2006R1932 — MT — 19.01.2007 — 000.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

▼C1

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1932/2006

tal-21 ta’ Diċembru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa

▼B

(ĠU L 405, 30.12.2006, p.23)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 029, 3.2.2007, p. 10  (1932/2006)




▼B

▼C1

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1932/2006

tal-21 ta’ Diċembru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa



IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2)(b)(i) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-kompożizzjoni tal-listi ta’ pajjiżi terzi fl-Annessi I u II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 ( 1 ) għandhom ikunu, u għandhom jibqgħu, konsistenti mal-kriterji stabbiliti fil-premessa (5) tiegħu. Xi pajjiżi terzi għandhom jiġu trasferiti minn Anness għall-ieħor, b'mod partikolari fir-rigward ta’ l-immigrazzjoni illegali u l-politika pubblika.

(2)

Il-Bolivja għandha tiġi trasferita għal Anness I tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Id-data ta’ l-applikazzjoni tal-ħtieġa tal-viża għal ċittadini tal-Bolivja għandha tkun b’mod li tippermetti lill-Istati Membri jirrevokaw il-ftehim bilaterali mal-Bolivja f'ħin debitu u biex jieħdu l-miżuri amministrattivi u organizzattivi kollha meħtieġa biex jintroduċu l-ħtieġa tal-viża konċernata.

(3)

L-Antigua u Barbuda, il-Bahamas, il-Barbados, il-Mawrizju, Saint Kitts u Nevis, u s-Seychelles għandhom jiġu trasferiti għall-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001.

L-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini ta’ dawk il-pajjiżi m’għandhiex tidħol fis-seħħ qabel ma jiġi konkluż ftehim bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża bejn il-Komunità Ewropea u l-pajjiż konċernat.

(4)

Iż-żewġ Annessi għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 għandhom ikunu eżawrjenti. Għal dak il-għan, ma' kull wieħed mill-Annessi għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 għandha tiżdied intestatura li tagħmilha possibbli li jiġu stabbiliti l-arranġamenti tal-viża li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri għall-kategoriji ta’ persuni magħmula soġġetti għall-ħtieġa tal-viża minn ċerti Stati Membri u eżentati minnha minn oħrajn. Kategoriji varji ta’ persuni “Brittaniċi” li m’humiex ċittadini tar-Renju Unit fit-tifsira tad-dritt Komunitarju għandhom jiżdiedu ma' l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 u ċ-Ċittadini Brittaniċi (Overseas) għandhom jiżdiedu ma' l-Anness II.

(5)

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eżenzjonijiet mill-ħtieġa tal-viża għal detenturi ta’ ċerti passaporti minbarra passaporti ordinarji. L-għażla ta' dawn il-passaporti teħtieġ kjarifika. Fir-Regolament (KE) Nru 539/2001 jeħtieġ li ssir referenza wkoll għall-proċeduri applikabbli fejn isir rikors għal tali eżenzjonijiet.

(6)

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-ħtieġa tal-viża refuġjati rikonoxxuti, il-persuni mingħajr stat kollha, kemm dawk taħt il-Konvenzjoni dwar l-istatus ta' persuni mingħajr stat tat-28 ta' Settembru 1954 kif ukoll dawk barra l-kamp ta' applikazzjoni ta' dik il-Konvenzjoni, u tfal ta' l-iskola li jivjaġġaw f'ħarġiet ta' l-iskola fejn il-persuni ta' dawn il-kategoriji jkunu joqogħdu f'pajjiż terz elenkat fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001.

Eżenzjoni sħiħa mill-ħtieġa tal-viża diġà teżisti għal dawn it-tliet kategoriji ta' persuni li joqogħdu fiż-żona ta' Schengen meta huma jidħlu jew jidħlu mill-ġdid f'dik iż-żona; eżenzjoni ġenerali għandha tiġi introdotta għal persuni ta' dawk il-kategoriji li joqogħdu fi Stat Membru li ma ngħaqadx jew li għadu ma ngħaqadx maż-żona ta' Schengen, safejn huwa konċernat id-dħul (mill-ġdid) tagħhom fit-territorju ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor marbut mill-acquis ta' Schengen.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dwar traffiku tal-fruntiera lokali fil-fruntieri ta' l-art esterni ta' l-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Schengen ( 2 ) jagħmilha meħtieġa li jkun hemm dispożizzjoni għal eżenzjoni ġdida mill-ħtieġa tal-viża għal detenturi ta' kard tat-traffiku tal-fruntiera lokali.

(8)

L-arranġamenti li jirregolaw l-eżenzjonijiet għall-ħtieġa tal-viża għandhom jirriflettu bis-sħiħ il-prattiki attwali. Ċerti Stati Membri jagħtu eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 li huma membri tal-forzi armati li jkunu qed jivjaġġaw fuq xogħol tan-NATO jew tas-Sħubija għall-Paċi. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, dawn l-eżenzjonijiet, li huma bbażati fuq obbligi internazzjonali esterni għad-dritt Komunitarju, għandhom madankollu jissemmew f'dak ir-Regolament.

(9)

Minħabba l-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 539/2001, hu meħtieġ li l-istruttura tiegħu titjieb u ssir eħfef għall-qari, u għalhekk għandu jitfassal mill-ġdid aktar tard.

(10)

Rigward l-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkonsisti fi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen ( 3 ), li jaqa’ fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 (B) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim ( 4 ).

(11)

Ir-Renju Unit u l-Irlanda m'humiex marbuta bir-Regolament (KE) Nru 539/2001. Għaldaqstant huma m'humiex qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u m'humiex marbuta bih jew soġġetti għall-applikazzjoni tiegħu.

(12)

Fir-rigward ta’ l-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkonsisti fi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen, fit-tifsira tal-Ftehim iffirmat mill-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen, li jaqa’ fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1(B) tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/860/KE tal-25 ta’ Ottubru 2004 dwar l-iffirmar, f’isem il-Komunità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera, dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen ( 5 ).

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa b' dan emendat kif ġej:

1) L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a) Is-sub-paragrafu li ġej huwa miżjud mal-paragrafu 1:

“Mingħajr preġudizzju għall-ħtiġiet li joħorġu mill-Ftehim Ewropew dwar it-Tneħħija tal-Viżi għar-Refuġjati ffirmat fi Strasburgu fl-20 ta’April 1959, refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat (apolidi) għandhom ikun meħtieġa li jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri jekk il-pajjiż terz li fih huma residenti u li ħarġilhom id-dokument ta’ l-ivvjaġġar tagħhom huwa pajjiż terz elenkat fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.”

(b) Is-sub-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud mal-paragrafu 2:

“Dawn li ġejjin għandhom ukoll jiġu eżentati mill-ħtieġa tal-viża:

 iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament li huma deternturi ta’ karta tat-traffiku tal-fruntieri lokali maħruġa mill-Istati Membri skond ir-Regolament (KE) Nru 1936/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dwar it-Traffiku tal-Fruntieri Lokali fuq il-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Schengen ( 6 ) meta dawn id-detenturi jeżerċitaw id-dritt tagħhom fil-kuntest tar-reġim tat-Traffiku tal-Fruntieri Lokali;

 tfal ta’ l-iskola li huma ċittadini ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness I u li joqogħdu fi Stat Membru li japplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/795/ĠAI tat-30 ta' Novembru 1994 dwar azzjoni konġunta adottata mill-Kunsill abbażi ta' l-Artikolu K.3.2.b tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea rigward faċilitajiet ta' l-ivvjaġġar għal tfal ta' l-iskola minn pajjiżi terzi li joqogħdu fi Stat Membru ( 7 ) u jkunu qed jivvjaġġaw fil-kuntest ta’ eskursjoni skolastika bħala membri ta’ grupp ta’ tfal ta’ l-iskola akkumpanjati minn għalliem mill-iskola konċernata;

 refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat u persuni oħra li m'għandhomx iċ-ċittadinanza ta' kwalunkwe pajjiż li joqogħdu fi Stat Membru u huma detenturi ta' dokument ta' l-ivvjaġġar maħruġ minn dak l-Istat Membru.

2) L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 għandu jkun imħassar.

3) L-Artikolu 4 għandu jkun emendat kif ġej:

(a) Il-Paragrafu (1)(a) għandu jkun sostitwit b'dan li ġej:

‘(a) id-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi, passaporti tas-servizz/uffiċjali jew passaporti speċjali skond waħda mill-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 1(1) u 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 789/2001 ta' l-24 ta' April 2001 li jirriserva lill-Kunsill il-poteri ta' implimentazzjoni rigward ċerti dispożizzjonijiet dettaljati u proċeduri prattiċi sabiex jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għall-viżi ( 8 )."

(b) Il-Paragrafu 2 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej:

“2.  Stat Membru jista’ jeżenta mill-ħtieġa tal-viża:

(a) tifel/tifla ta’ l-iskola li jkollu/ha ċ-ċittadinanza ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness I li hu/hi residenti f’pajjiż terz elenkat fl-Anness II jew fl-Iżvizzera u Liechtenstein u li jkun/tkun qed j/tivvjaġġa fil-kuntest ta’ eskursjoni skolastika bħala membru ta’ grupp ta’ tfal ta’ l-iskola akkumpanjati minn għalliem mill-iskola konċernata;

(b) refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat jekk il-pajjiż terz fejn joqogħdu u li jkun ħareġ id-dokument ta’ l-ivvjaġġar tagħhom ikun wieħed mill-pajjiżi terzi elenkati fl-Anneess II;

(ċ) membri tal-forzi armati li jkunu qed jivvjaġġaw fuq xogħol tan-NATO jew tas-Sħubija għall-Paċi u detenturi ta’ ordnijiet ta’ identifikazzjoni u moviment previsti fil-Ftehim tad-19 ta’ Ġunju 1951 bejn il-Partijiet ta' l-Organizzazzjoni tat-Trattat tat-Tramuntana ta’ l-Atlantiku dwar l-istatus tal-forzi tagħhom.”

4) L-Anness 1 għandu jkun emendat kif ġej:

(a) f'parti 1:

(i) tiddaħħal referenza għall-Bolivja bejn il-”Bhutan” u l-”Bosnja u Herzegovina”;

(ii) ir-referenzi għal Antigwa u Barbuda, il-Baħamas, il-Barbados, il-Mawrizju, Saint Kitts u Nevis, u s-Seychelles għandhom jitħassru;

(iii) ir-referenza għal “Timor tal-Lvant” għandha tiġi sostitwita b'referenza għal “Timor-Leste”, bejn “il-Komoros” u “Togo”;

(iv) ir-referenza għar-“Repubblika Federali tal-Jugoslavja” għandha tiġi sostitwita b'referenzi għas- “Serbja” bejn “Senegal” u “Seychelles” u “Montenegro” bejn “Mongolja” u “Marokk” ;

(v) ir-referenza għal “Samoa tal-Punent” għandha tiġi sostitwita b'“Samoa”;

(b) tiżdied il-parti li ġejja:

“3. ĊITTADINI BRITANNIĊI LI MHUMIEX ĊITTADINI TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ GĦALL-FINIJIET TAD-DRITT KOMUNITARJU:

Ċittadini ta' Territorji Brittaniċi Overseas li m'għandhomx id-dritt li jabitaw fir-Renju Unit

Ċittadini Britanniċi Overseas

Suġġetti Brittaniċi li m'għandhomx id-dritt li jabitaw fir-Renju Unit

Persuni Britanniċi Protetti”;

5) L-Anness II għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) f'Parti 1:

(i) titħassar r-referenza għall-Bolivja;

(ii) jiddaħħlu r-referenzi li ġejjin:

“Antigwa u Barbuda(*)

Baħamas(*)

Barbados(*)

Mawrizju(*)

Saint Kitts u Nevis(*)

Seychelles(*)”

(iii) tiddaħħal in-nota li ġejja:

“(*) L-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża ser tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni tal-viża li għandu jiġi konkluż mal-Komunità Ewropea.”

(iv) ir-referenza għal “Brunei” għandha tiġi sostitwita b’referenza għal “Brunei Daussalam”

(b) tiżdied il-parti li ġejja:

“3. ĊITTADINI BRITANNIĊI LI MHUMIEX ĊITTADINI TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ GĦALL-FINIJIET TAD-DRITT KOMUNITARJU:

Ċittadini Britanniċi (Overseas)”.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom japplikaw il-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-Bolivja b’effett mill-1 ta' April 2007.

L-Istati Membri għandhom japplikaw l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini ta’ Antigwa u Barbuda, il-Baħamas, il-Barbados, il-Mawrizju, Saint Kitts u Nevis u s-Seychelles mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar eżenzjonijiet mill-viża li għandu jiġi konkluż mill-Komunità Ewropea mall-pajjiż terz konċernat.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.



( 1 ) ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament 851/2005 (ĠU L 141, 4.6.2005, p. 3).

( 2 ) Ara paġna 3 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

( 3 ) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

( 4 ) ĠU L 368, 15.12.2004, p. 26.

( 5 ) ĠU L 370, 17.12.2004, p. 78.

( 6 ) ĠU L 405, 30.12.2006, p. 1.

( 7 ) ĠU L 327, 19.12.1994, p. 1.”

( 8 ) ĠU L 116, 26.4.2001, p. 2. Regolament kif emendat bid-Deċiżjoni 2004/927/KE (ĠU L 396, 31.12.2004, p. 45).’