bil-kitba bi spjegazzjoni kompletament irraġunata dwar jekk ir-rikonoxximent ikunx ingħata jew irrifjutat.

L-AETS għandha tippubblika, fuq is-sit tal-web tagħha, lista tar-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rikonoxxuti skont dan ir-Regolament.



TITOLU VII

REKWIŻITI GĦAR-REPOŻITORJI TAD-DATA DWAR IT-TRANŻAZZJONIJIET

Artikolu 78

Rekwiżiti ġenerali

1.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jkollu arranġamenti ta’ governanza robusti, li jinkludi struttura organizzattiva ċara b’linji tar-responsabilità definiti b’mod ċar, trasparenti u konsistenti u mekkaniżmi tal-kontroll intern xierqa, inklużi proċeduri amministrattivi sodi u tal-kontabilità, li jipprevjenu kull ta’ divulgazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali.

2.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jżomm u jopera arranġamenti organizzattivi u amministrattivi effettivi bil-miktub sabiex jidentifika u jimmaniġġja kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali li jikkonċerna l-maniġers, l-impjegati tiegħu, jew kwalunkwe persuna direttament jew indirettament konnessa magħhom permezz ta’ konnessjonijiet mill-qrib.

3.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jistabilixxi politiki u proċeduri xierqa li jkunu biżżejjed biex jiżguraw il-konformità, inkluż mill-maniġers u l-impjegati tagħhom tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament.

4.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jżomm u jopera struttura organizzattiva xierqa li tiżgura l-kontinwità u l-funzjonament ordnat tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet fit-twettiq tas-servizzi u l-attivitajiet tiegħu. Għandu jħaddem sistemi, riżorsi u proċeduri xierqa u proporzjonali.

5.  Meta repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet joffri servizzi anċillari, bħal servizzi ta’ konferma tat-tranżazzjonijiet, ta’ tqabbil tat-tranżazzjonijiet, ta’ avveniment ta’ servizz ta’ kreditu, ta’ rikonċiljazzjoni tal-portafoll jew ta’ kompressjoni tal-portafoll, ir-repożitorju tat-tranżazzjoni għandu jżomm dawk is-servizzi anċillari separati b’mod operattiv mill-funzjoni tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet tal-ġbir u ż-żamma b’mod ċentrali ta’ rekords u derivati.

6.  Id-diriġenza għolja u l-membri tal-bord ta’ repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jkollhom reputazzjoni u esperjenza tajba biżżejjed li jiżguraw l-immaniġġjar tajjeb u prudenti tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet.

7.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jkollu rekwiżiti oġġettivi, mhux diskriminatorji u pubblikament żvelati għall-aċċess minn impriżi soġġetti għall-obbligu tar-rappurtar skont l-Artikolu 9. Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jagħti lil fornituri tas-servizzi aċċess mhux diskriminatorju għal informazzjoni miżmuma mir-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet, b’kundizzjoni li l-entità tipprovdi d-data u l-kontropartijiet rilevanti jkunu taw il-kunsens tagħhom. Il-kriterji li jirrestrinġu l-aċċess għandhom ikunu permessi biss safejn l-għan tagħhom hu l-kontroll tar-riskju għad-data miżmuma minn repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet.

8.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jiżvela pubblikament il-prezzijiet u d-drittijiet assoċjati mas-servizzi pprovduti skont dan ir-Regolament. Dan għandu jiżvela l-prezzijiet u t-drittijiet ta’ kull servizz provdut separatament, inklużi skontijiet u ribassi u l-kundizzjonijiet li jibbenefikaw minn dak it-tnaqqis. Għandu jippermetti lill-entitajiet tar-rapportar li jkollhom aċċess għas-servizzi speċifiċi separatament. Il-prezzijiet u d-drittijiet imposti minn repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandhom ikunu relatati mal-ispejjeż.

Artikolu 79

Affidabilità operazzjonali

1.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jidentifika s-sorsi tar-riskju operattiv u jimminimizzahom permezz tal-iżvilupp ta’ sistemi, kontroll u proċeduri xierqa. Dawn is-sistemi għandhom ikunu affidabbli u sikuri, u għandu jkollhom kapaċità xierqa għall-immaniġġjar tal-informazzjoni rċevuta.

2.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jistabilixxi, jimplimenta u jżomm politika tal-kontinwità tal-operat u pjan ta’ rkupru minn diżastru bl-għan li jiżgura l-preservazzjoni tal-funzjonijiet tiegħu, l-irkupru fil-ħin tal-operazzjonijiet u s-sodisfar tal-obbligi tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet. Tali pjan għandu mill-inqas jipprevedi l-istabbiliment ta’ faċilitajiet ta’ riżerva.

3.  Ripożitorju tat-tranżazzjonijiet li minnu tkun ġiet irtirata reġistrazzjoni għandu jiżgura s-sostituzzjoni ordnata, inkluż it-trasferiment tad-data lil repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet oħra u riorjentament tal-flussi tar-rapportar lejn repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet oħra.

Artikolu 80

Salvagwardjar u reġistrar

1.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jiżgura l-kunfidenzjalità, l-integrità u l-protezzjoni tal-informazzjoni riċevuta skont l-Artikoli 9.

2.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jista’ biss juża d-data li jirċievi skont dan ir-Regolament għal finijiet kummerċjali kemm-il darba l-kontropartijiet rilevanti jipprovu l-kunsens tagħhom.

3.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu minnufih jirreġistra l-informazzjoni riċevuta skont l-Artikolu 9 u għandu jżommha għal mill-inqas għaxar snin wara t-terminazzjoni tal-kuntratti rilevanti. Għandu jħaddem proċeduri taż-żamma tar-rekords puntwali u effiċjenti sabiex jiddokumenta l-bidliet fl-informazzjoni rreġistrata.

4.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jikkalkula l-pożizzjonijiet skont il-klassi tad-derivati u permezz tar-rapportar tal-entità fuq il-bażi tad-dettalji tal-kuntratti derivati rapportati skont l-Artikoli 9.

5.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jippermetti lill-partijiet f’kuntratt li jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar dak il-kuntratt f’ħin debitu u jikkoreġuha.

▼M11

5a.  Fuq talba, repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-kontropartijiet li ma jkunux meħtieġa li jirrapportaw id-dettalji tal-kuntratti tad-derivattivi OTC tagħhom skont l-Artikolu 9 (1a) sa (1d) u lill-kontropartijiet u lis-CCPs li jkunu ddelegaw l-obbligi ta' rapportar tagħhom skont l-Artikolu 9(1f) l-aċċess għall-informazzjoni rrapportata f'isimhom.

▼B

6.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jieħu l-passi kollha raġonevoli sabiex jipprevjeni kwalunkwe użu ħażin tal-informazzjoni miżmuma fis-sistemi tiegħu.

Persuna fiżika li jkollha relazzjoni ma’ repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jew persuna ġuridika li jkollha impriża prinċipali jew relazzjoni sussidjarja mar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ma għandhiex tuża l-informazzjoni kundifenzjali rreġistrata f’repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għal użu kummerċjali.

Artikolu 81

Trasparenza u disponibbiltà tad-data

1.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu, f’intervalli regolari u b’mod faċilment aċċessibbli, jippubblika pożizzjonijiet aggregati skont il-klassi ta’ derivati rappurtati lilu.

2.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jiġbor u jżomm data u jiżgura li l-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 3 ikollhom aċċess dirett u immedjat għad-dettalji tal-kuntratti derivattivi li jeħtieġ iwettqu r-responsabbiltajiet u l-mandati tagħhom.

▼M7

3.  Ir-repożitorju tat-transazzjonijiet għandu jagħmel disponibbli l-informazzjoni meħtieġa lill-entitajiet li ġejjin biex ikunu jistgħu jwettqu r-responsabbiltajiet u l-mandati rispettivi tagħhom:

(a) l-ESMA;

(b) l-EBA;

(c) l-EIOPA;

(d) il-BERS;

(e) l-awtorità kompetenti li tissorvelja l-kontropartijiet ċentrali (CCPs) li jkollhom aċċess għar-repożitorju tat-transazzjonijiet;

(f) l-awtorità kompetenti li tissorvelja ċ-ċentri tan-negozjar tal-kuntratti rrapportati;

(g) il-membri rilevanti tas-SEBĊ, inkluż il-BĊE fit-twettiq tal-kompiti tagħha fi ħdan mekkaniżmu superviżorju uniku skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 ( 18 );

(h) l-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiż terz li jkunu daħlu fi ftehim internazzjonali mal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 75;

(i) l-awtoritajiet superviżorji deżinjati skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 19 );

(j) l-awtoritajiet rilevanti tat-titoli u s-swieq tal-Unjoni li r-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji rispettivi tagħhom jkopru l-kuntratti, is-swieq, il-parteċipanti u l-istrumenti sottostanti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(k) l-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiż terz li jkunu daħlu f’arranġament ta’ kooperazzjoni mal-ESMA, kif imsemmi fl-Artikolu 76;

(l) l-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 20 );

(m) l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni maħtura skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 21 );

(n) il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 806/2014;

(o) awtoritajiet kompetenti u awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont it-tifsira tar-Regolamenti (UE) Nru 1024/2013 u (UE) Nru 909/2014 u tad-Direttivi 2003/41/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, u 2014/65/UE, u awtoritajiet superviżorji skont it-tifsira tad-Direttiva 2009/138/KE;

(p) l-awtoritajiet kompetenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 10(5) ta’ dan ir-Regolament;

▼M11

(q) l-awtoritajiet rilevanti ta' pajjiż terz li fir-rigward tiegħu jkun ġie adottat att ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 76a.

▼M4

Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jittrasmetti dejta lill-awtoritajiet kompetenti skont ir-rekwiżiti taħt l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 ( 22 ).

▼B

4.  L-AETS għandha taqsam l-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tad-doveri tagħha mal-awtoritajiet rilevanti l-oħra tal-Unjoni.

▼M11

5.  Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta' dan l-Artikolu, l-AETS għandha, wara li tikkonsulta mal-membri tas-SEBĊ, tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw dan li ġej:

(a) l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata jew issir disponibbli skont il-paragrafi 1 u 3;

(b) il-frekwenza tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1;

(c) l-istandards operattivi meħtieġa biex tiġi aggregata u mqabbla d-data minn repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għal ieħor u biex l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 3 jkollhom aċċess għal dik l-informazzjoni;

(d) it-termini u l-kundizzjonijiet, l-arranġamenti u d-dokumentazzjoni meħtieġa li taħthom ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jagħtu aċċess lill-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 3.

L-AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta' Ġunju 2020.

Fl-iżvilupp ta' dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji, l-AETS għandha tiżgura li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tiżvelax l-identità ta' kwalunkwe parti għal kwalunkwe kuntratt.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

▼B

Artikolu 82

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

▼M11

2.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 1(6), 4(3a), 64(7), l-Artikolu 70, l-Artikoli 72(3), u 85(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' żmien indeterminat.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 1(6), 4(3a), 64(7), l-Artikolu 70, l-Artikoli 72(3) u 85(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data sussegwenti speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità ta' ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonsulta l-AETS u għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b'mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.  Att delegat adottat skont l-Artikoli 1(6), 4(3a), 64(7), l-Artikolu 70, l-Artikoli 72(3) u 85(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa ebda oġġezzjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu infurmaw, it-tnejn li huma, lill-Kummissjoni li mhumiex ser iqajmu oġġezzjoni. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

▼B



TITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 83

Segretezza professjonali

1.  L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għall-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti maħturin skont l-Artikolu 22 u l-awtoritajiet imsemmijin fl-Artikolu 81(3), għall-AETS, jew għall-awdituri u l-esperti mogħtija l-istruzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti jew l-AETS. L-ebda informazzjoni kunfidenzjali li dawn il-persuni jirċievu fil-qadi tad-doveri tagħhom ma għandha tiġi żvelata lil ebda persuna jew awtorità, ħlief f’forma sommarja jew aggregata b’mod li kontroparti ċentrali ndividwali, repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jew kwalunkwe persuna oħra ma tkunx tista’ tiġi identifikata, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mid-dritt kriminali jew fiskali jew għal dan ir-Regolament.

2.  Meta kontroparti ċentrali tkun ġiet iddikjarata falluta jew tkun qed tiġi stralċjata b’mod obbligatorju, informazzjoni kunfidenzjali li ma tikkonċernax partijiet terzi tista’ tiġi żvelata fi proċeduri ċivili jew kummerċjali meta dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-proċeduri.

3.  Mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mid-dritt kriminali jew fiskali, l-awtoritajiet kompetenti, l-AETS, korpi jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi minbarra awtoritajiet kompetenti li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali skont dan ir-Regolament jistgħu jużawha biss fit-twettiq tal-obbligi tagħhom u għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, fil-każ tal-awtoritajiet kompetenti, fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament jew, fil-każ ta’ awtoritajiet oħra, korpi jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, għall-iskop li għalih din l-informazzjoni tkun ġiet ipprovduta lilhom jew fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji speċifikament relatati mat-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet, jew it-tnejn. Meta l-AETS, l-awtorità kompetenti jew xi awtorità oħra, korp jew persuna li tikkomunika l-informazzjoni tagħti l-kunsens tagħha għal dan, l-awtorità li tirċievi l-informazzjoni tista’ tużaha għal skopijiet oħra.

4.  Kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali riċevuta, skambjata jew trażmessa skont dan ir-Regolament għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet tas-segretezza professjonali stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3. Madankollu, dawk il-kundizzjonijiet ma għandhomx jipprevjenu lill-AETS, l-awtoritajiet kompetenti jew il-banek ċentrali rilevanti milli jiskambjaw jew jittrażmettu informazzjoni kunfidenzali f’konformità ma’ dan ir-Regolament u l-leġiżlazzjoni l-oħra applikabbli għad-ditti tal-investment, l-istituzzjonijiet tal-kreditu, il-fondi tal-pensjonijiet, il-UCITS, l-AIFMs, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, l-impriżi tal-assigurazzjoni, is-swieq regolati jew l-operaturi tas-suq jew inkella bil-kunsens tal-awtorità kompetenti jew l-awtorità jew il-korp jew il-persuna fiżika jew ġuridika oħrajn li jkunu kkomunikaw din l-informazzjoni.

5.  Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx jimpedixxu l-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw jew jittrasmettu informazzjoni kunfidenzali, skond il-liġi nazzjonali, li ma ġietx irċevuta minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.

Artikolu 84

Skambju ta’ informazzjoni

1.  L-awtoritajiet kompetenti, AETS, u awtoritajiet rilevanti oħra għandhom, mingħajr dewmien mhux dovut, jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet li jwettqu dmirijiethom.

2.  L-awtoritajiet kompetenti, l-AETS, awtoritajiet rilevanti oħra u korpi oħra jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali fit-twettiq tad-doveri tagħhom skont dan ir-Regolament għandhom jużawha biss tul il-perkors ta’ dmirijiethom.

3.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni lill-membri rilevanti tas-SEBĊ fejn tali informazzjoni tkun rilevanti għat-twettiq ta’ dmirijiethom.



TITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 85

Rapporti u Reviżjoni

▼M11

1.  Sat-18 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u tipprepara rapport ġenerali. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' kwalunkwe proposta adatta.

▼M11

1a.  Sas-17 ta' Ġunju 2023 l-AETS għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar dawn li ġejjin:

(a) l-impatt tar-Regolament (UE) 2019/834 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 23 ) fuq il-livell tal-ikklerjar minn kontropartijiet finanzjarji u mhux finanzjarji u fuq id-distribuzzjoni tal-ikklerjar f'kull tip ta' kontroparti, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontropartijiet finanzjarji li jkollhom b'volum limitat ta' attività f'derivattivi OTC u fir-rigward tal-adegwatezza tal-limiti ta' kklerjar imsemmija fl-Artikolu 10(4);

(b) l-impatt tar-Regolament (UE) 2019/834 fuq il-kwalità u l-aċċessibbiltà tad-data rapportata lir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet, kif ukoll il-kwalità tal-informazzjoni li ssir disponibbli mir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet;

(c) il-bidliet lill-qafas ta' rappurtar, inkluż l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-rappurtar delegat kif stipulat fl-Artikolu 9(1a) u b'mod partikolari l-impatt tagħha fuq il-piż tar-rappurtar għall-kontropartijiet mhux finanzjarji li huma soġġetti għall-obbligu ta' kklerjar;

(d) l-aċċessibbiltà ta' servizzi ta' kklerjar, b'mod partikolari jekk ir-rekwiżit li jiġu pprovduti servizzi ta' kklerjar, direttament jew indirettament, skont termini kummerċjali ġusti, raġonevoli, mhux diskriminatorji u trasparenti msemmija fl-Artikolu 4(3a) kienx effettiv fl-iffaċilitar tal-aċċess għall-ikklerjar.

▼M11

2.  Sat-18 ta' Ġunju 2020, u kull 12-il xahar wara sal-estensjoni finali msemmija fit-tielet subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport li jivvaluta jekk ġewx żviluppati soluzzjonijiet tekniċi vijabbli għat-trasferiment mill-arranġamenti tal-iskema tal-pensjonijiet ta' kollateral fi flus jew mhux fi flus bħala marġni ta' varjazzjoni u l-ħtieġa għal kwalunkwe miżura biex jiġu ffaċilitati dawk is-soluzzjonijiet tekniċi vijabbli.

L-AETS għandha, sat-18 ta' Diċembru 2019, u kull 12-il xahar wara sal-estensjoni finali msemmija fit-tielet subparagrafu, f'kooperazzjoni mal-EIOPA, l-EBA u l-BERS, tissottometti rapport lill-Kummissjoni li jivvaluta dan li ġej:

(a) jekk is-CCPs, il-membri tal-ikklerjar u l-arranġamenti tal-iskema tal-pensjonijiet għamlux sforz xieraq u jkunux żviluppaw soluzzjonijiet tekniċi vijabbli li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta' tali arranġamenti fl-ikklerjar ċentrali billi jiġi impustat kollateral fi flus jew mhux fi flus bħala marġni ta' varjazzjoni, inklużi l-implikazzjonijiet ta' dawk is-soluzzjonijiet fuq il-likwidità u l-proċikliċità fis-suq u l-implikazzjonijiet legali potenzjali tagħhom jew implikazzjonijiet oħra;

(b) il-volum u n-natura tal-attività tal-arranġamenti tal-iskema tal-pensjonijiet fi swieq tad-derivattivi OTC ikklerjati u mhux ikklerjati, f'kull klassi ta' assi, u kwalunkwe riskju sistemiku relatat mas-sistema finanzjarja;

(c) il-konsegwenzi li l-arranġamenti tal-iskema tal-pensjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżit tal-ikklerjar fuq l-istrateġiji tal-investiment tagħhom, inkluż kwalunkwe tibdil fl-allokazzjoni tagħhom ta' assi fi flus u mhux fi flus;

(d) l-implikazzjonijiet tal-livelli limiti tal-ikklerjar speċifikati skont il-punt (b) tal-Artikolu 10(4) għall-arranġamenti tal-iskema tal-pensjonijiet;

(e) l-impatt ta' rekwiżiti legali oħrajn fuq id-differenzjal tal-ispejjeż bejn kuntratti ta' derivattivi OTC ikklerjati u mhux ikklerjati, inklużi rekwiżiti tal-marġini għal derivattivi mhux ikklerjati u l-kalkolu tal-proporzjon tal-lieva finanzjarja skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(f) jekk humiex neċessarji aktar miżuri biex tiġi ffaċilitata soluzzjoni ta' kklerjar għall-arranġamenti tal-iskema tal-pensjonijiet.

Il-Kummissjoni tista' tadotta att delegat skont l-Artikolu 82 biex testendi l-perjodu ta' sentejn imsemmi fl-Artikolu 89(1) darbtejn, kull darba b'sena, fejn tikkonkludi li ma ġiet żviluppata l-ebda soluzzjoni teknika vijabbli u li l-effett avvers tal-ikklerjar b'mod ċentrali ta' kuntratti tad-derivattivi fuq il-benefiċċji tal-irtirar ta' pensjonanti futuri jibqa' mhux mibdul.

Is-CCPs, il-membri tal-ikklerjar u l-arranġamenti tal-iskema tal-pensjonijiet għandhom jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi vijabbli li jiffaċilitaw l-ikklerjar ta' kuntratti tad-derivattivi OTC minn tali arranġamenti.

Il-Kummissjoni għandha twaqqaf grupp ta' esperti magħmul minn rappreżentanti tas-CCPs, membri tal-ikklerjar u arranġamenti tal-iskema tal-pensjonijiet u partijiet rilevanti oħra għal tali soluzzjonijiet tekniċi vijabbli biex jimmonitorja l-isforzi tagħhom u jivvaluta l-progress li jkun sar fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi vijabbli li jiffaċilitaw l-ikklerjar ta' kuntratti tad-derivattivi OTC mill-arranġamenti tal-iskema tal-pensjonijiet, inkluż it-trasferiment minn tali arranġamenti ta' kollateral fi flus u mhux fi flus bħala marġini ta' varjazzjoni. Il-grupp ta' esperti għandu jiltaqa' tal-inqas kull sitt xhur. Il-Kummissjoni għandha tqis l-isforzi li jkunu saru mis-CCPs, il-membri tal-ikklerjar u l-arranġamenti tal-iskema tal-pensjonijiet meta tabbozza r-rapport tagħha skont l-ewwel subparagrafu.

3.  Sat-18 ta' Diċembru 2020 il-Kummissjoni għandha tħejji rapport li jivvaluta:

(a) jekk l-obbligi li jiġu rrappurtati tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u skont dan ir-Regolament joħolqux obbligu doppju ta' rappurtar ta' tranżazzjoni għal derivattivi mhux ta' OTC u jekk ir-rappurtar ta' tranżazzjonijiet mhux ta' OTC jistax jitnaqqas jew jiġi ssimplifikat għall-kontropartijiet kollha mingħajr telf mhux debitu ta' informazzjoni;

(b) in-neċessità u l-adegwatezza ta' allinjament tal-obbligu tan-negozjar għad-derivattivi skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 mat-tibdil magħmul skont ir-Regolament (UE) 2019/834 għall-obbligu tal-ikklerjar għad-derivattivi, b'mod partikolari għall-ambitu tal-entitajiet li huma soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar;

(c) jekk xi tranżazzjonijiet li jirriżultaw direttament minn servizzi ta' tnaqqis tar-riskju ta' wara n-negozjar, inkluż kompressjoni tal-portafoll, għandhomx ikunu eżentati mill-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4(1), b'kont meħud ta' kemm dawk is-servizzi jnaqqsu r-riskju, b'mod partikolari r-riskju ta' kreditu tal-kontroparti u r-riskju operazzjonali, il-potenzjal għal ċirkomvenzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar u d-diżinċentiv potenzjali għall-ikklerjar ċentrali.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' kwalunkwe proposta adatta.

▼M11

3a.  Sat-18 ta' Mejju 2020, l-AETS għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni. Dak ir-rapport għandu jivvaluta:

(a) il-konsistenza tar-rekwiżiti ta' rappurtar għal derivattivi mhux OTC skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 u skont l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament, kemm f'termini tad-dettalji tal-kuntratti tad-derivattivi li għandhom jiġu rrappurtati kif ukoll tal-aċċess għad-data mill-entitajiet rilevanti u jekk dawk ir-rekwiżiti għandhomx jiġu allinjati;

(b) il-fattibbiltà li jiġu ssimplifikati aktar il-ktajjen tar-rappurtar għall-kontropartijiet kollha, inkluż għall-klijenti indiretti kollha, filwaqt li titqies il-ħtieġa għar-rappurtar f'waqtu u b'kont meħud tal-miżuri adottati skont l-Artikolu 4(4) ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(c) l-allinjament tal-obbligu tan-negozjar għad-derivattivi skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 mat-tibdil magħmul skont ir-Regolament (UE) 2019/834 mal-obbligu tal-ikklerjar għad-derivattivi, b'mod partikolari għall-ambitu tal-entitajiet li huma soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar;

(d) f'kooperazzjoni mal-BERS, jekk xi tranżazzjonijiet li jirriżultaw direttament minn servizzi ta' tnaqqis tar-riskju ta' wara n-negozjar, inkluż il-kompressjoni tal-portafoll, għandhomx ikunu eżentati mill-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 4(1); dak ir-rapport għandu:

(i) jinvestiga l-kompressjoni tal-portafoll u servizzi disponibbli oħrajn ta' tnaqqis tar-riskju wara n-negozjar li ma jifformawx prezz, li jnaqqsu r-riskji mhux tas-suq fil-portafolli tad-derivattivi mingħajr ma jinbidel ir-riskju tas-suq tal-portafolli, bħal tranżazzjonijiet ta' riekwilibriju;

(ii) jispjega l-iskopijiet u l-funzjonament ta' tali servizzi ta' tnaqqis tar-riskju wara n-negozjar, kemm itaffu r-riskju, b'mod partikolari r-riskju ta' kreditu tal-kontroparti u r-riskju operattiv, u jivvaluta l-ħtieġa li jiġu kklerjati tali tranżazzjonijiet jew li jiġu eżentati mill-ikklerjar, sabiex jiġi ġestit ir-riskju sistemiku; u

(iii) jivvaluta sa fejn kwalunkwe eżenzjoni mill-obbligu tal-ikklerjar għal tali servizzi tiskoraġġixxi l-ikklerjar ċentrali u tista' twassal għaċ-ċirkomvenzjoni min-naħa tal-kontropartijiet tal-obbligu tal-ikklerjar;

(e) jekk il-lista ta' strumenti finanzjarji li huma meqjusa bħala likwidi ħafna b'riskju minimu ta' kreditu u tas-suq, skont l-Artikolu 47, tistax tiġi estiża u jekk dik il-lista tistax tinkludi fond wieħed jew aktar tas-suq monetarju awtorizzati skont ir-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 24 ).

▼B

4.  Il-Kummissjoni għandha, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-AETS, u wara li titlob il-valutazzjoni tal-BERS, tħejji rapport annwali li jivvaluta kwalunkwe implikazzjoni possibbli ta’ riskji sistemiċi u ispejjeż tal-arranġamenti tal-interoperabbiltà.

Ir-rapport għandu jiffoka mill-inqas fuq in-numru u l-kumplessità ta’ dawn l-arranġament, u l-adegwatezza ta’ sistemi u mudell tal-immaniġġjar tar-riskji. Il-Kummissjoni għandha tissottometti r-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma’ kwalunkwe proposta adatta.

Il-BERS għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bil-valutazzjoni tiegħu ta’ kwalunkwe implikazzjoni possibbli ta’ riskji sistemiċi tal-arranġamenti tal-interoperabbiltà.

5.  L-AETS għandha tissottometti rapport annwali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-penali imposti mill-awtoritajiet kompetenti, inklużi miżuri superviżorji, multi u pagamenti tal-penali perjodiċi.

Artikolu 86

Proċedura tal-kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tat-Titoli Ewropew stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE ( 25 ). Dan il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

▼M11

3.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

▼B

Artikolu 87

Emenda għad-Direttiva 98/26/KE

1.  Fl-Arikolu 9(1) tad-Direttiva 98/26/KE, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“Meta operatur ta’ sistema jkun ipprovda titolu kollaterali lil operatur ta’ sistema ieħor b’rabta ma’ sistema interoperabbli, id-drittijiet tal-operatur tas-sistema li jipprovdi għal dak it-titolu kollaterali ma għandhomx jiġu affetwati minn proċeduri ta’ insolvenza kontra l-operatur ta’ sistema riċevitur.”

2.  L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-punt (1) sas-17 ta’ Awwissu 2014. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva 98/26/KE jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 88

Websajts

1.  L-AETS għandha żżom sit elettroniku li jipprovdi d-dettalji li ġejjin:

(a) il-kuntratti eliġibbli għall-obbligu tal-ikklerjar skont l-Artikolu 5;

(b) il-penali imposti għall-ksur tal-Artikoli 4, 5 u 7 sa 11;

(c) il-kontropartijiet ċentrali awtorizzati li joffru servizzi jew attivitajiet fl-Unjoni li huma stabbiliti fl-Unjoni, u s-servizzi jew l-attivitajiet li huma awtorizzati li jipprovdu jew jagħmlu, inkluż il-klassijiet ta’ strumenti finanzjarji koperti mill-awtorizzazzjoni tagħhom;

(d) il-penali imposti għal ksur tat-Titoli IV u V;

(e) il-kontropartijiet ċentrali awtorizzati li joffru servizzi jew attivitajiet fl-Unjoni stabbiliti f’pajjiż terz, u s-servizzi jew l-attivitajiet li huma awtorizzati li jipprovdu jew jagħmlu, inkluż il-klassijiet ta’ strumenti finanzjarji koperti mill-awtorizzazzjoni tagħhom;

(f) ir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet awtorizzati li joffru servizzi jew attivitajiet fl-Unjoni;

(g) il-penali u multi imposti skont l-Artikoli 65 u 66;

(h) ir-reġistru pubbliku msemmi fl-Artikolu 6.

2.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1, punti (b), (c) u (d), l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom siti elettroniċi, li għandhom ikunu konnessi mas-sit elettroniku tal-AETS.

3.  Is-siti elettroniċi kollha msemmija f’dan l-Artikolu għandhom ikunu pubblikament aċċessibbli u aġġornati regolarment, u għandhom jipprovdu l-informazzjoni f’format ċar.

Arttikolu 89

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

▼M11

1.  Sat-18 ta' Ġunju 2021, l-obbligu tal-ikklerjar stipulat fl-Artikolu 4 ma għandux japplika għall-kuntratti tad-derivattivi OTC li huma oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji ta' investiment direttament relatati mas-solvenza finanzjarja tal-arranġamenti tal-iskema tal-pensjonijiet, u għal entitajiet stabbiliti biex jipprovdu kumpens lill-membri ta' tali arranġamenti f'każ ta' inadempjenza.

L-obbligu tal-ikklerjar stipulat fl-Artikolu 4 ma għandux japplika għal kuntratti tad-derivattivi OTC kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu li jidħlu għalihom arranġamenti tal-iskema tal-pensjonijiet mis-17 ta' Awwissu 2018 sas-16 ta' Ġunju 2019.

▼B

Il-kuntratti tad-derivati OTC, li altrimenti jkunu soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar skont l-Artikolu 4, li jikkonkludu dawn l-entitajiet matul dan il-perjodu għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 11.

2.  Fir-rigward ta’ arranġamenti ta’ skemi tal-pensjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 2(10)(c) u (d), l-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tingħata mill-awtorità kompetenti rilevanti għal tipi ta’ entitajiet jew tipi ta’ arranġamenti. Wara li tirċievi t-talba, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-AETS u l-AEAPX. Fi żmien 30 jum kalendarju minn meta tirċievi n-notifika, l-AETS, wara konsultazzjoni mal-AEAPX, għandha toħroġ opinjoni li tivvaluta l-konformità tat-tip ta’ entitajiet jew it-tip ta’ arranġamenti mal-Artikolu 2(10)(c) jew (d) kif ukoll ir-raġunijiet għaliex eżenzjoni hija ġustifikata minħabba d-diffikultajiet biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-marġini ta’ varjazzjoni. L-awtorità kompetenti għandha tagħti eżenzjoni biss meta tkun sodisfatta kompletament li t-tip ta’ entitajiet jew it-tip ta’ arranġamenti jikkonformaw mal-Artikolu 2(10)(c) jew (d) u li huma jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-marġni tal-varjazzjoni. L-awtorità kompetenti għandha tadotta deċiżjoni fi żmien għaxart ijiem li tirċievi l-opinjoni tal-AETS, filwaqt li tikkunsidra dik l-opinjoni b’mod xieraq. Jekk l-awtorità kompetenti ma taqbilx mal-opinjoni tal-AETS, għandha tagħti r-raġunijiet sħaħ fid-deċiżjoni tagħha u tispjega kull devjazzjoni minnha.

L-AETS għandha tippubblika fuq is-sit tal-web tagħha lista ta’ tipi ta’ entitajiet u tipi ta’ arranġamenti msemmijin fl-Artikolu 2(10)(c)(d) li ngħataw eżenzjoni f’konformità mal-ewwel subparagrafu. Biex tissaħħaħ aktar il-konsistenza fl-eżiti ta’ superviżjoni l-AETS għandha tagħmel reviżjoni kull sena minn pari tal-entitajiet inklużi fuq il-lista f’konformità mal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

3.  Kontroparti ċentrali li tkun ġiet awtorizzata fl-Istat Membru fejn hi stabbilita biex tipprovdi servizzi ta’ kklerjar skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru qabel ma jiġu adottati mill-Kummissjoni l-istandards tekniċi regolatorji kollha skont l-Artikoli 4, 5, 8 sa 11, 16, 18, 25, 26, 29, 34, 41, 42, 44, 45, 46, 47, 49, 56 u 81, għandha tapplika għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 14 għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-istandards tekniċi regolatorji kollha skont l-Artikoli 16, 25, 26, 29, 34, 41, 42, 44, 45, 47 u 49.

Kontroparti ċentrali li tkun ġiet awtorizzata f’pajjiż terz, li ġiet rikonoxxuta li tipprovdi servizzi ta’ kklerjar fi Stat Membru skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru qabel ma jiġu adottati mill-Kummissjoni l-istandards tekniċi regolatorji kollha skont l-Artikoli 16, 26, 29, 34, 41, 42, 44, 45, 47 u 49, għandha tapplika għal rikonoxximent skont l-Artikolu 25 għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-istandards tekniċi regolatorji kollha skont l-Artikoli 16, 26, 29, 34, 41, 42, 44, 45, 47 u 49.

4.  Sa ma tittieħed deċiżjoni skont dan ir-Regolament dwar l-awtorizzazzjoni jew ir-rikonoxximent ta’ kontroparti ċentrali, ir-regoli nazzjonali rispettivi dwar l-awtorizzazzjoni u r-rikonoxximent għandhom jibqgħu japplikaw u l-kontroparti ċentrali għandha tibqa’ tiġi ssorveljata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Memru tal-istabbiliment jew ir-rikonoxximent tagħha.

5.  Fejn awtorità kompetenti awtorizzat kontroparti ċentrali tikklerja klassi partikolari ta’ derivati skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru qabel ma jiġu adottati mill-Kummissjoni l-istandards tekniċi regolatorji kollha skont l-Artikoli 16, 26, 29, 34, 41, 42, 45, 47 u 49, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tinnotifika l-AETS dwar dik l-awtorizzazzjoni fi żmien xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-istandards tekniċi regolatorji skont l-Artikolu 5(1).

Fejn awtorità kompetenti awtorizzat kontroparti ċentrali stabbilita f’pajjiż terz biex tipprovdi servizzi ta’ kklerjar skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tagħha qabel ma jiġu adottati mill-Kummissjoni l-istandards tekniċi regolatorji kollha skont l-Artikoli 16, 26, 29, 34, 41, 42, 45, 47 u 49, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tinnotifika l-AETS dwar dak ir-rikonoxximent fi żmien xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-istandards tekniċi regolatorji skont l-Artikolu 5(1).

▼M1

5a.  Sa 15-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-aħħar wieħed mill-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-Artikoli 16, 25, 26, 29, 34, 41, 42, 44, 45, 47 u 49, jew sakemm tittieħed deċiżjoni taħt l-Artikolu 14 dwar l-awtorizzazzjoni tas-CCP, skont liema tiġi l-ewwel, dik is-CCP għandha tapplika t-trattament speċifikat fit-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Sa 15-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-aħħar wieħed mill-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-Artikoli 16, 26, 29, 34, 41, 42, 44, 45, 47 u 49, jew sakemm tittieħed deċiżjoni taħt l-Artikolu 25 dwar ir-rikonoxximent tas-CCP, skont liema tiġi l-ewwel, dik is-CCP għandha tapplika t-trattament speċifikat fit-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Sal-limiti ta' żmien stipulati fil-ewwel żewġ subparagrafi ta' dan il-paragrafu, u soġġetta għar-raba' subparagrafu ta' dan il-paragrafu, fejn CCP la għandha fond ta' inadempjenza u lanqas m'għandha fis-seħħ arranġament vinkolanti mal-membri ta' kklerjar tagħha li jippermettilha tuża l-marġni inizjali kollu jew parti minnu rċevut mill-membri ta' kklerjar tagħha daqs li kieku kienu kontribuzzjonijiet prefinanzjati, l-informazzjoni li hija għandha tirrapporta skont l-Artikolu 50c(1) għandha tinkludi l-ammont totali tal-marġni inizjali li tkun irċeviet mill-membri ta' kklerjar tagħha.

Il-limiti ta' żmien imsemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi ta' dan il-paragrafu jistgħu jiġu estiżi b'sitt xhur skont l-att ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottat skont l-Artikolu 497(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

▼B

6.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet li jkun ġie awtorizzat jew reġistrat fl-Istat Membru tal-istabbiliment tiegħu li jiġbor u jżomm ir-rekords tad-derivati skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru qabel jiġu adottati mill-Kummissjoni l-istandards tekniċi regolatorji kollha skont l-Artikoli 9, 56 u 81, għandu japplika għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 55 fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawk l-istandards tekniċi regolatorji u implimentattivi.

Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet stabbilit f’pajjiż terz, li jkun ġie permess jiġbor jew iżomm ir-rekords ta’ derivati fi Stat Membru skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru qabel ma jiġu adottati mill-Kummissjoni l-istandards tekniċi regolatorji kollha skont l-Artikoli 9, 56 u 81, għandu japplika għal rikonoxximent skont l-Artikolu 77 fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawk l-istandards tekniċi regolatorji u implimentattivi.

7.  Sa ma tittieħed deċiżjoni skont dan ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni jew ir-rikonoxximent ta’ repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet, ir-regoli nazzjonali rispettivi dwar l-awtorizzazzjoni, ir-reġistrazzjoni u r-rikonoxximent tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandhom jibqgħu japplikaw u r-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jibqa’ jiġi ssorveljat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Memru tal-istabbiliment jew ir-rikonoxximent tiegħu.

8.  Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet li jkun ġie awtorizzat jew reġistrat fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tiegħu biex jiġbor u jżomm records ta’ derivati skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru qabel ma jiġu adottati mill-Kummissjoni l-istandards tekniċi regolatorji kollha skont l-Artikoli 56 u 81, jista’ jintuża biex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit ta’ rappurtar skont l-Artikolu 9 sakemm tittieħed deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet skont dan ir-Regolament.

Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet stabbilit f’pajjiż terz li jkun ġie permess jiġbor jew iżomm ir-rekords ta’ derivati skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru qabel ma jiġu adottati mill-Kummissjoni l-istandards tekniċi regolatorji u implimentattivi kollha skont l-Artikoli 56 u 81, jista’ jintuża biex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit ta’ rappurtar skont l-Artikolu 9 sakemm tittieħed deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet skont dan ir-Regolament.

9.  Minkejja l-Artikolu 81(3)(f), fejn l-ebda ftehim internazzjonali mhuwa fis-seħħ bejn pajjiż terz u l-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 75, repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jista’ jagħmel l-informazzjoni meħtieġa disponibbli għall-awtoritajiet rilevanti ta’ dak il-pajjiż terz sas-17 ta’ Awwissu 2013 sakemm jinnotifika l-AETS.

Artikolu 90

Persunal u riżorsi tal-AETS

Sal-31 ta’ Diċembru 2012, l-AETS għandha tivvaluta l-ħtiġiijiet ta’ persunal u riżorsi li jirriżultaw mill-assunzjoni tas-setgħat u d-dmirijiet tagħha f’konformità ma’ dan ir-Regolament u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Artikolu 91

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

Lista ta’ ksur imsemmi fl-Artikolu 65(1)

I. Ksur relatat ma’ rekwiżiti organizzattivi jew konflitti ta’ interess:

(a) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jikser l-Artikolu 78(1) billi ma jkollux arranġamenti ta’ governanza robusti li jinkludu struttura organizzattiva ċara b'linji tar-responsabilità definiti b'mod ċar, trasparenti u konsistenti u mekkaniżmi tal-kontroll intern adegwati, inklużi proċeduri amministrattivi u tal-kontabilità sodi, li jipprevjenu ta’ żvelar tal-informazzjoni kunfidenzjali;

(b) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jikser l-Artikolu 78(2) billi ma jżommx jew joperax arranġamenti organizzattivi u amministrattivi effettivi bil-miktub sabiex jidentifika u jimmaniġġja kwalunkwe konflitt ta’ interess potenzjali li jikkonċerna l-maniġers tiegħu, l-impjegati tiegħu, jew kwalunkwe persuna direttament jew indirettament konnessa magħhom permezz ta’ konnessjonijiet mill-qrib;

(ċ) repożitorju tat-tranżazzjonijiet jikser l-Artikolu 78(3) billi ma jistabbilixxix politiki u proċeduri adegwati u suffiċjenti biex tkun żgurata l-konformità tiegħu, inkluża dik tal-maniġers u l-impjegati tiegħu, mad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament;

(d) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jikser l-Artikolu 78(4) billi ma jżommx jew ma joperax struttura organizzattiva adegwata biex ikunu żgurati l-kontinwità u l-funzjonament tajjeb tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet fit-twettiq tas-servizzi u l-attivitajiet tiegħu;

(e) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jikser l-Artikolu 78(5) billi ma jisseparax b'mod operattiv is-servizzi anċillari mill-funzjoni tiegħu li jiġbor u jżomm f'post ċentrali r-rekords tad-derivati;

(f) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jikser l-Artikolu 78(6) billi ma jiżgurax li d-diriġenza għolja u l-membri tal-bord għandhom reputazzjoni u esperjenza tajba biżżejjed sabiex ikun żgurat il-maniġment sod u prudenti tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet;

(g) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jikser l-Artikolu 78(7) billi ma jkollux rekwiżiti oġġettivi, mhux diskriminatorji u żvelati pubblikament għal aċċess minn fornituri tas-servizzi u impriżi soġġetti għall-obbligu tar-rappurtar skont l-Artikolu 9;

(h) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jikser l-Artikolu 78(8) billi ma jiżvelax pubblikament il-prezzijiet u t-drittijiet assoċjati mas-servizzi pprovduti skont dan ir-Regolament billi ma jippermettix lill-entitajiet ta’ rappurtar li jkollhom aċċess għal servizzi speċifiċi separatament jew billi japplika prezzijiet u drittijiet li ma jkunux relatati mal-ispejjeż;

▼M11

(i) repożitorju tat-tranżazzjonijiet jikser il-punt (a) tal-Artikolu 78(9) billi ma jistabbilixxix proċeduri adegwati għar-rikonċiljazzjoni effettiva tad-data bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet;

(j) repożitorju tat-tranżazzjonijiet jikser il-punt (b) tal-Artikolu 78(9) billi ma jistabbilixxix proċeduri adegwati biex jivverifika l-kompletezza u l-korrettezza tad-data rapportata;

(k) repożitorju tat-tranżazzjonijiet jikser il-punt (c) tal-Artikolu 78(9) billi ma jistabbilixxix politika adegwata għat-trasferiment b'ordni ta' data lejn repożitorji tat-tranżazzjonijiet oħrajn meta mitlub mill-kontropartijiet u s-CCPs imsemmija fl-Artikolu 9 jew meta jkun meħtieġ mod ieħor.

▼B

II. Ksur relatat ma’ rekwiżiti operattivi:

(a) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jikser l-Artikolu 79(1) billi ma jidentifikax sorsi ta’ riskju operattiv jew billi ma jimminimizzax dawk ir-riskji permezz tal-iżvilupp ta’ sistemi, kontrolli u proċeduri adatti;

(b) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jikser l-Artikolu 79(2) billi ma jistabbilixxix, ma jimplimentax jew ma jżommx politika tal-kontinwità tal-operat u pjan ta’ rkupru minn diżastru bl-għan li jiżgura l-preservazzjoni tal-funzjonijiet tiegħu, l-irkupru fil-ħin tal-operazzjonijiet u s-sodisfar tal-obbligi tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet;

(ċ) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jikser l-Artikolu 80(1) billi ma jiżgurax il-kunfidenzjalità, l-integrità jew il-protezzjoni tal-informazzjoni riċevuta skont l-Artikolu 9;

(d) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jikser l-Artikolu 80(2) billi juża d-data li jirċievi skont dan ir-Regolament għal finijiet kummerċjali ma l-kontropartijiet rilevanti jkunu taw il-kunsens tagħhom;

(e) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jikser l-Artikolu 80(3) billi ma jirreġistrax minnufih l-informazzjoni riċevuta skont l-Artikolu 9 u billi ma jżommhiex għal mill-inqas għaxar snin wara t-terminazzjoni tal-kuntratti rilevanti jew billi ma jużax proċeduri ta’ żamma ta’ rekords puntwali u effiċjenti biex jirreġistra bidliet li saru f'informazzjoni rreġistrata;

(f) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jikser l-Artikolu 80(4) billi ma jikkalkulax il-pożizzjonijiet skont il-klassi tad-derivati u bl-entità abbażi tad-dettalji tal-kuntratti tad-derivati rrappurtati skont l-Artikolu 9;

(g) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jikser l-Artikolu 80(5) billi ma jippermettix lill-partijiet għal kuntratt li jkollhom aċċess għal u jikkoreġu informazzjoni dwar dak il-kuntratt fi żmien debitu;

(h) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jikser l-Artikolu 80(6) billi ma jiħux il-passi kollha raġonevoli biex jimpedixxi kwalunkwe użu ħażin tal-informazzjoni miżmuma fis-sistemi tiegħu.

III. Ksur relatat mat-trasparenza u d-disponibbiltà tal-informazzjoni:

(a) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jikser l-Artikolu 81(1) billi ma jippubblikax regolarment, b'mod faċilment aċċessibbli, pożizzjonijiet aggregati skont il-klassi tad-derivati dwar il-kuntratti rrapportati lilu;

(b) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jikser l-Artikolu 81(2) billi ma jippermettix lill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 81(3) li jkollhom aċċess dirett u immedjat għad-dettalji tal-kuntratti tad-derivati li huma jeħtieġu biex iwettqu r-responsabbiltajiet u l-mandati rispettivi tagħhom.

IV. Ksur relatat mal-ostakoli għall-attivitajiet superviżorji:

(a) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jikser l-Artikolu 61(1) billi jipprovdi informazzjoni mhux korretta jew li tiżgwida bħala tweġiba għal talba sempliċi għal informazzjoni mill-AETS skont l-Artikolu 61(2) jew bħala tweġiba għal deċiżjoni mill-AETS li tkun teħtieġ informazzjoni skont l-Artikolu 61(3);

(b) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jipprovdi tweġibiet inkorretti jew li jiżgwidaw għal mistoqsijiet li jkunu saru skont l-Artikolu 62(1)(c);

(ċ) repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ma jikkonformax fi żmien debitu ma’ miżura superviżorja adottata mill-AETS skont l-Artikolu 73;

▼M11

(d) repożitorju tat-tranżazzjonijiet jikser l-Artikolu 55(4) billi ma jinnotifikax lill-AETS fil-ħin debitu b'kull tibdil materjali fil-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tiegħu.

▼B




ANNESS II

Lista ta’ koeffiċjenti marbutin ma’ fatturi aggravanti u attenwanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 65(3)

Il-koeffiċjenti li ġejjin għandhom ikunu applikabbli, b'mod kumulattiv, għall-ammonti bażiċi msemmija fl-Artikolu 65(2);

I. Koeffiċjenti tal-aġġustamenti marbutin ma’ fatturi aggravanti:

(a) jekk il-ksur jitwettaq ripetutament, għal kull darba li jiġi ripetut, għandu japplika koeffiċjent addizzjonali ta’ 1,1;

(b) jekk il-ksur jitwettaq għal aktar minn 6 xhur, għandu japplika koeffiċjent addizzjonali ta’ 1,5;

(ċ) jekk il-ksur ikun żvela dgħufijiet sistemiċi fl-organizzazzjoni tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet, b'mod partikolari fil-proċeduri, is-sistemi tal-maniġment jew il-kontrolli interni tiegħu, għandu japplika koeffiċjent ta’ 2,2;

(d) jekk il-ksur ikollu impatt negattiv fuq il-kwalità tad-data li jżomm, għandu japplika koeffiċjent ta’ 1,5;

(e) jekk il-ksur twettaq intenzjonalment, għandu japplika koeffiċjent ta’ 2;

(f) jekk ma ttieħdet l-ebda azzjoni ta’ rimedju minn meta kien identifikat il-ksur, għandu japplika koeffiċjent ta’ 1,7;

(g) jekk id-diriġenza għolja tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ma jkunx ikkoopera mal-AETS fit-twettiq tal-investigazzjonijiet tiegħu, għandu japplikakoeffiċjent ta’ 1,5.

II. Koeffiċjenti tal-aġġustamenti marbutin ma’ fatturi attenwanti:

(a) jekk il-ksur ikun twettaq għal inqas minn għaxart ijiem ta’ xogħol, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 0,9;

(b) jekk id-diriġenza għolja tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jista' juri li jkun ħa l-miżuri meħtieġa kollha biex jimpedixxi l-ksur, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 0,7;

(ċ) jekk ir-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ikun ressaq malajr, b'mod effettiv u komplet, il-ksur għall-attenzjoni tal-AETS, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 0,4;

(d) jekk ir-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ikun ħa miżuri b'mod volontarju biex ikun żgurat li ksur simili ma jkunx jista' jitwettaq fil-futur, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ 0,6.



( 1 ) Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

( 2 ) Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

( 3 ) Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

( 4 ) Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (IORPs) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37).

( 5 ) Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

( 6 ) ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1.

( 7 ) ĠU L 390, 30.6.2006, p. 38.

( 8 ) ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1.

( 9 ) ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.

( 10 ) Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35)

( 11 ) Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

( 12 ) Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014 p 84).

( 13 ) Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1).

( 14 ) Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

( 15 ) ĠU L 228, 11.8.1992, p. 1.

( 16 ) ĠU L 168, 27.6.2002, p. 43.

( 17 ) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

( 18 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

( 19 ) Id-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12).

( 20 ) Ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1).

( 21 ) Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

( 22 ) Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014 p 84).

( 23 ) Regolament (UE) 2019/834 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rapportar, ir-rekwiżiti tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta' repożitorji tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 141, 28.5.2019, p. 42).

( 24 ) Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-fondi tas-suq monetarju (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 8).

( 25 ) ĠU L 191, 13.7.2001, p. 45.