02007R1370 — MT — 24.12.2017 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (KE) Nru 1370/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta' Ottubru 2007

dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70

(ĠU L 315 3.12.2007, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2016/2338 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-14 ta' Diċembru 2016

  L 354

22

23.12.2016




▼B

REGOLAMENT (KE) Nru 1370/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta' Ottubru 2007

dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70



Artikolu 1

Skop u kamp ta’ applikazzjoni

1.  L-iskop ta' dan ir-Regolament huwa li jiddefinixxi il-mod kif, skond ir-regoli tal-liġi Komunitarja, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta' passiġġieri biex jiggarantixxu l-forniment ta' servizzi ta' interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta' kwalità għola jew ta' prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista' tippermetti.

Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta' servizz pubbliku jew jikkonkludu kuntratti għal servizz pubbliku, jikkumpensaw lill-operaturi ta' servizz pubbliku għall-ispejjeż li jkunu għamlu u/jew jagħtu drittijiet esklussivi bi tpattija għall-operat ta' obbligi tat-trasport pubbliku.

2.  Dan ir-Regolament għandu japplika għall-operat nazzjonali u internazzjonali tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u b'mezzi ferrovjarji oħrajn u bit-triq, ħlief għas-servizzi li huma mħaddma prinċipalment għall-interess storiku tagħhom jew għall-valur turistiku tagħhom. L-Istati Membri jistgħu japplikaw dan ir-Regolament għat-trasport pubbliku għall-passiġġieri bil-passaġġi fuq l-ilma interni u, bla preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) ( 1 ), b'ibħra nazzjonali.

▼M1

Soġġetti għal ftehim tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fuq it-territorju tagħhom jiġu pprovduti s-servizzi, l-obbligi tas-servizz pubbliku jistgħu jikkonċernaw servizzi tat-trasport pubbliku fil-livell transkonfinali, inklużi dawk li jkopru l-ħtiġijiet tat-trasport lokali u reġjonali.

▼B

3.  Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal konċessjonijiet ta' xogħlijiet pubbliċi fis-sens ta' l-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 2004/17/KE jew l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2004/18/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a) “trasport pubbliku għall-passiġġieri” tfisser servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta' interess ekonomiku ġenerali pprovduti lill-pubbliku fuq bażi non-diskriminatorja u kontinwa;

(b) “awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità pubblika jew grupp ta' awtoritajiet pubbliċi ta' Stat Membru jew Stati Membri li għandhom is-setgħa jintervjenu fit-trasport pubbliku għall-passiġġieri f'żona ġeografika partikolari, jew kwalunkwe korp li ngħata tali awtorità;

(ċ) “awtorità lokali kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità kompetenti li ż-żona ġeografika ta' kompetenza tagħha mhix nazzjonali;

(d) “operatur ta' servizz pubbliku” tfisser kwalunkwe impriża pubblika jew privata jew grupp ta' tali impriżi li topera/jopera servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri jew kwalunkwe korp pubbliku li jipprovdi servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri;

(e) “obbligu ta' servizz pubbliku” tfisser rekwiżit definit jew determinat minn awtorità kompetenti sabiex jiġu żgurati servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri fl-interess ġenerali li operatur, li kieku kellu jqis l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess punt jew taħt l-istess kondizzjonijiet mingħajr kumpens;

(f) “dritt esklussiv” tfisser dritt li jintitola operatur ta' servizz pubbliku biex iħaddem ċerti servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fuq rotta jew rettikolat partikolari jew f'żona partikolari, bl-esklużjoni ta' tali operatur ieħor;

(g) “kumpens ta' servizz pubbliku” tfisser kwalunkwe benefiċċju, b'mod partikolari benefiċċju finanzjarju, mogħti direttament jew indirettament minn awtorità kompetenti mill-fondi pubbliċi matul il-perijodu ta' implimentazzjoni ta' obbligu ta' servizz pubbliku jew f'konnessjoni ma' dak il-perijodu;

(h) “għotja diretta” tfisser l-għotja ta' kuntratt għal servizz pubbliku lil operatur partikolari ta' servizz pubbliku mingħajr proċedura ta' sejħa kompetittiva għal offerti minn qabel;

(i) “kuntratt għal servizz pubbliku” tfisser att wieħed jew iktar li jorbtu legalment li jikkonfermaw il-ftehim bejn awtorità kompetenti u operatur ta' servizz pubbliku biex jafdaw lil dak l-operatur ta' servizz pubbliku bil-ġestjoni u l-operat ta' servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġieri soġġetti għall-obbligi ta' servizz pubbliku; skond il-liġijiet ta' l-Istati Membri, il-kuntratt jista' jikkonsisti wkoll f'deċiżjoni adottata mill-awtorità kompetenti:

 li tieħu l-forma ta' att leġislattiv jew regolatorju individwali, jew

 li fiha kondizzjonijiet li taħthom l-awtorità kompetenti nnifisha tipprovdi s-servizzi jew tafda l-forniment ta' tali servizzi lil operatur intern;

(j) “operatur intern”, tfisser entità ġuridikament distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew fil-każ ta' grupp ta' awtoritajiet mill-inqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċita kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess;

(k) “valur” tfisser il-valur ta' servizz, rotta, kuntratt għal servizz pubbliku, jew skema ta' kumpens għat-trasport pubbliku ta' passiġġieri li jikkorrispondi għar-rimunerazzjoni totali, qabel il-VAT, ta' l-operatur jew operaturi ta' servizz pubbliku, inkluż il-kumpens ta' kwalunkwe tip imħallas mill-awtoritajiet pubbliċi u d-dħul mill-bejgħ ta' biljetti li ma jitħallasx lura lill-awtorità kompetenti konċernata;

(l) “regola ġenerali” tfisser miżura li tapplika mingħajr diskriminazzjoni għas-servizzi kollha tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri ta' l-istess tip f'żona ġeografika partikolari li għaliha awtorità kompetenti hija responsabbli;

(m) “servizz integrat tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri” ifisser servizz ta' trasport interkonness f'żona ġeografika speċifika b'servizz ta' informazzjoni wieħed, skema ta' ittikettjar waħda u skeda waħda;

▼M1

(aa) “servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija” tfisser it-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija, bl-esklużjoni tat-trasport tal-passiġġieri b'mezzi oħra fuq binarji, bħall-metro jew it-tramm.

Artikolu 2a

Speċifikazzjoni tal-obbligi ta' servizz pubbliku

1.  L-awtorità kompetenti għandha tistipula l-ispeċifikazzjonijiet għall-obbligi ta' servizz pubbliku fl-għoti tas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri u l-ambitu tal-applikazzjoni tagħhom f'konformità mal-Artikolu 2(e). Dan jinkludi l-possibbiltà li s-servizzi li jkopru l-ispejjeż jiġu raggruppati ma' servizzi li ma jkoprux spejjeż.

Meta tistipula dawk l-ispeċifikazzjonijiet u l-ambitu tal-applikazzjoni tagħhom, l-awtorità kompetenti għandha tirrispetta kif xieraq il-prinċipju tal-proporzjonalità, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.

L-ispeċifikazzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-objettivi tal-politika ddikjarat fid-dokumenti tal-politika tat-trasport pubbliku fl-Istati Membri.

Il-kontenut u l-format tad-dokumenti tal-politika tat-trasport pubbliku u l-proċeduri għall-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati rilevanti għandhom jiġu determinati f'konformità mal-liġi nazzjonali.

2.  L-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi ta' servizz pubbliku u l-kumpens relatat tal-effett finanzjarju nett tal-obbligi ta' servizz pubbliku għandhom:

(a) jilħqu l-objettivi tal-politika tat-trasport pubbliku b'mod kosteffettiv; u

(b) isostnu finanzjarjament il-forniment tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, f'konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-politika tat-trasport pubbliku fuq perijodu twil.

▼B

Artikolu 3

Kuntratti għal servizz pubbliku u regoli ġenerali

1.  Meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklussiv u/jew kumpens, ta' kwalunkwe tip, bi tpattija għat-twettiq ta' obbligi ta' servizz pubbliku, għandha tagħmel dan fi ħdan il-qafas ta' kuntratt għal servizz pubbliku.

2.  Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, l-obbligi ta' servizz pubbliku li jimmiraw li jistabbilixxu tariffi massimi għall-passiġġieri kollha jew għal ċerti kategoriji ta' passiġġieri jistgħu jkunu wkoll is-suġġett ta' regoli ġenerali. F'konformità mal-prinċipji mniżżla fl-Artikoli 4 u 6 u fl-Anness, l-awtorità kompetenti għandha tikkumpensa lill-operaturi ta' servizz pubbliku għall-effett finanzjarju nett, pożittiv jew negattiv, fuq l-infiq magħmul u d-dħul iġġenerat mill-konformità ma' l-obbligi tat-tariffi stabbiliti permezz ta' regoli ġenerali b'mod li jiġi evitat il-kumpens żejjed. Dan hekk għandu jkun minkejja d-dritt ta' l-awtoritajiet kompetenti li jintegraw obbligi ta' servizz pubbliku li jistabbilixxu tariffi massimi f'kuntratti għal servizz pubbliku.

3.  Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 73, 86, 87 u 88 tat-Trattat, l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament regoli ġenerali dwar kumpens finanzjarju għall-obbligi tas-servizz pubbliku li jistabilixxu tariffi massimi għal tfal ta' l-iskola, studenti, apprentisti u persuni b'mobilità mnaqqsa. Dawn ir-regoli ġenerali għandhom jiġu nnotifikati skond l-Artikolu 88 tat-Trattat. Kwalunkwe tali notifika għandha tinkludi informazzjoni kompluta dwar il-miżura, u b'mod partikolari, dettalji dwar il-metodu ta' kalkolu.

Artikolu 4

Kontenut mandatorju tal-kuntratti għal servizz pubbliku u tar-regoli ġenerali

1.  Il-kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali għandhom:

▼M1

(a) jistabbilixxu biċ-ċar l-obbligi ta' servizz pubbliku, definiti f'dan ir-Regolament u speċifikati skont l-Artikolu 2a tiegħu, li l-operatur ta' servizz pubbliku għandu jikkonforma magħhom, u ż-żoni ġeografiċi kkonċernati;

(b) jistabbilixxu minn qabel, b'mod oġġettiv u trasparenti,

(i) il-parametri li abbażi tagħhom il-pagament ta' kumpens, jekk ikun hemm, għandu jiġi kkalkolat; u

(ii) in-natura u l-firxa ta' kwalunkwe drittijiet esklussivi mogħtija b'mod li jevita l-kumpens żejjed.

Fil-każ ta' kuntratti għal servizz pubbliku li ma jingħatawx f'konformità mal-Artikolu 5(1), (3) jew (3b), dawn il-parametri għandhom jiġu determinati b'mod li l-ebda ħlas ta' kumpens ma jista' jeċċedi l-ammont meħtieġ biex ikopri l-effetti finanzjarji netti fuq l-infiq u d-dħul li jirriżultaw mit-twettiq tal-obbligi ta' servizz pubbliku, filwaqt li jittieħed kont tad-dħul relatat miegħu miżmum mill-operatur ta' servizz pubbliku u qligħ raġonevoli;

▼B

(ċ) jiddeterminaw l-arranġamenti għall-allokazzjoni ta' l-ispejjeż konnessi mal-forniment tas-servizzi. Dawn l-ispejjeż jistgħu jinkludu b'mod partikolari l-ispejjeż tal-persunal, l-enerġija, il-ħlasijiet ta' infrastruttura, il-manutenzjoni u t-tiswija ta' vetturi tat-trasport pubbliku, rolling stock u installazzjonijiet meħtieġa għat-tħaddim tas-servizzi tat-trasport ta' passiġġieri, spejjeż fissi u dħul adegwat fuq il-kapital.

2.  Kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali għandhom jiddeterminaw l-arranġamenti għall-allokazzjoni ta' dħul mill-bejgħ ta' biljetti li jista' jinżamm mill-operatur ta' servizz pubbliku, jitħallas lura lill-awtorità kompetenti jew jinqasam bejn it-tnejn.

3.  It-tul ta' żmien tal-kuntratti għal servizz pubbliku għandu jkun limitat u m'għandux jeċċedi għaxar snin għas-servizzi tal-kowċ u tax-xarabank u 15-il sena għas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija jew b'modi ferrovjarji oħrajn. It-tul ta' żmien tal-kuntratti għal servizz pubbliku relatati ma' bosta modi tat-trasport għandu jkun limitat għal 15-il sena jekk it-trasport bil-ferrovija jew b'modi ferrovjarji oħrajn jirrappreżenta aktar minn 50 % tal-valur tas-servizzi konċernat.

4.  Jekk meħtieġ, b'kont meħud tal-kondizzjonijiet tad-deprezzament ta' l-assi, it-tul ta' żmien tal-kuntratt għal servizz pubbliku jista' jiġi estiż b'massimu ta' 50 % jekk l-operatur ta' servizz pubbliku jipprovdi assi li jkunu kemm sinifikanti fir-rigward ta' l-assi kollha meħtieġa għat-twettiq tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri koperti mill-kuntratt għal servizz pubbliku kif ukoll marbuta b'mod predominanti mas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri koperti mill-kuntratt.

Jekk iġġustifikat mill-ispejjeż li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ġeografika partikolari, it-tul tal-kuntratti għal servizz pubbliku speċifikati fil-paragrafu 3 fir-reġjuni l-iktar imbegħda jista' jiġi estiż b'massimu ta' 50 %.

Jekk iġġustifkat bl-ammortizzazzjoni tal-kapital fir-rigward ta' investiment ta' infrastruttura eċċezzjonali, rolling stock jew investiment f'vetturi u jekk il-kuntratt għal servizz pubbliku jingħata fi proċedura ġusta ta' sejħa għal offerta kompetittiva, kuntratt għal servizz pubbliku jista' jkollu tul ta' żmien itwal. Biex tiġi żgurata t-trasparenza f'dan il-każ, l-awtorità kompetenti għandha tikkomunika lill-Kummissjoni fi żmien sena mill-konklużjoni tal-kuntratt, il-kuntratt għal servizz pubbliku u l-elementi li jiġġustifikaw it-tul ta' żmien itwal tiegħu.

▼M1

4a.  Fit-twettiq tal-kuntratti għal servizz pubbliku, l-operaturi ta' servizzi pubbliċi għandhom ikunu konformi mal-obbligi applikabbli fil-qasam tal-liġi soċjali u tax-xogħol stabbilita mid-dritt tal-Unjoni, id-dritt nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi.

4b.  Id-Direttiva 2001/23/KE għandha tapplika għal bidla ta' operatur tas-servizz pubbliku fejn tali bidla tikkostitwixxi trasferiment ta' impriża fit-tifsira ta' dik id-Direttiva.

▼B

5.  Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali u Komunitarja, inkluż ftehim kollettiv bejn l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeħtieġu lill-operatur ta' servizz pubbliku magħżul li jagħti lill-persunal li kien imqabbad minn qabel biex jipprovdi servizzi id-drittijiet li għalihom kien ikollhom jedd kieku kien hemm trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23/KE. Fejn l-awtoritajiet kompetenti jeħtieġu li operaturi ta' servizz pubbliku jikkonformu ma' ċerti standards soċjali, dokumenti ta' sejħiet għal offerti u kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jelenkaw il-persunal konċernat u jagħtu dettalji trasparenti tad-drittijiet kuntrattwali tagħhom u l-kondizzjonijiet li taħthom l-impjegati huma meqjusin li huma marbuta mas-servizzi.

▼M1

6.  Fejn l-awtoritajiet kompetenti, f'konformità mal-liġi nazzjonali, jirrikjedu li l-operaturi ta' servizz pubbliku jikkonformaw ma' ċerti standards ta' kwalità u soċjali, jew jistabbilixxu kriterji soċjali u kwalitattivi, dawk l-istandards u l-kriterji għandhom jiġu inklużi fid-dokumenti tal-offerta u fil-kuntratti għal servizz pubbliku. Filwaqt li jirrispettaw id-Direttiva 2001/23/KE, tali dokumenti tal-offerta u kuntratti għal servizz pubbliku għandhom, fejn applikabbli, jinkludu wkoll informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi relatati mat-trasferiment tal-persunal imqabbad mill-operatur preċedenti.

▼B

7.  Dokumenti ta' sejħiet għal offerti u kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jindikaw, b'mod trasparenti, jekk jistax jiġi kkunsidrat li jingħata sub-kuntratt jew le, u jekk iva sa fejn. Jekk jingħataw sub-kuntratti, l-operatur li jingħata l-inkarigu li jamministra u jħaddem is-servizzi ta' trasport tal-passiġġieri skond dan ir-Regolament għandu jkun mitlub iwettaq parti kbira mis-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri huwa nnifsu. Kuntratt għal servizz pubbliku li jkopri fl-istess ħin id-disinn, il-kostruzzjoni u l-operazzjoni ta' servizzi pubbliċi għat-trasport tal-passiġġieri jista' jippermetti sub-kuntrattazzjoni sħiħa għall-operazzjoni ta' dawk is-servizzi. Il-kuntratt għal servizz pubbliku għandu, skond il-liġi nazzjonali u Komunitarja, jiddetermina l-kondizzjonijiet applikabbli għall-għoti ta' subkuntratt.

▼M1

8.  Il-kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jirrikjedu li l-operatur jipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni essenzjali għall-għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni leġittima ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati kollha, l-informazzjoni rilevanti għat-tħejjija ta' offerta fil-qafas ta' proċedura ta' offerti kompetittiva filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni leġittima ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali. Dan għandu jinkludi informazzjoni dwar id-domanda tal-passiġġieri, it-tariffi, l-ispejjeż u d-dħul marbutin mat-trasport pubbliku tal-passiġġieri koperti mill-proċedura ta' offerti kompetittiva u dettalji tal-ispeċifikazzjonijiet tal-infrastruttura rilevanti għall-operazzjoni tal-vetturi jew rolling stock meħtieġa sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jfasslu pjani ta' negozju informati sew. Il-maniġers tal-infrastruttura ferrovjarja għandhom jappoġġaw lill-awtoritajiet kompetenti billi jipprovdu l-ispeċifikazzjonijiet infrastrutturali kollha rilevanti. In-nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati hawn fuq għandu jkun soġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 5(7).

▼B

Artikolu 5

L-għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku

1.  Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament. Madankollu, kuntratti ta’ servizzi jew kuntratti għal servizz pubbliku, kif definiti fid-Direttivi 2004/17/KE jew 2004/18/KE, għal servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram għandhom jingħataw skond il-proċeduri previsti f’dawk id-Direttivi fejn tali kuntratti ma jieħdux il-forma ta' kuntratti ta' konċessjonijiet ta' servizz kif definit f'dawk id-Direttivi. Fejn kuntratti jridu jiġu mogħtija skond id-Direttivi 2004/17/KE jew 2004/18/KE, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 6 ta' dan l-Artikolu m'għandhomx japplikaw.

▼M1

2.  Dment li ma jkunx ipprojbit mil-liġi nazzjonali, kwalunkwe awtorità lokali kompetenti, kemm jekk hija awtorità individwali jew grupp ta' awtoritajiet li jipprovdu servizzi integrati tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, tista' tiddeċiedi li tipprovdi servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri hija stess jew tagħti kuntratti għal servizz pubbliku direttament lil entità legalment distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew, fil-każ ta' grupp ta' awtoritajiet tal-anqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċita kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess.

Fil-każ ta' servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija, il-grupp ta' awtoritajiet imsemmi fl-ewwel subparagrafu jista' jkun magħmul biss minn awtoritajiet lokali kompetenti li ż-żona ġeografika ta' kompetenza tagħhom ma tkunx waħda nazzjonali. Il-kuntratt għal servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri jew tal-kuntratt għal servizz pubbliku msemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jkopru biss il-ħtiġijiet ta' trasport ta' agglomerazzjonijiet urbani jew żoni rurali, jew it-tnejn li huma.

Fejn awtorità lokali kompetenti tieħu tali deċiżjoni, għandu japplika dan li ġej:

▼B

(a) sabiex jiġi determinat jekk l-awtorità lokali kompetenti teżerċitax tali kontroll, fatturi bħal ma huma l-grad ta' rappreżentazjoni fuq korpi amministrattivi, ta' ġestjoni jew superviżorji, l-ispeċifikazzjonijiet relatati ma' dan fl-artikoli ta' assoċjazzjoni, il-proprjetà, l-influwenza effettiva u l-kontroll fuq deċiżjonijiet strateġiċi u fuq deċiżjonijiet individwali ta' ġestjoni. Skond il-liġi Komunitarja, proprjetà ta' 100 % mill-awtorità pubblika kompetenti, b'mod partikolari fil-każ ta' sħubiji pubbliċi-privati, m'hix ħtieġa mandatorja għall-istabbiliment ta' kontroll fit-tifsira ta' dan il-paragrafu, sakemm hemm influenza pubblika dominanti u jista' jiġi stabbilit kontroll abbażi ta' kriterji oħrajn;

(b) il-kondizzjoni biex jiġi applikat dan il-paragrafu hija li l-operatur intern u kwalunkwe entità li fuqha dan l-operatur jeżerċita influwenza anke minima jwettqu l-attività pubblika kollha tiegħu tat-trasport ta' passiġġieri fit-territorju ta' l-awtorità lokali kompetenti, minkejja kwalunkwe linji ħerġin jew elementi anċillari oħra ta' dik l-attività li jidħlu fit-territorju ta' awtoritajiet lokali kompetenti ġirien, u ma jieħdux sehem f'sejħiet kompetittivi għal offerti rigward il-forniment ta' servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri organizzati barra mit-territorju ta' l-awtorità lokali kompetenti;

(ċ) minkejja l-punt (b), operatur intern jista' jieħu sehem f'sejħiet għall-offerti ġusti u kompetittivi minn sentejn qabel it-tmiem tal-kuntratt għal servizz pubbliku mogħti lilu direttament taħt il-kondizzjoni li deċiżjoni finali tkun ittieħdet li s-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri koperti minn kuntratt ta' operatur intern jiġu suġġetti għal sejħa għall-offerti ġusta u kompetittiva u li l-operatur intern ma jkun ikkonkluda l-ebda kuntratt għal servizz pubbliku ieħor mogħti direttament;

(d) fin-nuqqas ta' awtorità lokali kompetenti, il-punti 2(a), (b) u (ċ) għandhom japplikaw għal awtorità nazzjonali għall-benefiċċju ta' żona geografika li mhijiex nazzjonali, dment li l-operatur intern ma jieħux sehem f'sejħiet kompetittivi għal offerti rigward il-forniment ta' servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri organizzati barra miż-żona li għalihom ikun ingħata l-kuntratt għal servizz pubbliku;

(e) jekk jiġi kkunsidrat l-għoti ta’ sub-kuntratt skond l-Artikolu 4(7), l-operatur intern ikun meħtieġ li jipprovdi l-parti l-kbira tas-servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri huwa nnifsu.

▼M1

3.  Kwalunkwe awtorità kompetenti li tirrikorri għal parti terza minbarra operatur intern, għandha tagħti kuntratti għal servizz pubbliku abbażi ta' sejħa kompetittiva għal offerti, ħlief fil-każijiet speċifikati fil-paragrafi 3a, 4, 4a, 4b, 5 u 6. Il-proċedura adottata għas-sejħa kompetittiva għal offerti għandha tkun miftuħa għall-operaturi kollha, għandha tkun ġusta u għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza u tan-nondiskriminazzjoni. Wara s-sottomissjoni ta' offerti u kwalunkwe preselezzjoni, il-proċedura tista' tinvolvi negozjati skont dawn il-prinċipji sabiex jiġi determinat l-aħjar mod biex jintlaħqu ħtiġiet speċifiċi jew kumplessi.

▼M1

3a.  Dment li ma jkunx ipprojbit mil-liġi nazzjonali, fir-rigward ta' kuntratti għal servizz pubbliku għal servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija mogħtija abbażi ta' proċedura ta' offerti kompetittiva, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li temporanjament tagħti kuntratti ġodda direttament fejn l-awtorità kompetenti tikkunsidra li l-għotja diretta hija ġustifikata minn ċirkostanzi eċċezzjonali. Tali ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom jinkludu sitwazzjonijiet fejn:

 diġà jkun hemm numru ta' proċeduri ta' offerti kompetittivi li diġà jkunu qed jiġu amministrati mill-awtorità kompetenti jew awtoritajiet kompetenti oħra li jistgħu jaffettwaw l-għadd jew il-kwalità tal-offerti li x'aktarx jaslu jekk il-kuntratt ikun is-soġġett ta' proċedura ta' offerti kompetittiva, jew

 bidliet fl-ambitu ta' kuntratt ta' servizz pubbliku wieħed jew aktar huma meħtieġa sabiex il-forniment ta' servizzi pubbliċi tiġi ottimizzata.

L-awtorità kompetenti għandha toħroġ deċiżjoni sostanzjata u għandha tinforma lill-Kummissjoni b'dan mingħajr dewmien bla bżonn.

It-tul ta' żmien ta' kuntratti mogħtija skont dan il-paragrafu għandu jkun proporzjonali għaċ-ċirkostanza eċċezzjonali konċernata u fi kwalunkwe każ m'għandux jeċċedi 5 snin.

L-awtorità kompetenti għandha tippubblika t-tali kuntratti. Meta tagħmel dan għandha,tieħu kont tal-protezzjoni leġittima ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u interessi kummerċjali.

Il-kuntratt sussegwenti li jikkonċerna l-istess obbligi tas-servizz pubbliku m'għandux jingħata abbażi ta' din id-dispożizzjoni.

3b.  B'applikazzjoni tal-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li japplikaw il-proċedura li ġejja:

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippubblikaw l-intenzjonijiet tagħhom li jagħtu kuntratt għal servizz ta' trasport pubbliku bil-ferrovija billi jippubblikaw avviż ta' informazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dak l-avviż ta' informazzjoni għandu jkun fih deskrizzjoni dettaljata tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt li għandu jingħata, kif ukoll it-tip u t-tul tal-kuntratt.

L-operaturi jistgħu jesprimu l-interess tagħhom fi żmien perijodu stabbilit mill-awtorità kompetenti li ma għandux ikun anqas minn 60 jum wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta' informazzjoni.

Jekk wara l-iskadenza ta' dak il-perijodu:

(a) operatur wieħed biss ikun esprima l-interess tiegħu li jipparteċipa fil-proċedura għall-għoti ta' kuntratt għal servizz pubbliku;

(b) dak l-operatur ikun debitament ipprova li ser ikun fil-fatt kapaċi jipprovdi s-servizz tat-trasport f'konformità mal-obbligi stabbiliti fil-kuntratt għal servizz pubbliku;

(c) in-nuqqas ta' kompetizzjoni ma tkunx ir-riżultat ta' limitazzjoni artifiċjali fil-parametri tal-akkwist; u

(d) ma jkun hemm l-ebda alternattiva raġonevoli;

l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jibdew in-negozjati ma' dak l-operatur sabiex jagħtu l-kuntratt mingħajr pubblikazzjoni ulterjuri ta' proċedura miftuħa għall-offerti.

▼M1

4.  Għajr fejn ikun projbit mil-liġi nazzjonali, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li tagħti kuntratti għal servizz pubbliku direttament:

(a) fejn il-valur annwali medju tagħhom ikun stmat għal anqas minn EUR 1 000 000 jew, fil-każ ta' kuntratt għal servizz pubbliku li jinkludi servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija, anqas minn EUR 7 500 000 ; jew

(b) fejn ikunu jikkonċernaw il-forniment annwali ta' anqas minn 300 000  kilometru ta' servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri jew, fil-każ ta' kuntratt għal servizz pubbliku li jinkludi servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija, anqas minn 500 000  kilometru.

Fil-każ ta' kuntratt għal servizz pubbliku li jingħata direttament lil impriża żgħira jew ta' daqs medju li ma toperax aktar minn 23 vettura tat-triq, dawk il-limiti jistgħu jiżdiedu jew għal valur annwali medju stmat għal inqas minn EUR 2 000 000 jew għal forniment annwali ta' inqas minn 600 000  kilometru ta' servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri.

▼M1

4a.  Għajr fejn ikun projbit mil-liġi nazzjonali, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li tagħti kuntratti għal servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija direttament:

(a) fejn hija tikkunsidra li l-għoti dirett ikun iġġustifikat mill-karatteristiċi ġeografiċi u strutturali rilevanti tas-suq u n-netwerk ikkonċernati, u b'mod partikolari d-daqs, il-karatteristiċi tad-domanda, il-kumplessità tan-netwerk, l-iżolament tekniku u ġeografiku u s-servizzi koperti mill-kuntratt, u

(b) fejn tali kuntratt jirriżulta f'titjib fil-kwalità tas-servizzi jew il-kosteffiċjenza, jew it-tnejn li huma, meta mqabbel mal-kuntratt għal servizz pubbliku mogħti preċedentement.

Abbażi ta' dan, l-awtorità kompetenti għandha tippubblika deċiżjoni sostanzjata u għandha tinforma lill-Kummissjoni b'dan fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni tagħha. L-awtorità kompetenti tista' tipproċedi bl-għoti tal-kuntratt.

L-Istati Membri li għalihom, fl-24 ta' Diċembru 2017, il-volum tas-suq annwali massimu huwa inqas minn 23 miljun kilometru ferrovjarju u li jkollhom biss awtorità kompetenti waħda fil-livell nazzjonali u kuntratt għal servizz pubbliku wieħed li jkopri n-netwerk kollu kemm hu għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt (a). Fejn awtorità kompetenti ta' wieħed minn dawk l-Istati Membri tiddeċiedi li tagħti kuntratt għal servizz pubbliku direttament, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan. Ir-Renju Unit jista' jiddeċiedi li japplika dan is-subparagrafu lill-Irlanda ta' Fuq.

Fejn l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti kuntratt għal servizz pubbliku direttament, hija għandha tistipula rekwiżiti tal-prestazzjoni miżurabbli, trasparenti u verifikabbli. Tali rekwiżiti għandhom jiġu inklużi fil-kuntratt.

Ir-rekwiżiti ta' prestazzjoni għandhom b'mod partikolari jkopru l-puntwalità tas-servizzi, il-frekwenza tal-operazzjonijiet ferrovjarji, il-kwalità ta' rolling stock u l-kapaċità ta' trasport għall-passiġġieri.

Il-kuntratt għandu jinkludi indikaturi speċifiċi ta' prestazzjoni li jippermettu lill-awtorità kompetenti sabiex twettaq valutazzjonijiet perjodiċi. Il-kuntratt għandu wkoll jinkludi miżuri effettivi u ta' deterrent li għandhom ikunu imposti fil-każ li l-impriża ferrovjarja ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni.

L-awtorità kompetenti għandha tivvaluta perjodikament jekk l-impriża ferrovjarja tkunx laħqet jew le l-miri tagħha li tissodisfa r-rekwiżiti ta' prestazzjoni kif stipulati fil-kuntratt u għandha tippubblika r-riżultati tal-valutazzjoni. Tali valutazzjonijiet perjodiċi għandhom isiru tal-anqas kull 5 snin. L-awtorità kompetenti għandha tieħu miżuri adatti u f'waqthom, inklużi l-impożizzjoni ta' pieni kuntrattwali effettivi u ta' deterrent jekk it-titjib meħtieġ fil-kwalità tas-servizzi jew il-kosteffiċjenza, jew it-tnejn li huma, ma jintlaħaqx. L-awtorità kompetenti tista' fi kwalunkwe ħin tissospendi jew tittermina kompletament jew parzjalment il-kuntratt mogħti taħt din id-dispożizzjoni jekk l-operatur jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti tal-prestazzjoni.

4b.  Sakemm ma jkunx ipprojbit mil-liġi nazzjonali, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li tagħti l-kuntratti għal servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija direttament fejn dawn jikkonċernaw biss l-operazzjoni ta' servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri minn operatur li jamministra simultanjament l-infrastruttura ferrovjarja kollha li fiha jiġu pprovduti s-servizzi jew parti prinċipali minnha, li hija eskluża mill-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 7a, 7b, 7c, 7d, 8, 13 u l-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ) f'konformità mal-Artikolu 2(3)(a) jew (b) ta' dik id-Direttiva.

B'deroga mill-Artikolu 4(3), it-tul ta' żmien ta' kuntratti li jingħataw direttament skont dan il-paragrafu u l-paragrafu 4a ta' dan l-Artikolu m'għandux jeċċedu 10 snin, ħlief fejn japplika l-Artikolu 4(4).

Kuntratti mogħtija skont dan il-paragrafu u l-paragrafu 4a għandhom jiġu ppubblikati, filwaqt li jittieħed kont tal-protezzjoni leġittima ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u interessi kummerċjali.

▼M1

5.  F'każ ta' interruzzjoni fis-servizzi jew ir-riskju immedjat ta' tali sitwazzjoni, l-awtorità kompetenti tista' tieħu miżuri ta' emerġenza.

Il-miżuri ta' emerġenza għandhom jieħdu l-forma ta' għotja diretta jew ftehim formali għall-estensjoni ta' kuntratt għal servizz pubbliku jew rekwiżit biex jiġu provduti ċerti obbligi ta' servizz pubbliku. L-operatur ta' servizz pubbliku għandu jkollu d-dritt li jappella d-deċiżjoni li jiġi impost il-forniment ta' ċerti obbligi ta' servizz pubbliku. Il-perijodu li fih kuntratt għal servizz pubbliku jingħata, jiġi estiż jew jiġi impost b'miżuri ta' emerġenza m'għandux jeċċedi sentejn.

▼B

6.  Sakemm mhux projbit bil-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jagħtu direttament kuntratti għal servizz pubbliku fejn jikkonċernaw trasport bil-ferrovija bl-eċċezzjoni ta' mezzi ferrovjarji oħrajn bħal metro jew tramm. B'deroga mill-Artikolu 4(3), tali kuntratti m'għandhomx jeċċedu l-10 snin, ħlief fejn japplika l-Artikolu 4(4).

▼M1

6a.  Sabiex iżidu l-kompetizzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li kuntratti għal servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija li jkopru partijiet mill-istess netwerk jew pakkett ta' rotot għandhom jingħataw lil impriżi ferrovjarji differenti. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, qabel ma jniedu proċedura ta' offerti kompetittiva, jiddeċiedu li jillimitaw l-għadd ta' kuntratti li għandhom jingħataw lill-istess impriża ferrovjarja.

▼B

7.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-deċiżjonijiet li jittieħdu skond il-paragrafi minn 2 sa 6 jkunu jistgħu jiġu riveduti b'mod effettiv u bla dewmien, fuq talba ta' kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess li tikseb kuntratt partikulari u li kienet jew li tkun qed tissogra li ssofri xi danni minħabba xi allegat ksur, fuq il-bażi li tali deċiżjonijiet jkunu kisru l-liġi tal-Komunità jew regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi.

▼M1

Għall-każjiet koperti mill-paragrafi 4a u 4b, tali miżuri għandhom jinkludu l-possibbiltà li tintalab valutazzjoni tad-deċiżjoni sostanzjata meħuda mill-awtorità kompetenti minn korp indipendenti maħtur mill-Istat Membru konċernat. L-eżitu ta' tali valutazzjoni għandu jkun disponibbli għall-pubbliku f'konformità mal-liġi nazzjonali.

▼B

Meta l-korpi responsabbli mill-proċeduri ta' reviżjoni ma jkunux ta' karattru ġuridiku, għandhom dejjem jingħataw raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tagħhom. Barra min hekk, f'każ bħal dan, trid issir dispożizzjoni sabiex kwalunkwe miżura allegatament illegali li tittieħed mill-korp ta' reviżjoni jew kwunkwe difett allegat fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu jistgħu ikunu soġġetti għal reviżjoni ġuridika jew reviżjoni minn korp ieħor li jkun qorti jew tribunal skond it-tifsira ta' l-Artikolu 234 tat-Trattat u li jkun indipendenti kemm mill-awtorità kuntrattwali kif ukoll mill-korp ta' reviżjoni.

▼M1

Artikolu 5a

Rolling stock ferrovjarju

1.  Fid-dawl tat-tnedija ta' proċedura ta' offerti kompetittiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw jekk ikunux meħtieġa miżuri biex jiġi żgurat aċċess effettiv u mingħajr diskriminazzjoni għal rolling stock adatt. Din il-valutazzjoni għandha tieħu kont tal-preżenza ta' kumpanniji ta' kiri ta' rolling stock, jew ta' atturi oħra fis-suq li jipprevedu l-kiri ta' vetturi ferrovjarji, fis-suq rilevanti. Ir-rapport ta' valutazzjoni għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

2.  L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu, f'konformità mal-liġi nazzjonali u f'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li jieħdu miżuri adatti biex jiġi żgurat aċċess effettiv u mingħajr diskriminazzjoni għal rolling stock adatt. Tali miżuri jistgħu jinkludu:

(a) l-akkwist mill-awtorità kompetenti tar-rolling stock użat għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt għal servizz pubbliku bil-għan li jkun disponibbli għall-operatur magħżul tas-servizz pubbliku bi prezz tas-suq, jew bħala parti mill-kuntratt ta' servizz pubbliku skont l-Artikolu 4(1)(b), l-Artikolu 6, u jekk applikabbli, l-Anness;

(b) l-għoti mill-awtorità kompetenti ta' garanzija għall-finanzjament tar-rolling stock użat għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt għal servizz pubbliku bi prezz tas-suq, jew bħala parti mill-kuntratt ta' servizz pubbliku skont l-Artikolu 4(1)(b), l-Artikolu 6, u jekk applikabbli, l-Anness, inkluża garanzija li tkopri il-valur residwali tar-riskju;

(c) impenn mill-awtorità kompetenti fil-kuntratt għal servizz pubbliku li tieħu f'idejha r-rolling stock b'kondizzjonijiet finanzjarji definiti minn qabel fi tmiem tal-kuntratt bi prezz tas-suq; jew

(d) kooperazzjoni ma' awtoritajiet kompetenti oħra, sabiex jinħoloq aggruppament akbar ta' rolling stock.

3.  Jekk ir-rolling stock isir disponibbli għal operatur ġdid tat-trasport pubbliku, l-awtorità kompetenti għandha tinkludi fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti, kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar l-ispejjeż tal-manutenzjoni tar-rolling stock kif ukoll dwar il-kondizzjoni fiżika tiegħu.

▼B

Artikolu 6

Kumpens għas-servizz pubbliku

▼M1

1.  Il-kumpens kollu marbut ma' regola ġenerali jew ma' kuntratt għal servizz pubbliku għandu jikkonforma mal-Artikolu 4, irrispettivament minn kif ikun ingħata l-kuntratt. Kull kumpens, irrispettivament min-natura tiegħu, li jkun marbut ma' kuntratt għal servizz pubbliku li ma jkunx ingħata skont l-Artikolu 5(1), (3) jew (3b) jew marbut ma' regola ġenerali, għandu jikkonforma wkoll mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Anness.

▼B

2.  Fuq talba bil-miktub mingħand il-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw, fi żmien tliet xhur jew fi kwalunkwe perijodu itwal li jista' jiġi stipulat f'dik it-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tikkunsidra meħtieġa biex tiddetermina jekk il-kumpens mogħti huwiex kompatibbli ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Pubblikazzjoni

▼M1

1.  Kull awtorità kompetenti għandha tagħmel pubbliku darba fis-sena rapport aggregat dwar l-obbligi ta' servizz pubbliku li għalihom hija responsabbli. Dak ir-rapport għandu jinkludi d-data tal-bidu u t-tul ta' żmien tal-kuntratti għal servizz pubbliku, l-operaturi magħżula ta' servizz pubbliku u l-ħlasijiet ta' kumpens u d-drittijiet esklużivi mogħtija lil dawk l-operaturi ta' servizz pubbliku permezz ta' rimborż. Ir-rapport għandu jiddistingwi bejn trasport bix-xarabank u trasport ferrovjarju, għandu jippermetti l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni, il-kwalità u l-finanzjament tan-netwerk tat-trasport pubbliku, u fejn xieraq, għandu jipprovdi informazzjoni dwar in-natura u l-ambitu ta' kwalunkwe dritt esklużiv li jiġi mogħti. Ir-rapport għandu wkoll jieħu kont tal-objettivi ta' politika kif iddikjarati fid-dokumenti tal-politika tat-trasport pubbliku fl-Istati Membri konċernati. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-aċċess ċentrali għal dawn ir-rapporti, pereżempju permezz ta' portal komuni tal-Internet.

▼B

2.  Kull awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li, għall-inqas darba fis-sena qabel it-tnedija tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti jew sena qabel l-għoti dirett, mill-inqas din l-informazzjoni li ġejja tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea:

(a) l-isem u l-indirizz ta' l-awtorità kompetenti;

(b) it-tip ta' għotja kkunsidrata;

(ċ) is-servizzi u ż-żoni potenzjalment koperti mill-għotja;

▼M1

(d) id-data tal-bidu u t-tul ta' żmien previsti tal-kuntratt għal servizz pubbliku.

▼B

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li ma jippubblikawx din l-informazzjoni fejn kuntratt għal servizz pubbliku jikkonċerna l-forniment annwali ta' anqas minn 50 000 kilometru ta' servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri.

Fil-każ li din l-informazzjoni tinbidel wara l-pubblikazzjoni tagħha, l-awtorità kompetenti għandha tippubblika rettifika f’dan is-sens mill-aktar fis possibbli. Din ir-rettifika għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-data ta' tnedija ta' l-għotja diretta jew is-sejħa għall-offerti.

Dan il-paragrafu m'għandux japplika għall-Artikolu 5(5).

3.  Fil-każ ta' kuntratti ta' għotja diretta ta' servizz pubbliku għal trasport bil-ferrovija kif previst fl-Artikolu 5(6), l-awtorità kompetenti għandha tagħmel pubbliku l-informazzjoni li ġejja fi żmien sena wara li tingħata l-għotja:

(a) l-isem ta' l-entità kontraenti u l-proprjetarji tagħha u, jekk ikun jixraq, l-isem tal-parti jew partijiet li jkunu jeżerċitaw kontroll legali;

(b) tul ta' żmien tal-kuntratt għal servizz pubbliku;

(c) deskrizzjoni tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri li għandhom isiru;

(d) deskrizzjoni tal-parametri tal-kumpens finanzjarju;

(e) miri ta' kwalità, bħal m’huma l-puntwalità u l-affidabilità u premjijiet u pieni applikabbli;

(f) kondizzjonijiet relatati ma' assi essenzjali.

4.  Fuq talba minn parti interessata, awtorità kompetenti għandha tgħaddilha r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha għall-għoti dirett ta' kuntratt għal servizz pubbliku.

Artikolu 8

Tranżizzjoni

1.  Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament. Madankollu, kuntratti ta’ servizzi jew kuntratti għal servizz pubbliku, kif definiti fid-Direttivi 2004/17/KE jew 2004/18/KE, għal servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram għandhom jingħataw skond il-proċeduri previsti f’dawk id-Direttivi fejn tali kuntratti ma jieħdux il-forma ta' kuntratti ta' konċessjonijiet ta' servizz kif definit f'dawk id-Direttivi. Fejn kuntratti jridu jiġu mogħtija skond id-Direttivi 2004/17/KE jew 2004/18/KE, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 4 ta' dan l-Artikolu m'għandhomx japplikaw.

▼M1

2.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3,

(i) L-Artikolu 5 għandu japplika għall-għoti ta' kuntratti pubbliku għal servizzi għat-trasport tal-passiġġieri bit-triq u b'mezzi oħra fuq binarji minbarra l-ferrovija, bħall-metro jew il-linji tat-tramm mit-3 ta' Diċembru 2019.

(ii) L-Artikolu 5 għandu japplika għas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija mit-3 ta' Diċembru 2019.

(iii) L-Artikolu 5(6) u l-Artikolu 7(3) ma għandhomx jibqgħu japplikaw mill-25 ta' Diċembru 2023.

It-tul ta' żmien tal-kuntratti mogħtija skont l-Artikolu 5(6) bejn it-3 ta' Diċembru 2019 u l-24 ta' Diċembru 2023 m'għandux jeċċedi 10 snin.

Sat-2 ta' Diċembru 2019, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex gradwalment jikkonformaw mal-Artikolu 5 sabiex jevitaw problemi strutturali serji f'mod partikolari rigward il-kapaċità tat-trasport.

Fi żmien sitt xhur wara l-25 ta' Diċembru 2020, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport ta' progress, li jenfasizza l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku li jkunu konformi mal-Artikolu 5. Abbażi tar-rapporti ta' progress tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha twettaq reviżjoni u, jekk adatt, tippreżenta proposti leġiżlattivi.

▼M1

2a.  Kuntratti għal servizz tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija mogħtija direttament abbażi ta' proċedura għajr proċedura kompetittiva ġusta sal-24 ta' Diċembru 2017 sat-2 ta' Diċembru 2019, jistgħu jkomplu sad-data tal-iskadenza tagħhom. B'deroga mill-Artikolu 4(3), it-tul ta' żmien ta' dawn il-kuntratti m'għandux jeċċedi 10 snin, ħlief fejn japplika l-Artikolu 4(4).

▼B

3.  Fl-applikazzjoni tal-paragrafu 2, m'għandux jittieħed kont tal-kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija skond id-dritt Komunitarju u nazzjonali:

(a) qabel is-26 ta' Lulju 2000 abbażi ta' proċedura ġusta u kompetittiva ta' sejħiet għall-offerti;

(b) qabel is-26 ta' Lulju 2000 abbażi ta' proċedura li mhijiex proċedura ġusta u kompetittiva ta' sejħiet għall-offerti;

(ċ) mis-26 ta' Lulju 2000 u qabel it-3 ta’ Diċembru 2009 abbażi ta' proċedura ġusta u kompetittiva ta' sejħiet għall-offerti;

▼M1

(d) mis-26 ta' Lulju 2000 u qabel l-24 ta' Diċembru 2017 abbażi ta' proċedura għajr proċedura ta' offerti ġusta kompetittiva.

▼B

Il-kuntratti msemmija f'(a) jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu. Il-kuntratti msemmija f'(b) u (ċ) jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu, iżda għal mhux għal aktar minn 30 sena. Il-kuntratti msemmija f'(d) jistgħu jibqgħu sakemm jiskadu, kemm-il darba jkollhom tul ta' żmien limitat meta mqabbel mat-tul ta' żmien speċifikat fl-Artikolu 4.

Kuntratti għal servizz pubbliku jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu jekk it-tmiem tagħhom ikun ifisser konsegwenzi legali jew ekonomiċi eċċessivi u dment li l-Kummissjoni tkun tat l-approvazzjoni tagħha.

4.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu, fit-tieni nofs tal-perijodu ta' transizzjoni speċifikat fil-paragrafu 2, li jeskludu mill-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti permezz ta' sejħiet għal offerti lil dawk l-operaturi ta' servizz pubbliku li ma jistgħux jipprovdu evidenza li l-valur tas-servizzi pubbliċi tat-trasport li għalih qed jirċievu kumpens jew jibbenefikaw minn dritt esklussiv mogħti skond dan ir-Regolament jirrappreżenta mill-anqas nofs il-valur tas-servizzi pubbliċi tat-trasport kollha li għalihom qed jirċievu kumpens jew qed jibbenefikaw minn dritt esklussiv. Tali esklużjoni m'għandhiex tapplika għal operaturi ta' servizz pubbliku li joffru s-servizzi li għalihom għandha ssir sejħa għall-offerti. Għall-applikazzjoni ta' dan il-kriterju, ma għandhomx jitqiesu l-kuntratti għal servizz pubbliku li jkunu ngħataw bħala miżura ta' urġenza kif imsemmi fl-Artikolu 5(5).

Meta l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu użu mill-għażla msemmija fl-ewwel subparagrafu, dawn għandhom jagħmlu dan mingħajr diskriminazzjoni, jeskludu l-operaturi ta' servizz pubbliku kollha potenzjali li jissodisfaw dan il-kriterju u jinfurmaw lill-operaturi potenzjali bid-deċiżjoni tagħhom fil-bidu tal-proċedura għall-għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku.

L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li japplikaw din id-dispożizzjoni mill-inqas xahrejn qabel il-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-offerti.

Artikolu 9

Kompatibilità mat-Trattat

1.  Kumpens għal servizz pubbliku għall-operat ta' servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri jew għall-konformità ma' obbligi ta' tariffa stabbiliti permezz ta' regoli ġenerali mħallsa skond dan ir-Regolament għandu jkun kompatibbli mas-suq komuni. Tali kumpens għandu jkun eżenti mill-ħtieġa ta' notifika minn qabel imniżżla fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

2.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 73, 86, 87 u 88 tat-Trattat, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu jagħtu għajnuniet għas-settur tat-trasport skond l-Artikolu 73 tat-Trattat li jirrispetta l-ħtiġiet ta' koordinazzjoni ta' trasport jew li jirrapreżenta rimborż għat-twettiq ta' ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku, minbarra dawk koperti minn dan ir-Regolament, b'mod partikolari:

(a) sad-dħul fis-seħħ ta' regoli komuni dwar l-allokazzjoni ta' spejjeż ta' infrastruttura, fejn l-għajnuna tingħata lil impriżi li għandhom ikopru nefqa relatata ma' l-infrastruttura użata minnhom, filwaqt li impriżi oħra ma jkunux soġġetti għal tali piż. Waqt li jiġi ddeterminat l-ammont ta' għajnuna mogħti, għandu jittieħed kont ta' l-ispejjeż ta' l-infrastruttura li mezzi ta' trasport li jikkompetu m'għandhomx ikopru;

(b) fejn l-għan ta' l-għajnuna hu li ssir promozzjoni tar-riċerka fis-sistemi ta' trasport u teknoloġiji li huma aktar ekonomiċi għall-Komunità b'mod ġenerali, jew l-iżvilupp tagħhom.

Tali għajnuna għandha tkun ristretta għall-istadju ta' riċerka u żvilupp u ma tistax tkopri l-esplojtazzjoni kummerċjali ta' tali sistemi u teknoloġiji ta' trasport.

Artikolu 10

Tħassir

1.  Ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 għandu jkun imħassar. Id-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom madankollu jkomplu japplikaw għal servizzi tat-trasport tal-merkanzija għal perijodu ta' tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

2.  Ir-Regolament (KEE) Nru 1107/70 għandu jkun imħassar.

Artikolu 11

Rapporti

Wara t-tmiem tal-peridjou ta' transizzjoni speċifikat fl-Artikolu 8(2), il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u dwar l-iżviluppi fil-forniment ta' trasport pubbliku għall-passiġġieri fil-Komunità Ewropea, bil-valutazzjoni b'mod partikolari ta' l-iżvilupp tal-kwalità tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri u l-effetti ta' għotjiet diretti, akkumpanjati, jekk meħtieġ, minn proposti xierqa biex jiġi emendat dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS

Regoli applikabbli għall-kumpens fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1)

1. Il-kumpens marbut ma' kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija direttament skond l-Artikolu 5(2), (4), (5) jew (6) jew ma' regola ġenerali għandu jiġi kkalkulat skond ir-regoli mniżżla f'dan l-Anness.

2. Il-kumpens ma jistax jaqbeż l-ammont li jikkorrispondi għall-effett finanzjarju nett ekwivalenti għat-total ta' l-effetti, pożittivi jew negattivi, ta' konformità ma' l-obbligu ta' servizz pubbliku fuq l-ispejjeż u d-dħul ta' l-operatur ta' servizz pubbliku. L-effetti għandhom ikunu valutati bi tqabbil tas-sitwazzjoni fejn l-obbligu tas-servizz pubbliku jiġi rrispettat mas-sitwazzjoni li tkun eżistiet kieku l-obbligu ma kienx ġie rrispettat. Sabiex jiġi kkalkulat l-effett finanzjarju nett, l-awtorità kompetenti għandha tkun iggwidata mill-iskema segwenti:

Spejjeż magħmula b'rabta ma' obbligu ta' servizz pubbliku jew grupp ta' obbligi ta' servizz pubbliku imposti mill-awtorità/awtoritajiet kompetenti, li jinsabu f'kuntratt għal servizz pubbliku u/jew f'regola ġenerali,

bit-tnaqqis ta' kwalunkwe effetti finanzjarji pożittivi ġenerati fin-network imħaddem taħt l-obbligu(i) ta' servizz pubbliku in kwistjoni,

bit-tnaqqis ta' tariffa jew kwalunkwe dħul ieħor ġenerat fir-rispett ta' l-obbligu(i) tas-servizz pubbliku in kwistjoni,

biż-żieda ta' qligħ raġonevoli,

ugwali għall-effett finanzjarju nett.

3. Konformità ma' l-obbligu ta' servizz pubbliku jista' jkollu impatt fuq attivitajiet possibbli ta' trasport ta' operatur lil hinn mill-obbligu(i) ta' servizz pubbliku in kwistjoni. Għalhekk, sabiex jiġi evitat kumpens żejjed jew nuqqas ta' kumpens, għandu jittieħed kont ta’ effetti finanzjarji kwantifikabbli fuq ir-rettikolati kkonċernati ta' l-opertur meta jiġi kkalkulat l-effett finanzjarju nett.

4. L-ispejjeż u d-dħul għandhom ikunu kkalkulati skond ir-regoli tal-kontabbiltà u tat-taxxa fis-seħħ.

5. Sabiex tiżdied it-trasparenza u jiġu evitati sussidji reċiproċi, fejn operatur ta' servizz pubbliku mhux biss iħaddem servizzi kkumpensati soġġetti għall-obbligi ta' servizz ta' trasport pubbliku, iżda wkoll jidħol f'attivitajiet oħrajn, il-kontijiet tas-servizzi pubbliċi msemmija għandhom ikunu separati sabiex jiġu sodisfatti mill-anqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:

 il-kontijiet operattivi li jikkorrispondu għal kull waħda mill-attivitajiet għandhom ikunu separati u l-proporzjon ta' l-assi li jikkorrispondu u l-ispejjeż fissi għandhom jiġu allokati skond ir-regoli tal-kontabbiltà u tat-taxxa fis-seħħ;

 l-ispejjeż kollha varjabbli, kontribut adegwat għall-ispejjeż fissi u qligħ raġonevoli marbut ma' kwalunkwe attività oħra ta' l-operatur tas-servizz pubbliku, ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jkunu debitati fuq is-servizz pubbliku in kwistjoni;

 l-ispejjeż ta' servizz pubbliku għandhom jiġu bbilanċjati mid-dħul operattiv u l-ħlasijiet minn awtoritajiet pubbliċi, mingħajr kwalunkwe possibbiltà ta' trasferiment tad-dħul lil kwalunkwe settur ieħor ta' l-attività ta' l-operatur ta' servizz pubbliku.

6. “Qligħ raġonevoli” għandu jiġi mifhum bħala rata ta' dħul fuq il-kapital li hija normali għas-settur fi Stat Membru partikolari u li tieħu kont tar-riskju, jew in-nuqqas ta' riskju, li jkun għamel l-operatur ta' servizz pubbliku permezz ta' l-intervent ta' l-awtorità pubblika.

7. Il-metodu ta' kumpens għandu jippromwovi ż-żamma jew l-iżvilupp ta':

 ġestjoni effettiva min-naħa ta' l-operatur ta' servizz pubbliku, li tista' tkun is-suġġett ta' valutazzjoni oġġettiva, u

 il-forniment ta' servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta' standard għoli biżżejjed.



( 1 ) ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7.

( 2 ) Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).